LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • lvs kap. 11 pp. 147-158
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
  • Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Aqra f'din l-edizzjoni “Fl-Imħabba t’Alla”
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • INSAĦĦU L-​ĦBIBERIJA TAGĦNA M’ALLA U MAʼ XULXIN
  • L-​IMĦABBA GĦAL ĠEĦOVA TISTAʼ TGĦIN IŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦEK
  • IRRISPETTA Ż-​ŻWIEĠ TIEGĦEK B’DAK LI TGĦID U TAGĦMEL
  • “ĦA TKUN IS-​SODDA TAŻ-​ŻWIEĠ BLA TINĠIS”
  • KIF TISTAʼ SSAĦĦAĦ IŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦEK?
  • Iż-żwieġ—Rigal mingħand Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Iż-Żwieġ—Għotja Mingħand Alla taʼ Mħabba
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Kif tirnexxi fiż-​żwieġ Kristjan
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Żomm l-Impenn fiż-Żwieġ Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
lvs kap. 11 pp. 147-158
Raġel u mara miżżewġin qed jieħdu pjaċir isajru flimkien fil-kċina

KAPITLU 11

Wara l-ġurnata tat-tieġ

“L-​imħabba ma tbatti qatt.”—1 KORINTIN 13:8.

1, 2. Jekk żwieġ ikun fih xi problemi, ifisser li falla? Spjega.

IŻ-​ŻWIEĠ hu rigal mingħand Ġeħova. Dan jistaʼ jagħmel persuna iktar ferħana. Madankollu, kull żwieġ se jkollu xi problemi. Barra minn hekk, il-​problemi jistgħu jidhru li mhu se jispiċċaw qatt, u r-​relazzjoni taʼ bejn il-​koppja tistaʼ tibred.

2 M’għandniex niħduha bi kbira jekk ikollna xi problemi fiż-​żwieġ minn żmien għall-​ieħor. Imma dan ma jfissirx li ż-​żwieġ falla. Anki koppji li kellhom problemi serji ħafna sabu modi kif jirranġaw ir-​relazzjoni tagħhom u jsaħħu ż-​żwieġ. Kif?

INSAĦĦU L-​ĦBIBERIJA TAGĦNA M’ALLA U MAʼ XULXIN

3, 4. Xi kultant, x’jistaʼ jiġri fiż-​żwieġ?

3 Iż-​żwieġ jgħaqqad flimkien żewġ persuni b’ideat u gosti differenti u li huma mdorrijin jagħmlu l-​affarijiet b’modi differenti. Apparti minn hekk, ir-​raġel u l-​mara jistaʼ jkollhom trobbija jew kultura differenti minn xulxin. Hemm bżonn iż-​żmien u sforz biex koppja jsiru jafu u jifhmu lil xulxin sew.

4 Maż-​żmien, raġel u mara miżżewġin jistgħu tant jibdew jiffokaw fuq l-​affarijiet personali tagħhom stess li jibdew jitbiegħdu minn xulxin u jkunu bħallikieku qed jgħixu għal rashom. X’jistaʼ jgħinhom biex isaħħu r-​relazzjoni taʼ bejniethom?

Raġel u mara miżżewġin jistudjaw il-Bibbja flimkien

Il-pariri tal-Bibbja huma importanti ħafna biex żwieġ ikun b’saħħtu

5. (a) X’jistaʼ jgħin lil Kristjan biex isaħħaħ ir-​relazzjoni tiegħu mal-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ? (b) Skont Ebrej 13:4, kif għandna nqisu ż-​żwieġ?

5 Ġeħova jipprovdi pariri eċċellenti li jistgħu jgħinu lil koppja biex isaħħu r-​relazzjoni tagħhom miegħu u maʼ xulxin. (Salm 25:4; Isaija 48:17, 18) Hu jgħidilna: “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli għal kulħadd.” (Ebrej 13:4) Xi ħaġa li int tqis onorabbli, hi prezzjuża u taʼ min japprezzaha. Inti tipproteġiha u ma tittraskurahiex. Dan hu l-​mod kif Ġeħova jridna nqisu ż-​żwieġ.

L-​IMĦABBA GĦAL ĠEĦOVA TISTAʼ TGĦIN IŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦEK

6. Skont Mattew 19:4-6, Alla kif iqis iż-​żwieġ?

6 L-​ewwel żwieġ sar minn Ġeħova. Ibnu Ġesù qal: “Ma qrajtux li sa mill-​bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-​tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem.” (Mattew 19:4-​6) L-​iskop taʼ Ġeħova kien li ż-​żwieġ ikun xi ħaġa permanenti. Hu ried li l-​familji jkunu ferħanin, ikollhom relazzjonijiet b’saħħithom, u jgawdu l-​ħajja flimkien.

7. Dawk miżżewġin kif jistgħu jsaħħu ż-​żwieġ tagħhom?

7 Minkejja dan, illum, koppji miżżewġin għandhom iktar stress minn qatt qabel. Xi drabi, tant ikollhom stress li jibdew jaħsbu li m’hemmx tama għaż-​żwieġ tagħhom, u jaqtgħu qalbhom. Imma l-​fatt li nifhmu kif Ġeħova jqis iż-​żwieġ jistaʼ jgħinna.—1 Ġwanni 5:3.

8, 9. (a) Meta għandna nimxu mal-​gwida t’Alla fiż-​żwieġ? (b) Kif nistgħu nuru li ż-​żwieġ tagħna hu prezzjuż għalina?

8 Il-​gwida taʼ Ġeħova hi dejjem għall-​ġid tagħna. Bħalma diġà rajna, hu jgħidilna: “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli.” (Ebrej 13:4; Ekkleżjasti 5:4) Jekk nimxu mad-​direzzjoni taʼ Ġeħova, anki meta ma jkunx faċli, żgur li se nibbenefikaw.—1 Tessalonikin 1:3; Ebrej 6:10.

9 Peress li ż-​żwieġ hu prezzjuż għalina, aħna ma rridux ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li tistaʼ ddgħajfu. Anzi, se nagħmlu l-​almu tagħna biex insaħħu r-​relazzjoni tagħna mar-​raġel jew il-​mara tagħna. Kif nistgħu nagħmlu dan?

IRRISPETTA Ż-​ŻWIEĠ TIEGĦEK B’DAK LI TGĦID U TAGĦMEL

10, 11. (a) Liema problema serja hemm f’xi żwiġijiet? (b) Il-​mod kif inkellmu lir-​raġel jew il-​mara tagħna għala hu importanti?

10 Hemm diversi modi kif xi ħadd miżżewweġ jistaʼ jġiegħel lir-​raġel jew il-​mara tħossha mweġġgħa. Aħna nafu li l-​Kristjani qatt m’għandhom isawtu l-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ jew jagħmlu xi ħaġa biex iweġġgħuha b’mod fiżiku. Però, tnejn jistgħu jweġġgħu lil xulxin bil-​kliem. Il-​kliem jistaʼ jkun bħall-​armi. Waħda mara qalet: “Żewġi jsawwatni bi kliemu. Vera li m’għandix tbenġil li jidher, imma hu kontinwament jgħaddi kummenti li jweġġgħu, bħal ‘Ma nifilħekx!’ u ‘Int ma tiswa għal xejn!’ Dawn il-​kummenti vera weġġgħuli qalbi.” Wieħed raġel qal li martu kienet dejjem tgħajru u ġġiegħlu jħossu ħażin bi kliemha. Hu qal: “L-​affarijiet li tgħidli mhumiex taʼ quddiem in-​nies. Huwa għalhekk li ma nistax inkellimha u għala ndum ix-​xogħol. Ikun iktar jaqbilli nibqaʼ x-​xogħol milli mmur id-​dar.” Illum, hu komuni li wieħed jgħajjar u jgħid kliem bl-​addoċċ li jġib uġigħ emozzjonali.

11 Kliem li jweġġaʼ bejn koppja miżżewġa jwassal għal uġigħ emozzjonali li jieħu ż-​żmien biex jgħaddi. Biċ-​ċar, Ġeħova ma jridx li mara u raġel jittrattaw lil xulxin b’dan il-​mod. Imma jistaʼ jkun li tweġġaʼ lil żewġek jew martek mingħajr ma tkun taf. Int x’aktarx mingħalik li qed tittrattah jew tittrattaha sew. Imma kif tħossha l-​persuna l-​oħra? Jekk bi kliemek ġieli tweġġagħha, lest li tagħmel bidliet?—Galatin 5:15; aqra Efesin 4:31.

12. X’jistaʼ jeffettwa l-​ħbiberija tagħna m’Alla?

12 Ġeħova jagħti kas kif int tkellem lil żewġek jew martek, kemm jekk fil-​privat u kemm jekk fil-​pubbliku. (Aqra l-​1 Pietru 3:7.) Ġakbu 1:26 ifakkarna li “jekk xi bniedem jaħseb li jqim lil Alla tajjeb u madankollu ma jrażżanx ilsienu, imma jkompli jqarraq b’qalbu stess, il-​qima taʼ dan il-​bniedem hi fiergħa,” jiġifieri għalxejn.

Raġel u mara miżżewġin qed jieħdu pjaċir isajru flimkien fil-kċina

13. X’inhi ħaġa oħra li tistaʼ ġġiegħel persuna miżżewġa tħossha mweġġgħa?

13 Hemm affarijiet oħra li l-​miżżewġin għandhom jevitaw biex ma jweġġgħux lil xulxin. Pereżempju, kif tħossok kieku r-​raġel jew il-​mara tiegħek tibda tqattaʼ ħafna ħin maʼ xi ħadd ieħor? Forsi l-​intenzjoni tkun tajba, bħal li taħdem maʼ din il-​persuna fuq il-​ministeru jew tgħinha f’xi problema. Imma żewġek jew martek kif tħossha? Mara Kristjana tgħid: “Inħossni mweġġgħa meta nara li żewġi jqattaʼ ħafna ħin u jagħti ħafna attenzjoni lil oħt oħra fil-​kongregazzjoni. Dan iġegħelni nħossni inqas importanti għalih.”

14. (a) Liema verità bażika nitgħallmu minn Ġenesi 2:24? (b) X’għandna nistaqsu lilna nfusna?

14 Bħala Kristjani, aħna għandna responsabbiltajiet li jinvolvu l-​ġenituri tagħna u lil ħutna fil-​kongregazzjoni. Però, meta niżżewġu, ir-​raġel jew il-​mara tagħna tieħu prijorità. Ġeħova qal li raġel miżżewweġ “irid jingħaqad maʼ martu.” (Ġenesi 2:24) Is-​sentimenti tal-​persuna li żżewwiġna għandhom ikunu importanti ħafna għalina. Staqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed nagħtiha l-​ħin, l-​attenzjoni, u l-​affezzjoni li għandha bżonn u li jixirqilha?’

15. Dawk miżżewġin għala għandhom jevitaw li jsiru wisq close taʼ xi ħadd li mhux żewġhom jew marthom?

15 Jekk insiru wisq close taʼ xi ħadd li mhux ir-​raġel jew il-​mara tagħna, se nkunu qed nipperikolaw iż-​żwieġ tagħna. Jistgħu jibdew deħlin is-​sentimenti u tibda tinġibed b’mod romantiku lejn din il-​persuna. (Mattew 5:28) Dawn is-​sentimenti jistgħu jiżdiedu u jġegħluk tagħmel xi ħaġa li biha turi diżrispett lejn l-​arranġament taż-​żwieġ.

“ĦA TKUN IS-​SODDA TAŻ-​ŻWIEĠ BLA TINĠIS”

16. Xi kmand tagħtina l-​Bibbja dwar iż-​żwieġ?

16 Wara li l-​Bibbja tgħid: “Ħa jkun iż-​żwieġ onorabbli,” tgħid: “Ħa tkun is-​sodda taż-​żwieġ bla tinġis, għax Alla jiġġudika liż-​żienja u lill-​adulteri.” (Ebrej 13:4) Hawnhekk, “is-​sodda taż-​żwieġ” tirreferi għar-​relazzjoni sesswali taʼ bejn raġel u mara miżżewġin. (Proverbji 5:18) Kif nistgħu nuru rispett lejn din ir-​relazzjoni u ma nniġġsuhiex?

17. (a) Ħafna nies illum kif iqisu l-​adulterju? (b) Il-​Kristjani kif għandhom iqisu l-​adulterju?

17 Xi nies illum jaħsbu li m’hemm xejn ħażin billi ma jkunux leali lejn ir-​raġel jew il-​mara tagħhom. Irridu noqogħdu attenti li ma niġux influwenzati b’din il-​mentalità. Ġeħova jagħmilha ċara ħafna li jobgħod l-​immoralità sesswali u l-​adulterju. (Aqra Rumani 12:9; Ebrej 10:31; 12:29) Li kieku kellu jkollna x’naqsmu maʼ xi ħadd ieħor li mhux ir-​raġel jew il-​mara tagħna, inkunu qed inniġġsu ż-​żwieġ tagħna. Inkunu qed nuru li ma nirrispettawx il-​livelli taʼ Ġeħova u nagħmlu ħsara għar-​relazzjoni tagħna miegħu. Allura, għandna nevitaw li nagħmlu l-​ewwel pass lejn l-​adulterju. Dan jinkludi li nevitaw li jkollna ħsibijiet mhux xierqa dwar persuna oħra.—Ġob 31:1.

18. (a) L-​adulterju għala hu bħall-​qima lil alla falz? (b) Ġeħova kif iqis l-​adulterju?

18 Taħt il-​Liġi taʼ Mosè, f’Iżrael tal-​qedem, l-​adulterju kien meqjus bħala dnub serju ħafna. Dan kien serju daqs li wieħed iqim alla falz. Il-​kastig għal dawn iż-​żewġ dnubiet kien il-​mewt. (Levitiku 20:2, 10) L-​adulterju kif inhu simili għall-​qima lil alla falz? Dak iż-​żmien, jekk Iżraeli kien iqim alla falz, kien ikun qed jikser il-​wegħda li jibqaʼ leali lejn Ġeħova. U jekk jagħmel adulterju, kien ikun qed jikser il-​wegħda li jibqaʼ leali lejn il-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ. (Eżodu 19:5, 6; Dewteronomju 5:9; aqra Malakija 2:14.) Biċ-​ċar, fil-​passat, Ġeħova kien iqis l-​adulterju bħala dnub serju ħafna.

19. X’jistaʼ jgħinna nkunu determinati biex ma nagħmlux adulterju?

19 Xi ngħidu għal-​lum? Għalkemm m’għadniex taħt il-​Liġi taʼ Mosè, il-​mod kif Ġeħova jqis l-​adulterju ma nbidilx. Bħalma aħna ma jgħaddilniex minn moħħna li nqimu alla falz, m’għandux jgħaddilna minn moħħna li nuru nuqqas taʼ lealtà lejn ir-​raġel jew mara tagħna. (Salm 51:1, 4; Kolossin 3:5) Li kieku nagħmlu hekk, inkunu qed nuru nuqqas taʼ rispett lejn l-​arranġament taż-​żwieġ u lejn Alla tagħna, Ġeħova.—Ara n-​Nota numru 26 fl-​aħħar.

KIF TISTAʼ SSAĦĦAĦ IŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦEK?

20. L-​għerf kif jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għaż-​żwieġ?

20 Kif tistaʼ ssaħħaħ iż-​żwieġ tiegħek? Il-​Kelma t’Alla tgħid: “Dar tinbena bl-​għerf, u bid-​dixxerniment [jew, bl-​abbiltà li tifhem] tkun stabbilita fis-​sod.” (Proverbji 24:3) Dar tistaʼ tkun vojta u kiesħa jew tistaʼ tkun cosy, komda, u tagħti protezzjoni. Dan hu simili għal żwieġ. Persuna għarfa se tagħmel ċert li ż-​żwieġ tagħha jkun sod u jagħti l-​protezzjoni u l-​ferħ.

21. L-​għarfien kif jistaʼ jsaħħaħ iż-​żwieġ?

21 Il-​Bibbja tkompli tgħid hekk dwar din id-​dar: “Bl-​għarfien il-​kmamar taʼ ġewwa jimtlew b’kull ġid prezzjuż u sabiħ.” (Proverbji 24:4) Dak li titgħallem mill-​Kelma t’Alla jistaʼ jgħinek issaħħaħ iż-​żwieġ tiegħek. (Rumani 12:2; Filippin 1:9) Meta bħala koppja taqraw il-​pubblikazzjonijiet tagħna u l-​Bibbja, iddiskutu kif tistgħu tapplikaw dak li tkunu tgħallimtu. Fittxu modi kif tistgħu turu mħabba u rispett lejn xulxin, kif ukoll kif tkunu qalbkom tajba u turu li jinteressakom minn xulxin. Itlob lil Ġeħova biex jgħinek taħdem fuq kwalitajiet li se jsaħħu ż-​żwieġ tiegħek u jgħinu biex ir-​raġel jew il-​mara tiegħek ikollha iktar għal xiex tħobbok.—Proverbji 15:16, 17; 1 Pietru 1:7.

Raġel jitlob maʼ martu qabel il-qima bħala familja

Strieħ fuq il-gwida taʼ Ġeħova matul il-qima bħala familja

22. Għala għandna nuru mħabba, rispett, u unur lejn ir-​raġel jew mara tagħna?

22 Irridu nagħmlu kulma nistgħu biex nittrattaw lir-​raġel jew mara tagħna bl-​imħabba, ir-​rispett, u l-​unur. Imbagħad, iż-​żwieġ tagħna se jkun iktar b’saħħtu u jkun mimli affezzjoni. U l-​iktar importanti hu li b’hekk se nkunu qed inferrħu lil Ġeħova.—Salm 147:11; Rumani 12:10.

PRINĊIPJI TAL-​BIBBJA

1 IŻ-​ŻWIEĠ TAGĦNA JISTAʼ JĠIB TIFĦIR LIL ĠEĦOVA

“L-​imħabba ma tbatti qatt.”—1 Korintin 13:8

X’jistaʼ jgħinna biex insolvu l-​problemi fiż-​żwieġ tagħna?

  • Ekkleżjasti 5:4; Mattew 19:4-​6

    Kull żwieġ se jkollu xi problemi. Imma taqtax qalbek malajr miż-​żwieġ tiegħek.

  • Salm 25:4; Isaija 48:17, 18; Mattew 6:33, 34

    Meta tnejn miżżewġin isaħħu r-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova, iż-​żwieġ tagħhom se jissaħħaħ iktar.

2 DAK LI NGĦIDU U NAGĦMLU JEFFETTWA Ż-​ŻWIEĠ TAGĦNA

“Huma jsiru ġisem wieħed.”—Ġenesi 2:24

Kif nistgħu nevitaw li nweġġgħu lir-​raġel jew mara tagħna?

  • Mattew 5:28; Efesin 4:31

    Kun leali lejn żewġek jew martek anki fil-​ħsibijiet tiegħek. Agħti kas is-​sentimenti tal-​persuna l-​oħra. Jekk tinduna li qed tweġġagħha b’xi mod, kun lest li tinbidel.

  • Galatin 5:15

    Aħna qatt mhu se nkunu rridu nweġġgħu lill-​persuna l-​oħra fiżikament jew emozzjonalment. Kliem li jweġġaʼ jagħmel biss ħsara għaż-​żwieġ.

  • Proverbji 5:18; Ebrej 13:4

    Ġeħova jqis l-​adulterju bħala dnub serju. Għandna nkunu determinati li nibqgħu leali lejn il-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ u nqisu ż-​żwieġ tagħna prezzjuż. Aħna qatt mhu se nkunu rridu nuru diżrispett lejn Ġeħova jew lejn il-​persuna l-​oħra fiż-​żwieġ.

3 INT TISTAʼ SSAĦĦAĦ IŻ-​ŻWIEĠ TIEGĦEK

“Dar tinbena bl-​għerf.”—Proverbji 24:3

X’tistaʼ tagħmel biex ikollok żwieġ b’saħħtu u ferħan?

  • Proverbji 24:4; Mattew 6:14, 15; Rumani 12:2; 1 Pietru 3:1

    Sib ħin biex titkellem maʼ żewġek jew martek. Ittrattah jew ittrattaha bi mħabba, rispett, u qalb tajba. Idra aħfer malajr.

  • Proverbji 14:1; 31:29; Filippin 1:9; 2:4; 1 Pietru 3:7

    Itlob lil Ġeħova jgħinek titjieb bħala raġel jew mara miżżewġa. Fittex modi kif tistaʼ tkun iktar qalbek tajba u turi iktar interess fil-​persuna l-​oħra.

  • Rumani 12:10; 1 Pietru 4:8

    Jekk tagħmel kulma tistaʼ biex turi li tapprezza u tirrispetta lill-​persuna l-​oħra, iż-​żwieġ tiegħek jistaʼ jissaħħaħ iktar u int se tkun qed tferraħ lil Ġeħova.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja