Il-Kwistjoni l-Kbira X’Inhi?
X’INHI l-kwistjoni l-kbira li qed tiffaċċja lil kull wieħed minna? Huwa l-livell li dejjem jogħla tal-baħar u t-temp imħawwad li hu kkaġunat miż-żjieda fis-sħana globali? Huwa t-tqattigħ tal-ozone layer, li qed iwassal għal li niġu esposti b’mod perikoluż għar-raġġi ultraviolet tax-xemx li tant jagħmlu ħsara? Hija ż-żjieda f’daqqa fil-popolazzjoni, li ġġib magħha problemi globali oħra, bħalma huma l-faqar u l-kriminalità? Jew huwa l-prospett li miljuni jiġu meqruda bi gwerra nukleari, b’xi wħud li jsalvaw mill-olokawst u li eventwalment imutu f’agunija bil-kesħa, ġuħ, jew mir-radjazzjoni?
Wara li ġew diskussi dawn il-kwistjonijiet u oħrajn fl-1989 il-ġurnal Scientific American ikkonkluda: “Il-possibiltà taʼ gwerra nukleari bla dubju tirrappreżenta l-iktar periklu gravi li jistaʼ jkun hemm għal . . . salvazzjoni.” Hija gwerra nukleari, allura, l-kwistjoni l-kbira li qed tiffaċċjana?
Il-Kwisjtoni l-Kbira
Bil-bidla fil-klima politika mill-1989 ’il hawn, gwerra nukleari tistaʼ tidher iktar u iktar improbabbli. Xorta waħda, sakemm jeżistu l-armi nukleari, huma se jkunu taʼ theddida serja għall-umanità. Madankollu, informazzjoni fin-1990 Britannica Book of the Year tipponta lejn kwistjoni kritika oħra. Skond dan ix-xogħol taʼ referenza, ’il fuq minn 230 miljun mill-abitanti tal-art huma atei. Sorsi oħra juru li miljuni iżjed huma influwenzati mill-filosofiji tal-Lvant li jagħtu lok għall-opinjoni li m’hemmx Ħallieq. Barra minn hekk, waqt li mijiet taʼ miljuni jemmnu f’Ħallieq, l-ideat tagħhom dwaru jvarjaw b’mod radikali. U f’ħafna każi, l-azzjonijiet tagħhom iġib tmaqdir kbir fuq Dak li huma jsostnu li qed iqimu.—2 Pietru 2:1, 2.
Jekk Alla jeżisti—u żgur li jeżisti—mela żgur li l-akbar kwistjoni llum trid tinvolvi lilu. Għala ħalaq lill-bniedem? X’inhi r-responsabbiltà tagħna lejh? Kif se jirreaġġixxi għall-mod li l-bniedem qed jeqred l-art? U kif se jwieġeb għall-isfida implikata milli ħafna jirrifjutaw li jemmnu fih u jissottomettu rwieħhom għar-rieda tiegħu? Fil-fatt, il-kwistjoni l-kbira li qed tiffaċċja lil kull wieħed u waħda minna hi jekk naċċettawx jew le s-sovranità t’Alla, “li ismu biss hu JEHOVAH.”−Salm 83:18, King James Version.
L-Oriġini tal-Univers
Naturalment, għal dawk li ma jemmnux f’Alla, ir-responsabbiltà tagħna lejh m’hi taʼ ebda kwistjoni. Imma kwalunkwe wieħed li jħares bl-onestà lejn id-disinn u l-ġmiel tal-art li hija d-dar tagħna jiġi mqanqal biex jammetti li jrid ikun hemm Disinnjatur mill-aqwa. Huwa veru li meta jipprovaw jispjegaw l-egħġubijiet naturali li hemm madwarna, il-biċċa l-kbira tax-xjenzati ma jdaħħlux lil Alla fl-istampa. Ħafna jgħidu, per eżempju, li l-univers sar daqs li hu fil-preżent minn tikka żgħira li hi ħafna inqas minn ponta taʼ labbra, u li ġara kollox “b’mod naturali” b’kumbinazzjoni, mingħajr il-ħtieġa taʼ xi Ħallieq. Madankollu, wara li jispjega teorija popolari ġdida fuq kif beda l-univers, il-fiżiċista Hanbury Brown, fil-ktieb tiegħu The Wisdom of Science, jammetti: “Għall-maġġoranza tal-bnedmin, naħseb jien, dan se jkun iktar bħala xi bużullotta milli spjegazzjoni.” Il-professur Brown jikkonkludi li “l-oriġini u l-iskop tad-dinja” huma “misteri kbar” li x-xjenza tidher li mhix kapaċi ssolvi.
Ix-xjenzati wrew li l-materja u l-enerġija huma relatati mill-qrib u li l-materja tistaʼ tiġi mibdula f’enerġija u l-enerġija f’materja. Bħalma ġara fl-isplużjonijiet nukleari, ammont ċkejken taʼ materja jirrappreżenta ammont enormi taʼ enerġija. Fejn, allura, huwa s-sors taʼ dik l-enerġija kollha rrappreżentata mill-l00,000 miljun stilel fil-galassa tagħna, kif ukoll l-iktar mill-1,000 miljun galassi li huma fl-univers viżibbli?
Il-Bibbja tgħid: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw. Min ħalaq dawn l-affarijiet? Huwa Dak li qed joħroġ l-armata tagħhom saħansitra bin-numru, li lkoll kemm huma jsejħilhom saħansitra bl-isem. Minħabba l-abbundanza tal-enerġija dinamika, billi hu wkoll vigoruż fil-qawwa, lanqas waħda minnhom ma hi nieqsa.” Min hu Dak? Il-Bibbja tagħti t-tweġiba: “Jiena Jehovah. Dak hu ismi; u lil ħadd ieħor ma se nagħti l-glorja tiegħi stess.”−Isaija 40:26; 42:5, 8.
Spekulazzjoni li l-art flimkien mal-bqija tal-univers oriġinaw b’kumbinazzjoni tieħu l-glorja li tixraq lill-Ħallieq, Alla Jehovah. (Rivelazzjoni 4:11) Tneħħi wkoll il-mottiv qawwi biex wieħed jaġixxi b’responsabbiltà lejn l-art. Li kieku l-bnedmin kienu konxji li jridu jagħtu kont lil Alla taʼ dak li jagħmlu lill-ħolqien tiegħu, forsi huma jkunu iktar attenti fejn jidħol it-tniġġis, il-qerda tal-ozone layer, u s-sħana tal-globu.
L-Oriġini tal-Ħajja
Ikkunsidra wkoll il-mistoqsija: Kif bdiet il-ħajja? In-nies ġew imgħallmin li l-ħajja bdiet mingħajr ebda intervent minn Alla. Imma dan jikkontradixxi prinċipju xjentifiku li huwa stabbilit sew. F’xi żmien kienu jemmnu li n-nannakola ġiet mid-demel tal-baqra, id-dud minn laħam imħassar, u l-ġrieden mit-tajn. Saħansitra matul l-aħħar seklu, ix-xjenzati għallmu li l-mikroorganiżmi ġew minn materja bla ħajja. Imma ideat bħal dawn ġew provati li huma ħżiena minn Redi, Pasteur, u xjenzati oħra. The World Book Encyclopedia (edizzjoni tal-1990) jistqarr: “Wara l-esperimenti taʼ Pasteur, ħafna bioloġisti aċċettaw l-idea li kull forma taʼ ħajja tiġi minn ħajja li diġà teżisti.”
Minkejja dan, ix-xjenzati joħorgu b’teoriji li l-affarijiet kienu differenti fi żmien il-qedem. Huma jgħidu li l-ewwel organiżmi b’ċellola waħda ġew b’kumbinazzjoni minn taħlita bla ħajja li huma jsejħu soppa primevali, li kellha fiha l-kimiċi meħtieġa għall-ħajja. “B’kumbinazzjoni, u b’kumbinazzjoni biss, sar dan kollu, mis-soppa primevali sal-bniedem,” jiddikjara Christian de Duve f’A Guided Tour of the Living Cell.
Billi titkellem dwar Alla, il-Bibbja tgħid: “Miegħek hu s-sors tal-ħajja.” (Salm 36:9) Din l-istqarrija hija verament fi qbil maʼ dak li ġie osservat—li l-ħajja tistaʼ tiġi biss min ħajja li diġa teżisti. Ladarba, madankollu, x-xjenza popolari tippreferi li tqis wieħed mill-iktar rigali prezzjużi taʼ Alla, il-ħajja, bħala xi ħaġa li ġiet b’ċikka, ħafna nies ma jħossu ebda responsabbiltà lejn Alla dwar kif huma jużaw ħajjithom. B’hekk, huma jiksru l-liġijiet t’Alla, jgħakksu lil xulxin, jisirqu lil xulxin, joqtlu lil xulxin, u jonfqu partita flus, ħin, u inġenwità biex jiddisenjaw armi qattiela li joqtlu u jagħmlu ħerba b’effiċjenza tal-biżaʼ.
Tiġi Ssetiljata l-Kwistjoni
Minbarra l-atei u l-modernisti, numru ieħor bla għadd jiċħdu s-sovranità t’Alla. Numru mhux ħażin illum isostnu li jemmnu b’Alla, u iktar minn 1,700 miljun isejħu lilhom infushom Kristjani. Għal sekli sħaħ il-knejjes tal-Kristjaneżmu faħħru pubblikament lil Alla fiċ-ċerimonji tagħhom. Imma fuq liema naħa jinsabu verament il-biċċa l-kbira taʼ dawk il-1,700 miljun ruħ fuq il-kwistjoni tas-sovranità t’Alla?
Kemm individwi u kemm ġnus urew li ma jagħtux kasha billi marru kontra l-kmandi speċifiċi t’Alla. Il-ġnus li jsostnu li huma Kristjani kienu responsabbli taʼ atti ħżiena taʼ vjolenza, inklużi l-agħar żewġ gwerer dinjin tal-istorja umana—u l-kleru “Kristjan” fuq iż-żewġ naħat bierku dawk il-gwerer! B’ipokrezija bħal din, huma rrappreżentaw ħażin lil Alla. Bħalma tistqarr il-Bibbja: “Huma pubblikament jiddikjaraw li jafu ’l Alla, imma jiċħduh bix-xogħlijiet tagħhom.”−Titus 1:16.
Minkejja dan, Alla “ma jistax jiċħad lilu nnifsu.” (2 Timotew 2:13) Iż-żmien irid jasal meta hu se jsolvi kull aspett taʼ din il-kwistjoni tas-sovranità fi qbil mal-għan mistqarr tiegħu stess: “Se jkollhom ikunu jafu li jiena Jehovah.” (Eżekjel 38:23) Imma għala ħalla daqshekk żmien? Il-kwistjoni kif se tiġi solvuta fl-aħħar mill-aħħar? U int kif tistaʼ tagħmel deċiżjonijiet tajbin f’din l-iktar kwistjoni importanti?
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 3]
Sfond: Ritratt tal-U.S. Naval Observatory