Ir-Rwol tal-Awtoritajiet Superjuri
“Hija l-ministru t’Alla għalik għall-ġid tiegħek. Imma jekk int qed tagħmel dak li hu ħażin, kun fil-biżaʼ.”—RUMANI 13:4.
1, 2. Ħafna fil-Kristjaneżmu kif saru nvoluti f’attivitajiet revoluzzjonarji?
SENTEJN ilu laqgħa taʼ isqfijiet f’Londra qanqlet editorjal taʼ tkażar fin-New York Post. Il-laqgħa kienet il-Lambeth Conference, li attendew għaliha iktar minn 500 isqof tal-komunità Anglikana. It-tkażar ġie mqanqal minn reżoluzzjoni mgħoddija mill-konferenza li tesprimi simpatija maʼ nies “li, wara li jippruvaw kull mezz ieħor, jagħżlu t-triq taʼ taqbid armat bħala l-unika triq għall-ġustizzja.”
2 Il-Post qalet li dan kien, fil-fatt, approvazzjoni għal terroriżmu. Madankollu, l-isqfijiet kienu sempliċement qed isegwu tendenza li qed tikber. L-attitudni tagħhom ma kienet xejn differenti minn dik tal-qassis Kattoliku fil-Ghana li rrikkmanda ġlied tal-gwerilli bħala l-iktar mod ħafif, ċert, u żgur biex tinħeles l-Afrika; jew tal-isqof Metodista Afrikan li ħalef li jmexxi “l-gwerra taʼ liberazzjoni sat-tmiem assolut”; jew tal-ħafna missjunarji tal-Kristjaneżmu li ġġieldu maʼ ribelli kontra gvernijiet stabbiliti fl-Asja u fl-Amerka t’isfel.
Kristjani Veri Ma ‘Jopponux l-Awtoritajiet’
3, 4. (a) Liema prinċipji qed jinkisru minn hekk imsejħa Kristjani li javvanzaw ir-revoluzzjoni? (b) Wieħed raġel xi skopra dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah?
3 Fl-ewwel seklu, Ġesù qal dwar is-segwaċi tiegħu: “Ma huma ebda parti mid-dinja, sewwa sew bħalma jien ma jien ebda parti mid-dinja.” (Ġwann 17:14) Kwalunkwe hekk imsejjaħ Kristjan li javvanza revoluzzjoni huwa bil-wisq parti mid-dinja. Mhux qed isegwi lil Ġesù; lanqas m’hu ‘sottomess lejn l-awtoritajiet superjuri.’ (Rumani 13:1) Hu jagħmel tajjeb li jagħti kas tat-twissija tal-appostlu Pawlu li “dak li jopponi l-awtorità ħa waqfa kontra l-arranġament t’Alla; dawk li ħadu waqfa kontra tagħha se jirċievu l-ġudizzju għalihom infushom.”—Rumani 13:2.
4 F’kuntrast maʼ ħafna mill-Kristjaneżmu, ix-Xhieda taʼ Jehovah ma għandhom xejn x’jaqsmu maʼ vjolenza armata. Raġel fl-Ewropa skopra dan. Hu jikteb: “Meta rajt x’kienu pproduċew ir-reliġjon u l-politika, jiena sirt iddedikat biex inwaqqaʼ l-ordni soċjali stabbilita. Ingħaqadt maʼ grupp taʼ terroristi u rċevejt taħrig fl-immaniġġjar taʼ kull tip taʼ arma; jien ħadt sehem f’ħafna serqiet armati. Hajti kienet kontinwament fil-periklu. Hekk kif beda għaddej iż-żmien, sar evidenti li konna qed niġġieldu battalja mitlufa. Kont raġel irrabbjat, mirbuħ minn disperazzjoni sħhiħa fil-ħajja. Imbagħad Xhud ħabbtitli l-bieb. Hi qaltli dwar is-Saltna t’Alla. Billi nsistejt li dan kien ħela taʼ ħin, jien issuġġerejt li marti toqgħod tismaʼ. Hekk għamlet, u bdew studju tal-Bibbja. Fl-aħħar, jien aċċettajt li nattendi għall-istudju. M’hemmx kliem biex infisser is-serħan li ħassejt meta fhimt dwar il-forza li qed timbotta lill-umanità lejn il-ħażen. Il-wegħda meraviljuża tas-Saltna tatni tama taʼ appoġġ u għan fil-ħajja.”
5. Il-Kristjani għala jibqgħu fil-paċi sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri, u dan sakemm se jkun il-każ?
5 Il-Kristjani huma ambaxxaturi jew mibgħutin speċjali t’Alla u taʼ Kristu. (Isaija 61:1, 2; 2 Korintin 5:20; Efesin 6:19, 20) Bħala talin, huma jżommu newtrali fil-konflitti taʼ din id-dinja. Avolja xi sistemi politiċi jidhru li huma ekonomikament iżjed taʼ suċċess minn oħrajn, u biċċa minnhom jagħtu iżjed libertà minn oħrajn, il-Kristjani ma javvanzawx jew igħollu xi sistema fuq oħra. Huma jafu li s-sistemi kollha huma imperfetti. Huwa “l-arranġament t’Alla” li dawn jibqgħu jeżistu sakemm is-Saltna tiegħu tieħu l-poter. (Danjel 2:44) B’hekk, il-Kristjani jibqgħu fil-paċi sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri fil-waqt li javvanzaw il-ġid etern taʼ oħrajn billi jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna.—Mattew 24:14; 1 Pietru 3:11, 12.
Nobdu l-Liġi
6. Ħafna liġijiet umani għala huma tajbin avolja “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-wieħed mill-agħar”?
6 Gvernijiet nazzjonali jagħmlu sistemi taʼ liġijiet, u l-biċċa l-kbira minn dawn il-liġijiet huma tajbin. Għandu dan jissorprendina, minħabba l-fatt li “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-wieħed mill-agħar”? (1 Ġwann 5:19) Le. Jehovah ta lill-missier oriġinali tagħna, Adam, kuxjenza, u dan is-sens ereditarju taʼ tajjeb u ħażin hu rifless b’ħafna modi fil-liġijiet umani. (Rumani 2:13-16) Ħammurabi, legiżlatur Babilonjan tal-qedem, fil-prefazju tal-kodiċi tal-liġi tiegħu kiteb hekk: “F’dak iż-żmien [huma] innominawni biex navvanza l-ġid tal-poplu, lili, Ħammurabi, il-prinċep devot u li jibżaʼ minn Alla, biex nikkaġuna l-ġustizzja biex isseħħ fl-art, biex neqred lill-ħżiena u lil nies mill-agħar, biex il-qawwijin ma jaħqrux lid-dgħajfin.”
7. Jekk xi ħadd jikser il-liġi, min għandu d-dritt jikkastigah, u għala?
7 Il-biċċa l-kbira tal-gvernijiet igħidulek li l-għan tal-liġijiet tagħhom hu simili: biex javvanzaw il-gid taċ-ċittadini u l-bonordni fis-soċjetà. B’hekk, huma jippenalizzaw atti kontra s-soċjetà, bħal qtil u serq, u jagħmlu regolamenti bħal limiti fuq sewqan u liġijiet dwar ipparkjar. Dawk kollha li jiksru apposta l-liġijiet tagħhom jieħdu waqfa kontra l-awtorità u “se jirċievu l-ġudizzju għalihom infushom.” Ġudizzju mingħand min? Mhux neċessarjament mingħand Alla. Il-kelma Griega hawn tradotta ġudizzju tistaʼ tirreferi għal proċeduri ċivili minflok ġudizzji minn Jehovah. (Qabbel 1 Korintin 6:7.) Jekk xi ħadd jaġixxi kontra l-liġi, l-awtorità superjuri għandha d-dritt li tikkastigah.
8. Il-kongregazzjoni kif twieġeb jekk membru jikkommetti att kriminali serju?
8 Ix-Xhieda taʼ Jehovah għandhom reputazzjoni tajba għax ma jopponux awtoritajiet umani. Jekk jiġri li xi individwu fil-kongregazzjoni jikser il-liġi, il-kongregazzjoni ma tgħinux biex jiskansa l-kastig skond il-liġi. Jekk xi ħadd jisraq, joqtol, jimmalafama, iqarraq fit-taxxi tiegħu, jattakka sesswalment, jimbrolja, juża drogi illegalment, jew b’xi mod ieħor jopponi awtorità legali, hu se jiffaċċja dixxiplina ħarxa mill-kongregazzjoni—u m’għandux iħossu ppersegwitat meta jiġi kkastigat mill-awtorità sekulari.—1 Korintin 5:12, 13; 1 Pietru 2:13-17, 20.
Oġġett taʼ Biżaʼ
9. Fejn jistgħu b’mod xieraq jirrikorru l-Kristjani jekk jiġu mheddin minn elementi bla liġi?
9 Pawlu jissokta d-diskussjoni tiegħu dwar l-awtoritajiet superjuri, billi jgħid: “Għax dawk li jaħkmu huma oġġett taʼ biżaʼ, mhux għall-egħmil tajjeb, imma għall-ħażin. Trid int, mela, li ma jkollok ebda biżaʼ mill-awtorità? Ibqaʼ agħmel it-tajjeb, u int se jkollok tifħir mingħandha.” (Rumani 13:3) M’humiex il-Kristjani leali li għandhom jibżgħu mill-kastig tal-awtorità imma dawk li jagħmlu l-ħażin, dawk li jikkommettu ‘egħmejjel ħżiena,’ atti kriminali. Meta jiġu mhedda minn dawn l-elementi bla liġi, ix-Xhieda taʼ Jehovah jistgħu b’mod xieraq jaċċettaw mill-awtorità protezzjoni tal-pulizija jew tal-militar.—Atti 23:12-22.
10. Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif ‘irċevew tifħir’ mill-awtorità?
10 Lill-Kristjan li jħares il-liġi tal-awtorità superjuri, Pawlu jgħid: “Int se jkollok tifħir min-għandha.” Bħala eżempju taʼ dan, ikkunsidra xi ittri li rċevew ix-Xhieda taʼ Jehovah fil-Brażil wara l-konvenzjoni distrettwali tagħhom. Mingħand il-kanċillier taʼ dipartiment muniċipali tal-isports: “L-ogħla tifħir hu mistħoqq għall-kondotta taʼ paċi tagħkom. Hu taʼ faraġ fid-dinja kollha nkwiet tal-lum li tkun taf li tant nies għadhom jemmnu u jqimu lil Alla.” Mingħand id-direttur taʼ stadju muniċipali: “Minkejja l-għadd kbir ħafna li attendew, l-ebda inċident ma ġie rrapportat biex ikerrah il-ġrajja, ħajr għall-organizzazzjoni impekkabbli.” Minn uffiċċju taʼ sindku: “Irridu nieħdu din l-opportunità biex nifirħulkom taʼ kemm intom taʼ ordni u taʼ dixxiplina meraviljuża u spontanja, u nixtiqulkom kull suċċess għal avvenimenti futuri.”
11. L-ippridkar tal-aħbar tajba għala bl-ebda mod ma jistaʼ jintqal li hu egħmil ħażin?
11 It-terminu “egħmil tajjeb” jirreferi għal atti b’ubbidjenza għal-liġijiet tal-awtoritajiet superjuri. Flimkien maʼ dan, ix-xogħol tagħna taʼ ppridkar, li hu kkmandat minn Alla, mhux mill-bniedem, mhux egħmil ħażin—punt li l-awtoritajiet politiċi għandhom jagħrfu. Huwa servizz pubbliku li jgħolli l-kalibru morali taʼ dawk li jwieġbu għalih. Għalhekk, hija t-tama tagħna li l-awtoritajiet superjuri jipproteġu d-dritt tagħna li nippridkaw lill-oħrajn. Pawlu appella lill-awtoritajiet sabiex jistabbilixxu legalment l-ippridkar tal-aħbar tajba. (Atti 16:35-40; 25:8-12; Filippin 1:7) Dan l-aħħar, ix-Xhieda taʼ Jehovah b’mod simili fittxew u qalgħu għarfien legali tax-xogħol tagħhom fil-Ġermanja tal-Lvant, fl-Ungerija, fil-Polonja, fir-Rumanija, f’Benin, u f’Myanmar (Burma).
“Hija l-Ministru t’Alla”
12-14. L-awtoritajiet superjuri kif aġixxew bħala ministru t’Alla (a) fi żminijiet Bibliċi? (b) fi żminijiet moderni?
12 Meta jitkellem dwar l-awtorità sekulari, Pawlu jissokta jgħid: “Hija l-ministru t’Alla għalik għall-ġid tiegħek. Imma jekk int qed tagħmel dak li hu ħażin, kun fil-biżaʼ: għax mhux għalxejn li ġġorr is-sejf; għax hi l-ministru t’Alla, wieħed li jpattiha biex jesprimi l-għadab fuq dak li jipprattika dak li hu ħażin.”—Rumani 13:4.
13 Awtoritajiet nazzjonali xi drabi qdew bħala l-ministru t’Alla f’modi speċifiċi. Ċiru għamel dan meta sejjaħ lil-Lhud biex jirritornaw minn Babilonja u jibnu mill-ġdid id-dar t’Alla. (Eżra 1:1-4; Isaija 44:28) Artaxerxes kien il-ministru t’Alla meta bagħat lil Eżra b’kontribuzzjoni għall-bini mill-ġdid taʼ dik id-dar u iktar tard meta hu inkariga lil Neħemija biex jibni mill-ġdid il-ħitan taʼ Ġerusalemm. (Eżra 7:11-26; 8:25-30; Neħemija 2:1-8) L-awtorità superjuri taʼ Ruma qdiet b’dan il-mod meta ħelset lil Pawlu mill-folla f’Ġerusalemm, ipproteġietu matul in-nawfraġju, u rranġatlu biex ikollu daru stess f’Ruma.—Atti 21:31, 32; 28:7-10, 30, 31.
14 B’mod simili, awtoritajiet sekulari qdew bħala l-ministru t’Alla fi żminijiet moderni. Fl-1959, per eżempju, il-Qorti Suprema tal-Kanada ddeċidiet li wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah akkużat fi Quebec li ppubblika artikli sedizzjużi u taʼ malafama ma kienx ħati—billi b’hekk marret kontra l-preġudizzju tal-prim ministru taʼ Quebec taʼ dak iż-żmien, Maurice Duplessis.
15. B’liema mod ġenerali l-awtoritajiet jaġixxu bħala l-ministru t’Alla, u xi dritt jagħtihom dan?
15 Jerġaʼ, b’mod ġenerali, il-gvernijiet nazzjonali jaqdu bħala l-ministru t’Alla billi jżommu l-ordni pubblika sakemm is-Saltna t’Alla tieħu f’idejha dik ir-responsabbiltà. Skond Pawlu, għal dan il-għan l-awtorità “ġġorr is-sejf,” li jissimbolizza d-dritt tagħha biex tagħti l-kastig. Normalment, dan jinvolvi tfigħ il-ħabs jew multi. F’xi pajjiżi tistaʼ tinkludi wkoll il-piena tal-mewt.a Mill-banda l-oħra, ħafna ġnus għażlu li ma jkollhomx il-piena tal-mewt, u dak ukoll hu d-dritt tagħhom.
16. (a) Ladarba l-awtorità hi l-ministru t’Alla, xi wħud mill-qaddejja t’Alla x’qisuha ħaġa xierqa li jagħmlu? (b) Liema xorta taʼ mpjieg ma jaċċettax wieħed Kristjan, u għala le?
16 Il-fatt li l-awtoritajiet superjuri huma l-ministru t’Alla jispjega għala Danjel, it-tliet Ebrej, Neħemija, u Mordekaj setgħu jaċċettaw pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà fil-gvernijiet taʼ Babilonja u l-Persja. Huma b’hekk setgħu jappellaw lill-awtorità tal-Istat għall-ġid tal-poplu t’Alla. (Neħemija 1:11; Ester 10:3; Danjel 2:48, 49; 6:1, 2) Illum xi Kristjani wkoll jaħdmu fis-servizz mal-gvern. Imma ladarba huma separati mid-dinja, huma ma jingħaqdux maʼ partiti politiċi, ma jfittxux karigi politiċi, jew jaċċettaw pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà għal deċiżjoni f’organizzazzjonijiet politiċi.
Il-Ħtieġa għal Fidi
17. Liema sitwazzjonijiet jistgħu jqanqlu lil xi wħud li m’humiex Kristjani biex jirreżistu lill-awtorità?
17 Xi ngħidu, iżda, jekk l-awtorità tippermetti l-korruzzjoni jew saħansitra l-oppressjoni? Għandhom il-Kristjani jippruvaw ibiddlu l-awtorità maʼ waħda li tidher aħjar? Ara, inġustizzja u korruzzjoni fil-gvern m’humiex xi ħaġa ġdida. Fl-ewwel seklu, l-Imperu Ruman ippermetta inġustizzji bħalma hu l-iskjavitù. Kien jittollera wkoll uffiċjali korrotti. Il-Bibbja titkellem dwar kolletturi tat-taxxa li kienu jqarrqu, dwar imħallef mingħajr tjieba, u gvernatur provinċjali li fittex li jinxtara.—Luqa 3:12, 13; 18:2-5; Atti 24:26, 27.
18, 19. (a) Il-Kristjani kif jirreaġixxu jekk isiru abbużi jew korruzzjoni min-naħa taʼ uffiċjali tal-gvern? (b) Il-Kristjani kif tejbu l-ħajjiet taʼ individwi, kif indikat minn wieħed kittieb tal-istorja u mill-kaxxa t’hawn taħt?
18 Il-Kristjani setgħu ppruvaw iġibu tmiem għal dawn l-abbużi lura f’dak iż-żmien, imma m’għamlux dan. Per eżempju, Pawlu ma ppridkax tmiem għall-iskjavitù, u ma qalx lill-Kristjani li kellhom l-irsiera biex jeħilsu lill-irsiera tagħhom. Minflok hu wissa lill-irsiera u lis-sidien tal-irsiera biex juru mogħdrija Kristjana meta jittrattaw maʼ xulxin. (1 Korintin 7:20-24; Efesin 6:1-9; Filemon 10-16; ara wkoll 1 Pietru 2:18.) B’mod simili il-Kristjani ma ġewx involuti f’attività revoluzzjonarja. Huma kellhom wisq x’jagħmlu fix-xogħol tal-ippridkar tal-“aħbar tajba tal-paċi.” (Atti 10:36) Fis-sena 66 E.K., armata Rumana assedjat lil Ġerusalemm u mbagħad irtirat. Minflok ma baqgħu mar-ribelli li ddefendew il-belt, Kristjani Ebrej ‘ħarbu lejn il-muntanji’ b’ubbidjenza lejn id-direzzjoni taʼ Ġesù.—Luqa 21:20, 21.
19 Il-Kristjani tal-bidu għexu bl-affarijiet kif kienu u ppruvaw itejbu l-ħajjiet taʼ individwi billi jgħinuhom isegwu prinċipji tal-Bibbja. Il-kittieb tal-istorja John Lord, fil-ktieb tiegħu The Old Roman World, kiteb: “Il-veri trijonfi tal-Kristjanità kienu jidhru f’li tagħmel nies tajbin min dawk li jipprofessaw id-duttrini tagħha, minflok tbiddel minn barra istituzzjonijiet popolari, jew gvernijiet, jew liġijiet.” Għandhom il-Kristjani llum jaġixxu b’mod differenti?
Meta L-Istat Ma Jagħtix Għajnuna
20, 21. (a) Awtorità sekulari kif naqset li taġixxi bħala l-ministru t’Alla għall-gid? (b) Ix-Xhieda taʼ Jehovah kif jirreaġixxu meta jiġu ppersegwitati bl-appoġġ tal-Istat?
20 F’Settembru 1972, persekuzzjoni feroċi faqqgħet kontra x-Xhieda taʼ Jehovah f’pajjiż fl-Afrika ċentrali. Eluf ġew misruqa minn kulma kellhom u ġew suġġetti għal ħruxijiet oħra, inklużi swat, torturi, u qtil. Wettqet l-awtorità superjuri d-dmir tagħha biex tipproteġi lix-Xhieda? Le! Minflok, hija nkuraġġiet il-vjolenza, billi ġiegħlet lil dawn il-Kristjani ġwejdin biex jaħarbu f’pajjiżi ġirien għall-ħarsien taʼ ħajjithom.
21 M’għandhomx ix-Xhieda taʼ Jehovah iqumu b’rabja kontra tormentaturi bħal dawn? Le. Il-Kristjani għandhom bis-sabar jissaporti dan it-tkasbir, billi jaġixxu bl-umiltà f’imitazzjoni għal Ġesù: “Meta kien qed ibati, ma marx ihedded, imma baqaʼ jikkommetti ruħu lil dak li jiġġudika bit-tjieba.” (1 Pietru 2:23) Huma jiftakru li meta Ġesù ġie arrestat fil-ġnien tal-Ġetsemani, hu ċanfar lid-dixxiplu li ġie biex jiddefendih b’sejf, u iktar tard qal lil Ponzju Pilatu: “Is-saltna tiegħi ma hi ebda parti minn did-dinja. Kieku s-saltna tiegħi kienet parti minn did-dinja, il-qaddejja tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud. Imma, kif inhi, is-saltna tiegħi mhix minn dan is-sors.”—Ġwann 18:36; Mattew 26:52; Luqa 22:50, 51.
22. X’eżempju mill-aħjar taw xi Xhieda fl-Afrika meta batew persekuzzjoni ħarxa?
22 Bl-eżempju taʼ Ġesù f’moħħhom, dawk ix-Xhieda Afrikani kellhom il-kuraġġ li jsegwu l-parir taʼ Pawlu: “Troddu ħażen għal ħażen lil ħadd. Ipprovdu affarijiet mill-aħjar quddiem il-bnedmin kollha. Jekk inhu possibbli, sakemm jiddependi minnkom, żommu l-paċi mal-bnedmin kollha. Tivvendikawx erwieħkom, maħbubin, imma ċedu għall-korla; għax hu miktub: ‘Tiegħi hi l-vendetta; jien se nħallas lura, jgħid Jehovah.’” (Rumani 12:17-19; qabbel Ebrej 10:32-34.) X’eżempju stimulanti jagħtu ħutna l-Afrikani lilna lkoll illum! Saħansitra meta l-awtorità tirrifjuta li taġixxi b’mod onorabbli, Kristjani veri ma jabbandunawx prinċipji tal-Bibbja.
23. X’mistoqsijiet jibqaʼ biex jiġu diskussi?
23 Iżda, x’jistgħu jistennew l-awtoritajiet superjuri mill-Kristjani? U hemm xi limiti għall-ordnijiet li bi dritt jistgħu jagħmlu? Dan se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a Il-kodiċi tal-Liġi mogħtija b’mod divin f’Iżrael tal-qedem kienet tinkludi l-piena tal-mewt għal atti kriminali kbar.—Eżodu 31:14; Levitiku 18:29; 20:2-6; Numri 35:30.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Liema huma xi modi fejn individwu jistaʼ ‘jieħu waqfa kontra’ l-awtoritajiet superjuri?
◻ X’inhu “l-arranġament t’Alla” rigward l-awtorità governattiva?
◻ B’liema mod l-awtoritajiet huma “oġġett taʼ biżaʼ”?
◻ Gvernijiet umani kif jaqdu bħala “ministru t’Alla”?
[Kaxxa f’paġna 10]
Ittra Mingħand Kap tal-Pulizija
ITTRA li ġġorr it-timbru “Servizz Pubbliku għall-Istat taʼ Minas Gerais” waslet fl-uffiċċju tal-fergħa tal-Watch Tower Society fil-Brażil. Kienet mingħand il-kap tal-pulizija tal-belt taʼ Conquista. Kien hemm xi ħaġa ħażina? Ħalli l-ittra tispjega. Hija tgħid:
“Għażiż Sinjur:
“Huwa bi pjaċir li nintroduċi lili nnifsi lilek permezz taʼ din l-ittra. Jien ili l-kap tal-pulizija fil-belt taʼ Conquista, Minas Gerais, għal kważi tliet snin. Fuq ix-xogħol, nipprova dejjem li nkun kuxjenzjuż, imma kien ikolli l-problemi biex inżomm il-paċi fil-ħabs. Il-ħabsin, għalkemm kienu jingħataw taħriġ f’ċerti xogħlijiet, kienu bla kwiet.
“Xi xhur ilu, Senhor O— ġie fil-belt tagħna u introduċa lilu nnifsu bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Hu beda jippriedka l-Bibbja lil xi wħud mill-priġunieri, billi jgħallimhom jaqraw u jiktbu u billi jurihom affarijiet bażiċi fuq l-iġene u fl-imġieba soċjali kif ukoll igħidilhom dwar il-Bibbja Mqaddsa. Il-mod kif dan il-predikatur kien jaħdem wera dedikazzjoni, mħabba, u sagrifiċċju persunali. L-imġieba tal-ħabsin malajr tbiddlet b’mod li tinnotah għall-aħjar, bl-istagħġib u apprezzament kbir minn dawk li raw dan.
“Minħabba dak li ġara fil-ħabs tagħna, jien nixtieq uffiċċjalment ingħarraf lill-Watch Tower Bible and Tract Society dwar l-apprezzament tagħna għax-xogħol mill-aħjar li sar fil-komunità tagħna mill-predikatur li ħaqqu kull tifħir.”
Rigward awtorità governattiva, l-appostlu Pawlu qal: “Ibqaʼ agħmel it-tajjeb, u int se jkollok tifħir mingħandha.” (Rumani 13:3) Dan kien ċertament veru fil-każ t’hawn fuq. X’testimonjanza għall-qawwa li tbiddel tal-Kelma t’Alla li l-aħbar tajba wettqet fi kwistjoni taʼ xhur dak li s-sistema penali ma setgħetx tagħmel għal snin twal!—Salm 19:7-9.