LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • bhs kap. 4 pp. 40-51
  • Min hu Ġesù Kristu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Min hu Ġesù Kristu?
  • X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
  • Aqra f'din l-edizzjoni Il-Bibbja X’Tgħallem?
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • SIBNA ’L-​MESSIJA!
  • ĠESÙ MINN FEJN ĠIE?
  • X’TIP TAʼ BNIEDEM KIEN ĠESÙ?
  • DEJJEM LEALI LEJN MISSIERU
  • Min Hu Ġesù?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Ġesù Kristu—Iċ-Ċavetta għall-Għarfien Dwar Alla
    Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem
  • Il-Messija! il-Mezz taʼ Salvazzjoni t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • Ġesù Kristu—Il-Mistoqsijiet Tagħna Mweġbin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
Ara Iżjed
X’nistgħu nitgħallmu mill-Bibbja?
bhs kap. 4 pp. 40-51

KAPITLU ERBGĦA

Min hu Ġesù Kristu?

1, 2. (a) Tistaʼ tgħid li verament taf lil xi ħadd famuż jekk kulma taf hu ismu? Spjega. (b) In-​nies x’jemmnu dwar Ġesù?

HEMM ħafna nies famużi fid-​dinja. Int forsi taf l-​isem taʼ xi ħadd famuż. Imma s-​sempliċi fatt li taf ismu ma jfissirx li tafu sew. Ma jfissirx li taf kull dettall dwar ħajtu u x’tip taʼ bniedem hu verament.

2 Int għandek mnejn smajt dwar Ġesù Kristu, avolja kien jgħix fuq l-​art madwar 2,000 sena ilu. Imma l-​biċċa l-​kbira min-​nies ma jafux x’tip taʼ bniedem kien Ġesù. Xi wħud jgħidu li kien raġel tajjeb, xi wħud jgħidu li kien profeta, u oħrajn jemmnu li hu Alla. Int x’taħseb?—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 12.

3. Għala huwa importanti li tkun taf lil Alla Ġeħova u lil Ġesù Kristu?

3 Huwa importanti li tkun taf il-​verità dwar Ġesù. Għala? Il-​Bibbja tgħidilna: “Il-​ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Iva, jekk tkun taf il-​verità dwar Ġeħova u Ġesù, int se tkun tistaʼ tgħix għal dejjem fuq art magħmula ġenna. (Ġwanni 14:6) Ukoll, li tkun taf dwar Ġesù se jgħinek għax hu l-​aqwa eżempju taʼ kif għandna ngħixu u nittrattaw lil oħrajn. (Ġwanni 13:34, 35) F’Kapitlu 1, aħna tgħallimna l-​verità dwar Alla. Issa se nsiru nafu x’tgħallem il-​Bibbja dwar Ġesù.

SIBNA ’L-​MESSIJA!

4. Xi jfisser il-​kliem “Messija” u “Kristu”?

4 Ħafna snin qabel ma twieled Ġesù, fil-​Bibbja Ġeħova wiegħed li kien se jibgħat lill-​Messija, jew il-​Kristu. Il-​kelma “Messija” ġejja mil-​lingwa Ebrajka, u l-​kelma “Kristu” ġejja mill-​Grieg. Dawn iż-​żewġ titli jfissru li Alla kien se jagħżel lill-​Messija mwiegħed u jagħtih pożizzjoni speċjali. Il-​Messija se jwettaq il-​wegħdi kollha t’Alla. Ġesù jistaʼ jgħinek ukoll issa stess. Imma qabel ma twieled Ġesù, ħafna nies kienu jistaqsu, ‘Min se jkun il-​Messija?’

5. Emmnu d-​dixxipli taʼ Ġesù li hu kien il-​Messija?

5 Id-​dixxipli taʼ Ġesù ma kellhom ebda dubju li hu kien il-​Messija mwiegħed. (Ġwanni 1:41) Pereżempju, Xmun Pietru qal lil Ġesù: “Int il-​Kristu.” (Mattew 16:16) Aħna kif nistgħu nkunu ċerti li Ġesù hu l-​Messija?

6. Ġeħova kif għen lil nies sinċieri jidentifikaw il-​Messija?

6 Ħafna qabel ma twieled Ġesù, il-​profeti t’Alla kitbu bosta dettalji li kienu se jgħinu lin-​nies isibu l-​Messija. Dan kif kien se jgħin? Ejja ngħidu li kellek tmur tiġbor lil xi ħadd li qatt ma ltqajt miegħu mill-​ajruport. Jekk xi ħadd itik deskrizzjoni tajba tal-​persuna, int x’aktarx li jirnexxilek issibu. Bl-​istess mod, Ġeħova uża l-​profeti tiegħu biex jgħidilna dwar x’kien se jagħmel il-​Messija u dwar x’kien se jiġrilu. It-​twettiq taʼ dawn il-​profeziji kollha jgħin lil nies sinċieri jkunu jafu li Ġesù hu l-​Messija.

7. Semmi żewġ profeziji li juru li Ġesù hu l-​Messija.

7 Issa se naraw tnejn minn dawn il-​profeziji. L-​ewwel, 700 sena qabel ma twieled Ġesù, Mikea pprofetizza li l-​Messija kien se jitwieled fil-​belt żgħira taʼ Betlem. (Mikea 5:2) U Ġesù veru twieled hemm! (Mattew 2:1, 3-​9) It-​tieni, Danjel ipprofetizza li l-​Messija kien se jidher fis-​sena 29 WK. (Danjel 9:25) Dawn huma biss tnejn mill-​ħafna profeziji li juru b’mod ċar li Ġesù hu l-​Messija mwiegħed.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 13.

Fil-magħmudija taʼ Ġesù, l-ispirtu t’Alla tinżel bħal ħamiema biex juri li Ġesù hu l-Messija

Fil-magħmudija tiegħu, Ġesù sar il-Messija, jew il-Kristu

8, 9. X’ġara fil-​magħmudija taʼ Ġesù li jagħti prova li hu l-​Messija?

8 Ġeħova wera b’mod ċar li Ġesù hu l-​Messija. Alla wiegħed li kien se jagħti lil Ġwanni l-​Għammied sinjal biex ikun jaf min hu l-​Messija. Fis-​sena 29 WK, meta Ġesù mar għand Ġwanni biex jitgħammed fix-​Xmara Ġordan, Ġwanni ra dan is-​sinjal. Il-​Bibbja tgħidilna x’ġara: “Wara li tgħammed, Ġesù minnufih telaʼ mill-​ilma; u, ara, is-​smewwiet infetħu, u hu ra l-​ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema u ġej fuqu. U, ara! Instemaʼ wkoll leħen mis-​smewwiet jgħid: ‘Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.’” (Mattew 3:16, 17) Meta Ġwanni ra u semaʼ dan is-​sinjal, hu kien jaf li Ġesù kien il-​Messija. (Ġwanni 1:32-​34) Dakinhar, meta Ġeħova ferraʼ l-​ispirtu tiegħu fuqu, Ġesù sar il-​Messija. Hu kien il-​wieħed li Alla kien għażel biex ikun Mexxej u Sultan.—Isaija 55:4.

9 Il-​profeziji tal-​Bibbja, il-​kliem taʼ Ġeħova stess, u s-​sinjal li Hu ta fil-​magħmudija taʼ Ġesù kollha jagħtu prova li Ġesù hu l-​Messija. Imma Ġesù minn fejn ġie, u x’tip taʼ bniedem kien? Ejja naraw x’tgħid il-​Bibbja.

ĠESÙ MINN FEJN ĠIE?

10. Il-​Bibbja x’tgħallem dwar il-​ħajja taʼ Ġesù qabel ma ġie fuq l-​art?

10 Il-​Bibbja tgħallem li Ġesù għex fis-​sema għal żmien twil qabel ma ġie fuq l-​art. Mikea qal li l-​Messija kien “mill-​qedem.” (Mikea 5:2) Ġesù nnifsu kemm-​il darba qal li hu kien għex fis-​sema qabel ma twieled bħala bniedem. (Aqra Ġwanni 3:13; 6:38, 62; 17:4, 5.) Anki qabel ma ġie fuq l-​art, Ġesù kellu relazzjoni speċjali maʼ Ġeħova.

11. Ġesù għala hu daqstant prezzjuż għal Ġeħova?

11 Ġesù hu prezzjuż ħafna għal Ġeħova. Għala? Għax Alla ħalqu qabel kull ħaġa u kull persuna oħra. Allura Ġesù jissejjaħ “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu.”a (Kolossin 1:15) Raġuni oħra għala Ġesù hu prezzjuż għal Ġeħova hi għax hu l-​uniku wieħed li ġie maħluq direttament minn Ġeħova. Huwa għalhekk li jissejjaħ “l-​Iben uniġenitu.” (Ġwanni 3:16) Ġesù hu wkoll l-​uniku wieħed li Ġeħova uża biex joħloq l-​affarijiet l-​oħrajn kollha. (Kolossin 1:16) U Ġesù biss jissejjaħ “il-​Kelma,” għax Ġeħova użah biex iwassal messaġġi u istruzzjonijiet lill-​anġli u lill-​bnedmin.—Ġwanni 1:14.

12. Kif nafu li Ġesù u Alla mhumiex l-​istess persuna?

12 Xi wħud jemmnu li Ġesù u Alla huma l-​istess persuna. Imma l-​Bibbja ma tgħallimx hekk. Il-​Bibbja tgħid li Ġesù ġie maħluq, u dan ifisser li Ġesù kellu bidu. Imma Ġeħova, li ħalaq kollox, ma kellu ebda bidu. (Salm 90:2) Bħala l-​Iben t’Alla, Ġesù qatt m’għaddielu minn moħħu li jipprova jiħodlu postu lil Alla. Il-​Bibbja tgħallem b’mod ċar li l-​Missier hu akbar mill-​Iben. (Aqra Ġwanni 14:28; 1 Korintin 11:3.) Ġeħova biss hu “Alla li Jistaʼ Kollox.” (Ġenesi 17:1) Hu l-​akbar u l-​iktar persuna setgħana fl-​univers.—Ara n-​Nota fl-​aħħar numru 14.

13. Il-​Bibbja għala tgħid li Ġesù hu “x-​xbieha t’Alla li ma jidhirx”?

13 Ġeħova u Ibnu, Ġesù, ħadmu flimkien għal biljuni taʼ snin qabel ma ġew maħluqin is-​smewwiet u l-​art. Huma żgur li ħabbew ħafna lil xulxin! (Ġwanni 3:35; 14:31) Ġesù tant imita l-​kwalitajiet taʼ Missieru mill-​qrib li l-​Bibbja ssejjaħlu “x-​xbieha t’Alla li ma jidhirx.”—Kolossin 1:15.

14. L-​Iben prezzjuż taʼ Ġeħova kif setaʼ jitwieled bħala bniedem?

14 L-​Iben prezzjuż taʼ Ġeħova kien lest li jitlaq mis-​sema u jitwieled fuq l-​art bħala bniedem. Dan kif kien possibbli? Ġeħova b’mod mirakoluż ittrasferixxa l-​ħajja taʼ Ibnu mis-​sema fil-​ġuf taʼ verġni jisimha Marija. B’dan il-​mod, Ġesù ma kellux bżonn missier uman. Allura Marija wildet iben perfett, u semmietu Ġesù.—Luqa 1:30-​35.

X’TIP TAʼ BNIEDEM KIEN ĠESÙ?

Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu

15. Kif tistaʼ ssir taf lil Ġeħova aħjar?

15 Tistaʼ titgħallem ħafna dwar Ġesù, il-​ħajja tiegħu, u l-​kwalitajiet tiegħu billi taqra l-​kotba tal-​Bibbja taʼ Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni. Dawn il-​kotba jissejħu l-​Evanġelji. Peress li Ġesù hu bħal Missieru, dak li taqra se jgħinek ukoll issir taf lil Ġeħova aħjar. Huwa għalhekk li Ġesù setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.”—Ġwanni 14:9.

16. (a) Ġesù x’għallem? (b) It-​tagħlim taʼ Ġesù minn fejn ġie?

16 Ħafna nies sejħu lil Ġesù “Għalliem.” (Ġwanni 1:38; 13:13) Waħda mill-​iktar affarijiet importanti li għallem kienet “l-​aħbar tajba tas-​saltna.” X’inhi din is-​Saltna? Hija l-​gvern t’Alla fis-​sema li se jmexxi fuq l-​art kollha u se jġib barkiet għal dawk li jobdu lil Alla. (Mattew 4:23) Kull ħaġa li għallem Ġesù ġiet mingħand Ġeħova. Ġesù qal: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġwanni 7:16) Ġesù kien jaf li Ġeħova jrid lin-​nies jisimgħu l-​aħbar tajba li s-​Saltna t’Alla se tirrenja fuq l-​art.

Ġesù jipprietka lil wieħed sajjied

17. (a) Ġesù fejn għallem? (b) Għala ħadem daqshekk iebes biex jgħallem lil oħrajn?

17 Ġesù fejn għallem? Kull fejn kien hemm in-​nies. Hu għallem fil-​kampanja kif ukoll fil-​bliet, fl-​irħula, fis-​swieq, fil-​postijiet taʼ qima, u fid-​djar tan-​nies. Hu ma qagħadx jistenna li n-​nies imorru għandu imma spiss mar hu għandhom. (Marku 6:56; Luqa 19:5, 6) Ġesù ħadem iebes u uża ħafna ħin u enerġija biex jgħallem in-​nies. Għala? Għax kien jaf li Alla riedu jagħmel hekk u għax hu dejjem obda lil Missieru. (Ġwanni 8:28, 29) Ġesù pprietka wkoll għax ħass mogħdrija għan-​nies. (Aqra Mattew 9:35, 36.) Hu setaʼ jara li l-​mexxejja reliġjużi ma kinux qed jgħallmu l-​verità dwar Alla u s-​Saltna tiegħu. Allura ried jgħin lil kemm jistaʼ jkun nies biex jisimgħu l-​aħbar tajba.

18. Liema kwalitajiet taʼ Ġesù jogħġbuk l-​iktar?

18 Ġesù kien raġel li kien iħobb in-​nies u jimpurtah minnhom. Hu kien qalbu tajba u kulħadd kien iħossu komdu jitkellem miegħu. Saħansitra anki t-​tfal kienu jieħdu pjaċir fil-​kumpanija tiegħu. (Marku 10:13-​16) Ġesù dejjem kien ġust. Hu kien jobgħod il-​korruzzjoni u l-​inġustizzja. (Mattew 21:12, 13) Hu kien jgħix fi żmien meta n-​nisa ma tantx kien ikollhom drittijiet u ma kinux jiġu trattati bir-​rispett. Imma Ġesù dejjem ittratta lin-​nisa bir-​rispett u bid-​dinjità. (Ġwanni 4:9, 27) Ġesù kien ukoll umli fil-​veru sens tal-​kelma. Pereżempju, lejla minnhom ħasel saqajn l-​appostli tiegħu, xi ħaġa li s-​soltu kienet issir minn qaddej.—Ġwanni 13:2-​5, 12-​17.

Ġesù jmiss lill-morda biex ifejjaqhom

Ġesù pprietka kull fejn kien hemm in-nies

19. Liema eżempju juri li Ġesù kien jaf x’verament kellhom bżonn in-​nies u li ried jgħinhom?

19 Ġesù kien jaf x’verament kellhom bżonn in-​nies, u ried jgħinhom. Dan deher ċar ħafna meta uża l-​qawwa t’Alla biex ifejjaq lin-​nies b’mod mirakoluż. (Mattew 14:14) Pereżempju, raġel bil-​ġdiem mar għand Ġesù u qallu: “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni.” Ġesù ġie mqanqal meta ra l-​uġigħ u t-​tbatija taʼ dan ir-​raġel. Hu tħassru u ried jgħinu. Għalhekk, Ġesù ħareġ idu, mess lir-​raġel, u qallu: “Irrid. Indaf.” U r-​raġel marid ġie mfejjaq! (Marku 1:40-​42) Tistaʼ timmaġina kif ħassu dan ir-​raġel?

DEJJEM LEALI LEJN MISSIERU

20, 21. Ġesù kif inhu l-​aqwa eżempju t’ubbidjenza lejn Alla?

20 Ġesù hu l-​aqwa eżempju t’ubbidjenza lejn Alla. Minkejja dak li nqalaʼ jew dak li għamlu l-​għedewwa tiegħu, hu baqaʼ leali lejn Missieru. Pereżempju, Ġesù ma dinibx meta Satana pprova jittantah. (Mattew 4:1-​11) Xi wħud mill-​membri tal-​familja taʼ Ġesù stess m’emmnux li kien il-​Messija u qalu li kien “tilef moħħu,” imma Ġesù baqaʼ jagħmel ix-​xogħol t’Alla. (Marku 3:21) Meta l-​għedewwa tiegħu ttrattawh bil-​krudeltà, Ġesù baqaʼ leali lejn Alla u qatt ma pprova jweġġagħhom.—1 Pietru 2:21-​23.

21 Anki meta Ġesù għadda minn mewta kerha u taʼ wġigħ, hu baqaʼ leali lejn Ġeħova. (Aqra Filippin 2:8.) Immaġina kemm kellu jissaporti dakinhar li miet. Hu ġie arrestat, xhieda foloz akkużawh li kien dagħa, imħallfin mill-​agħar ikkundannawh, folol taʼ nies waqqgħuh għaċ-​ċajt, u suldati ttorturawh u sammruh maʼ zokk. Meta kien qed imut għajjat: “Twettaq!” (Ġwanni 19:30) Tlett ijiem wara li miet Ġesù, Ġeħova rxoxtah u tah ġisem spirtu. (1 Pietru 3:18) Ftit ġimgħat wara, Ġesù mar lura fis-​sema, “qagħad bil-​qiegħda fuq il-​leminija t’Alla,” u stenna biex Alla jagħmlu Sultan.—Ebrej 10:12, 13.

22. Aħna liema opportunità għandna issa peress li Ġesù baqaʼ leali lejn Missieru?

22 Peress li Ġesù baqaʼ leali lejn Missieru, aħna issa għandna l-​opportunità li ngħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna, u dan hu fi qbil mal-​iskop taʼ Ġeħova. Fil-​kapitlu li jmiss, se niddiskutu kif il-​mewt taʼ Ġesù tagħmilha possibbli għalina li ngħixu għal dejjem.

a Ġeħova jissejjaħ Missier għaliex hu l-​Ħallieq. (Isaija 64:8) Ġesù jissejjaħ l-​Iben t’Alla għax Ġeħova ħalqu. L-​anġli, kif ukoll ir-​raġel Adam, ukoll huma msejħin ulied Alla.—Ġob 1:6; Luqa 3:38.

REVIŻJONI

L-​1 TAGĦLIMA: ĠESÙ HU L-​MESSIJA

“Int il-​Kristu.”—Mattew 16:16

Kif nafu li Ġesù hu l-​Messija?

  • Mattew 3:16, 17; Ġwanni 1:32-​34

    Ġeħova identifika lil Ġesù bħala Ibnu.

  • Mikea 5:2; Mattew 2:1, 3-​9

    Ġesù wettaq il-​profeziji kollha dwar il-​Messija.

IT-​2 TAGĦLIMA: ĠESÙ KIEN ANĠLU QABEL MA ĠIE FUQ L-​ART

‘Inżilt mis-​sema.’—Ġwanni 6:38

Ġesù x’għamel fis-​sema?

  • Kolossin 1:15, 16

    Ġeħova l-​ewwel ħalaq lil Ġesù, u mbagħad uża lil Ġesù biex jagħmel l-​affarijiet l-​oħrajn kollha. Ġesù tgħallem minn Missieru għal biljuni taʼ snin.

  • Luqa 1:30-​35

    Ġeħova bagħat lil Ġesù fuq l-​art.

IT-​3 TAGĦLIMA: ĠESÙ JĦOBB LIN-​NIES

“Ħallu t-​tfal żgħar jiġu għandi.”—Marku 10:14

Liema kwalitajiet taʼ Ġesù jogħġbuk?

  • Marku 10:13-​16

    Ġesù kien qalbu tajba, u n-​nies kienu jieħdu gost ikellmuh.

  • Ġwanni 4:9, 27

    Ġesù ttratta lin-​nisa b’rispett u dinjità.

  • Ġwanni 13:2-​5, 12-​17

    Ġesù kien umli.

  • Mattew 9:35, 36; Marku 1:40-​42

    Ġesù ried jgħin lil oħrajn.

IR-​4 TAGĦLIMA: ĠESÙ DEJJEM JAGĦMEL IR-​RIEDA T’ALLA

“Jien . . . temmejt ix-​xogħol li tajtni nagħmel.”—Ġwanni 17:4

L-​eżempju taʼ Ġesù kif jgħinna nkunu leali?

  • Mattew 4:1-​11

    Ġesù baqaʼ leali meta ttantah ix-​Xitan.

  • Marku 3:21

    Ġesù għamel ir-​rieda t’Alla anki meta l-​qraba tiegħu waqqgħuh għaċ-​ċajt.

  • 1 Pietru 2:21-​23

    Ġesù qatt ma weġġaʼ lill-​għedewwa tiegħu.

  • Filippin 2:8

    Ġesù baqaʼ leali lejn Alla, saħansitra sal-​mewt.

  • Ebrej 10:12, 13; 1 Pietru 3:18

    Ġeħova rxoxta lil Ġesù lejn is-​sema.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja