LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 8/1 pp. 3-7
  • Żomm Qrib f’Moħħok il-Jum taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żomm Qrib f’Moħħok il-Jum taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ċittadini li Jħarsu l-​Liġi
  • Jesegwixxi d-​Deċiżjoni Tiegħu
  • Qatgħa Ġurati
  • “Poplu Numeruż u Setgħan”
  • “Mimlijin bi Spirtu Qaddis”
  • Jum Jehovah Huwa Qrib
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Attakk Li Ġie mit-Tramuntana!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Min Se “Joħroġ Salv”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Saħħaħna l-Fiduċja Tagħna f’Ġeħova Għax Issaportejna l-Provi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 8/1 pp. 3-7

Żomm Qrib f’Moħħok il-​Jum taʼ Jehovah

“Il-​jum taʼ Jehovah huwa qrib fil-​witja l-​baxxa tad-​deċiżjoni.”−ĠOJELI 3: 14.

1. Il-​gwerra qaddisa ddikjarata minn Jehovah li ġejja għala se tkun differenti mill-​gwerer “qaddisin” tal-​bnedmin?

“IPPROKLAMAW dan, fost il-​ġnus,‘Qaddsu l-​gwerra!’” (Ġojeli 3:9) Ifisser dan gwerra qaddisa? Meta nħarsu lura lejn il-​Kruċjati, il-​gwerer reliġjużi, u ż-​żewġ gwerer dinjin—li fihom il-​Kristjaneżmu kellu sehem kbir—nistgħu nħossuna mwerwrin bil-​ħsieb taʼ gwerra “qaddisa.” Madankollu, il-​gwerra qaddisa tal-​profezija taʼ Ġojeli m’hijiex gwerra fost il-​ġnus. M’hijiex xi ġlieda mimlija mibgħeda biex jinkiseb xi territorju jew xi propjetà, li fiha r-​reliġjon tintuża bħala skuża. Hija gwerra taʼ tjieba. Hija l-​gwerra t’Alla biex jeħles l-​art mir-​regħba, mill-​ġlied, mill-​korruzzjoni, u mill-​moħqrija. Se tivvindika s-​sovranità bid-​dritt taʼ Jehovah fuq il-​qasam kollu tal-​ħolqien tiegħu. Dik il-​gwerra se tiftaħ it-​triq għas-​Saltna taʼ Kristu biex iddaħħal lill-​bnedmin fil-​Millennju taʼ paċi, prosperità, u kuntentizza universali mbassar mill-​profeti t’Alla.—Salm 37:9-11; Isaija 65:17, 18; Rivelazzjoni 20:6.

2, 3. (a) X’inhu “l-​jum taʼ Jehovah” ipprofetizzat f’Ġojeli 3:14? (b) Il-​ġnus għala jixirqilhom dak li se jkollhom jiffaċċjaw matul dak il-​jum?

2 X’inhu, allura, “il-​jum taʼ Jehovah” imbassar f’Ġojeli 3:14? “Jaħasra għall-​jum,” jesklama Jehovah innifsu, “għaliex il-​jum taʼ Jehovah huwa qrib, u bħal serqa minn Dak li Jistaʼ Kollox se jiġi!” Kif inhu serqa? Il-​profeta iktar tard jispjega: “Folol, folol qegħdin fil-​witja l-​baxxa tad-​deċiżjoni, għax il-​jum taʼ Jehovah huwa qrib fil-​witja l-​baxxa tad-​deċiżjoni.” (Ġojeli 1:15; 3:14) Dan hu l-​jum li fih Jehovah jesegwixxi d-​deċiżjoni ġudizzjarja tiegħu fuq il-​folol mingħajr Alla taʼ bnedmin li jirrifjutaw is-​sovranità bid-​dritt tiegħu fuq is-​sema u l-​art. Hija d-​deċiżjoni taʼ Jehovah li jħarbat is-​sistema satanika taʼ affarijiet li għal tant żmien bħal qarnita żammet lill-​bnedmin taħt is-​swaba tagħha.—Ġeremija 17:5-7; 25:31-33.

3 Is-​sistema korrotta fuq l-​art trid tiffaċċja lil dik id-​deċiżjoni. Imma hija s-​sistema dinjija verament daqshekk ħażina? Ħarsa waħda lejn dak li pproduċiet għandha tkun biżżejjed! Ġesù stqarr prinċipju f’​Mattew 7:16: “Mill-​frott tagħhom se tagħrfuhom.” Ma sarux l-​ibliet kbar tad-​dinja miżbliet taʼ drogi, atti kriminali, terrur, immoralità, u tinġis? F’ħafna artijiet libertajiet li nkisbu issa qegħdin jiġu maħnuqin b’konfużjoni politika, skarsezzi taʼ ikel, u faqar. Iktar minn biljun ruħ igħixu fuq razzjonijiet taʼ ġuħ. Jerġaʼ, l-​epidemija tal-​AIDS, imkebbsa mid-​drogi u minn stili taʼ ħajja immorali, titfaʼ sħaba sewda fuq parti kbira tal-​art. B’mod partikulari mill-​Ewwel Gwerra Dinjija ’l hawn li faqqgħet fl-​1914, seħħ kambjament għall-​agħar fuq skala dinjija f’kull aspett tal-​ħajja.—Qabbel 2 Timotew 3:1-5.

4. Jehovah xi sfida jitfaʼ lill-​ġnus?

4 Madankollu, Jehovah beda jiġbor minn fost il-​ġnus kollha nies li bil-​ferħ jilqgħu struzzjoni dwar il-​mogħdijiet tiegħu u jimxu fil-​passaġġi tiegħu. Dawn in-​nies minn mal-​globu kollu ħadmu s-​sjuf f’sikek tal-​moħriet, billi rrinunzjaw għall-​mogħdijiet vjolenti tad-​dinja. (Isaija 2:2-4) Iva, sjuf f’sikek tal-​moħriet! Iżda m’huwiex dan l-​oppost tal-​għajta li Jehovah iġiegħel tiġi pproklamata f’​Ġojeli 3:9, 10? Hemm naqraw: “Ipproklamaw dan, fost il-​ġnus, ‘Qaddsu l-​gwerra! Qanqlu lill-​irġiel potenti! Ħalluhom jersqu qrib! Ħalluhom jitilgħu, l-​irġiel kollha tal-​gwerra! Aħdmu s-​sikek tal-​moħriet tagħkom fi sjuf u l-​imqassijiet taż-​żabra tagħkom f’lanez.’” Aha, hawn Jehovah qed jisfida lill-​mexxejja tad-​dinja biex iġibu l-​qawwa armata magħquda tagħhom kontra tiegħu f’Armageddon. Imma ma jistgħux jirnexxu! Iridu jaqgħu f’telfa totali!—Rivelazzjoni 16:16.

5. X’se jkun ir-​riżultat meta “d-​dielja tal-​art” tiġi maħsuda?

5 Bi sfida għall-​Mulej Sovran Jehovah, mexxejja setgħana bnew hażniet taʼ armamenti tal-​biżaʼ—imma taʼ xejn! Jehovah jagħti l-​ordni f’​Ġojeli 3:13; “Deffsu minġel, għax il-​ħsad sar misjur. Ejjew, inżlu, għax il-​magħsar tal-​inbid sar mimli. Il-​btieti tal-​għasir attwalment ifuru; għax il-​ħażen tagħhom sar abbundanti.” Dawk il-​kelmiet huma simili għal Rivelazzjoni 14:18-20, fejn anġlu b’minġel misnun f’idu jiġi kkmandat biex “[j]iġbor il-​għenieqed tal-​dielja tal-​art, għaliex il-​għeneb tagħha sar misjur.” L-​anġlu jdeffes il-​minġel tiegħu u jwaddab lil dawk il-​ġnus sfidanti “fil-​magħsar il-​kbir tal-​inbid tar-​rabja t’Alla.” B’mod figurattiv, demm joħroġ mill-​magħsar tal-​inbid sal-​għoli tal-​brilja taż-​żwiemel, għal distanza taʼ 1,600 stadju—madwar 180 mil! Xi prospett tal-​biżaʼ għal ġnus li jiddiżonoraw lil Jehovah!

Ċittadini li Jħarsu l-​Liġi

6. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif iħarsu lejn il-​ġnus u l-​mexxejja tagħhom?

6 Ifisser dan li x-​Xhieda taʼ Jehovah ma jirrispettawx lill-​ġnus u lill-​mexxejja tagħhom? ’Il bogħod minn hekk! Huma sempliċement jistmerru l-​korruzzjoni li kulħadd jistaʼ jara b’mod ċar, u jwissu dwar il-​jum taʼ Jehovah li qed joqrob bil-​għaġla biex jesegwixxi d-​deċiżjoni tiegħu. Fl-​istess ħin, huma bl-​umiltà jobdu l-​kmand tal-​appostlu Pawlu f’​Rumani 13:1: “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-​awtoritajiet superjuri.” Lil dawn il-​ħakkiema umani, jagħtuhom unur xieraq imma mhux qima. Bħala ċittadini li jħarsu l-​liġi, isegwu livelli bibliċi taʼ onestà, sinċerità, u ndafa u jibnu morali tajbin fil-​familji tagħhom stess. Igħinu lill-​oħrajn biex jitgħallmu kif huma wkoll jistgħu jagħmlu dan. Igħixu fil-​paċi mal-​bnedmin kollha, billi ma jinvolvux ruħhom f’dimostrazzjonijiet jew rivoluzzjonijiet politiċi. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ifittxu li jkunu eżemplari f’li jobdu l-​liġijiet tal-​awtoritajiet superjuri umani, waqt li jistennew lill-​Awtorità Suprema, il-​Mulej Sovran Jehovah, biex jirrestawra paċi perfetta u gvern taʼ tjieba lil din l-​art.

Jesegwixxi d-​Deċiżjoni Tiegħu

7, 8. (a) Il-​ġnus b’liema mod se jitheżhżu u dlam jinżel fuqhom? (b) Ġojeli lil min jiffigura llum, u f’kuntrast mad-​dinja inġenerali, dawn kif inhuma mberkin?

7 B’lingwaġġ figurattiv u vivaċi, Jehovah jagħti din id-​deskrizzjoni oħra tal-​esekuzzjoni tad-​deċiżjoni tiegħu: “Xemx u qamar infushom ċertament li se jidlamu, u l-​istess kwiekeb attwalment se jirtiraw id-​dija tagħhom. U minn Sijon Jehovah innifsu se jgħajjat bħal iljun, u minn Ġerusalemm se joħroġ lil leħnu. U s-​sema u l-​art ċertament li se jitheżhżu; imma Jehovah se jkun kenn għall-​poplu tiegħu, u fortizza għal ulied Iżrael.” (Ġojeli 3:15, 16) Il-​qagħda li tidher sabiħa u prosperuża tal-​bnedmin se ssir kerha u taʼ theddida, u din is-​sistema dinjija li qiegħda titkisser biċċiet se titheżheż sakemm ma tibqax teżisti, billi ssir ħerba qisu b’xi terremot kbir!—Ħaggaj 2:20-22.

8 Innota l-​assigurazzjoni hienja li Jehovah se jkun refuġju u fortizza għall-​poplu tiegħu! Dan għala? Għaliex huma l-​uniċi nies—poplu internazzjonali—li wieġbu għallkliem taʼ Jehovah: “Intom se jkollkom tkunu tafu li jiena Jehovah Alla tagħkom.” (Ġojeli 3:17) Ladarba isem Ġojeli jfisser “Jehovah huwa Alla,” hu b’mod xieraq jirrappreżenta lix-​Xhieda midlukin taʼ Jehovah taż-​żmien modern, li jaqdu bil-​qlubija f’li jipproklamaw is-​sovranità taʼ Jehovah. (Qabbel Malakija 1:11.) Billi naqilbu lejn il-​kliem tal-​ftuħ tal-​profezija taʼ Ġojeli, se nsibu kemm hu jbassar b’mod vivaċi l-​attività tal-​poplu t’Alla llum.

Qatgħa Ġurati

9, 10. (a) X’kastig hu mbassar minn Ġojeli? (b) Rivelazzjoni kif jidwi l-​profezija taʼ Ġojeli dwar kastig, u x’effett għandu dan il-​kastig fuq il-​Kristianeżmu?

9 Ismaʼ issa “l-​kelma taʼ Jehovah li seħħet lil Ġojeli”: “Isimgħu dan, irġiel ixjeħ, u agħtu widen, intom l-​abitanti kollha tal-​art. Seħħ dan fil-​jiem tagħkom, jew saħansitra fil-​jiem taʼ missirijietkom tal-​qedem? Dwaru agħtu rakkont lil uliedkom stess, u wliedkom lil uliedhom, u wliedhom lill-​ġenerazzjoni taʼ wara. Dak li tħalla mil-​larva taʼ farfett, il-​ġurat kielu; u dak li tħalla mill-​ġurat, il-​ġurat bla ġwienaħ li jitkaxkar kielu; u dak li l-​ġurat bla ġwienaħ li jitkaxkar ħalla, il-​wirdiena kilitu.”−Ġojeli 1:1-4.

10 Din hi kampanja straordinarja, waħda li tibqaʼ titfakkar għal dejjem. Mewġa wara l-​oħra taʼ insetti, b’mod l-​iktar prominenti l-​ġurati, iħarbtu l-​art. Dan x’ifisser? Rivelazzjoni 9:1-12 ukoll jitkellem dwar kastig taʼ ġurati, mibgħutin minn Jehovah taħt “sultan, l-​anġlu tal-​abbiss,” li m’hu ħadd ħlief Kristu Ġesù. L-​ismijiet tiegħu Abaddon (Ebrajk) u Apolljon (Grieg) ifissru “Qerda” u “Qerried.” Dawn il-​ġurati jiffiguraw lill-​fdal midlukin taʼ Kristjani li, issa f’jum il-​Mulej, joħorgu biex iħarbtu il-​mergħat tal-​Kristjaneżmu billi jikxfu kompletament lir-​reliġjon falza u jipproklamaw il-​vendetta taʼ Jehovah fuqu.

11. Il-​ġurati taż-​żmien modern kif inhuma rrinforzati, u min b’mod partikulari huma l-​miri tal-​attakki tagħhom?

11 Kif indikat minn Rivelazzjoni 9:13-21, il-​kastig tal-​ġurati jiġi segwit minn kastig immens taʼ kavallerija. Kemm hu veru dan illum, hekk kif il-​ftit eluf taʼ Kristjani midlukin li baqaʼ jiġu rrinforzati b’iktar minn erbaʼ miljuni “ngħaġ oħra” li flimkien jifformaw kavallerija irreżistibbli! (Ġwann 10:16) Huma jingħaqdu f’li jipproklamaw il-​ġudizzji li jniggżu taʼ Jehovah fuq l-​idolaturi tal-​Kristjaneżmu u fuq dawk li ‘ma jindmux mill-​qtil tagħhom lanqas mill-​prattiċi spiritistiċi tagħhom lanqas mill-​fornikazzjoni tagħhom lanqas mis-​serqiet tagħhom.’ Il-​membri tal-​kleru—Kattoliku kif ukoll Protestant—li b’mod attiv appoġġjaw lill-​gwerer qattiela taʼ das-seklu, kif ukoll qassisin li jikkorrompu lit-​tfal u evanġelisti tat-​T.V. perverti, huma fost dawk li lejhom jiġu diretti dawn il-​messaġġi taʼ ġudizzju.

12. Il-​mexxejja tal-​Kristjaneżmu għala jixirqilhom jirċievu messaġġi taʼ ġudizziu, u x’se jiġrilhom dalwaqt, flimkien mal-​membri kollha taʼ Babilonja l-​Kbira?

12 Lil dawn is-​“sinjuri” baxxi tal-​kullar abjad, tidwilhom is-​sejħa taʼ Jehovah: “Stenbħu, intom sakranazzi, u ibku; u newħu, intom kollha li tixorbu l-​inbid, minħabba nbid ħelu, għax ġie maqtugħ minn fommkom.” (Ġojeli 1:5) F’dan is-​seklu 20, ir-​reliġjon tal-​Kristjaneżmu ssostitwiet il-​prinċipji morali u nodfa tal-​Kelma t’Alla mal-​permissività tad-​dinja. Deher ħelu għar-​reliġjon falza u għall-​parroċċani tagħha li jlegilgu l-​mogħdijiet tad-​dinja, imma xi ħsad taʼ mard spiritwali u fiżiku rċevew! Dalwaqt, kif deskritt f’​Rivelazzjoni 17:16, 17, se jkun il-​“ħsieb” t’Alla li l-​qawwiet politiċi jduru għall-​imperu dinji kollu kemm hu taʼ reliġjon falza, Babilonja l-​Kbira, u jagħmluh ħerba. Ikun biss f’dak il-​waqt, hekk kif jara d-​deċiżjoni taʼ Jehovah qiegħda titwettaq kontra tiegħu, li se ‘jistenbaħ’ mis-​sokor tiegħu bi stagħġib.

“Poplu Numeruż u Setgħan”

13. Il-​qatgħa ġurati b’liema mod tidher “numeruża u setgħana” għall-​Kristjaneżmu?

13 Il-​profeta taʼ Jehovah jissokta jiddeskrivi l-​qatgħa ġurati bħala “poplu numeruż u setgħan,” u hekk jidher f’għajnejn Babilonja l-​Kbira. (Ġojeli 2:2) Il-​kleru tagħha, per eżempju, jisogħbih għall-​fatt li r-​reliġjonijiet tal-​Kristjaneżmu naqsu li jikkonvertu nies mill-​Ġappun Buddist. Iżda, illum, iktar minn 160,000 Xħud taʼ Jehovah Ġappuniż qegħdin jinxterdu f’dak il-​pajjiż u jikkonduċu studji persunali tal-​Bibbja f’iktar minn 200,000 dar tan-​nies. Fl-​Italja l-​180,000 Xħud taʼ Jehovah huma issa rrikonoxxuti bħala t-​tieni fil-​għadd biss wara l-​Kattoliċi. Taʼ xejn li wieħed monsinjur Kattoliku Ruman fl-​Italja sogħbih għall-​fatt li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu qegħdin jieħdu mill-​knisja ‘minn taʼ l-​inqas 10,000 Kattoliku fidil’ kull sena.a Ix-​Xhieda huma ferħanin li jilqgħu wħud bħal dawn.—Isaija 60:8, 22.

14, 15. Ġojeli kif jiddeskrivi il-​qatgħa ġurati, u dan b’liema mod twettaq illum?

14 Waqt li jiddeskrivi l-​qatgħa ġurati taʼ Xhieda midlukin, Ġojeli 2:7-9 jistqarr: “Bħal irġiel taʼ qawwa huma jiġru. Bhal irġiel tal-​gwerra jitilgħu maʼ ħajt. U jmorru kull wieħed fil-​mogħdijiet tiegħu stess, u ma jbiddlux il-​passaġġi tagħhom. U lil xulxin huma ma jimbottawx. Bħal raġel b’saħhtu fil-​korsa tiegħu, huma jibqgħu sejrin; u jekk xi wħud jaqgħu saħansitra fost il-​missili, l-​oħrajn ma jitilqux mill-​korsa. Għal ġewwa l-​belt jiġru. Fuq il-​ħajtjiġru. Fuq id-​djar jitilgħu. Minn ġot-​twieqi jidħlu bħall-​ħalliel.”

15 Ritratt vivaċi, tabilħaqq, tal-​armata taʼ “ġurati” midlukin, issa msehbin minn iktar minn erbaʼ miljuni oħrajn, in-​ngħaġ l-​oħra! L-​ebda “ħajt” taʼ mibgħeda reliġjuża ma jistaʼ jżommhom lura. Bil-​qlubija, huma ‘jkomplu mexjin bl-​ordni f’din l-​istess rutina’ taʼ għoti taʼ xiehda fil-​pubbliku u taʼ attivitajiet Kristjani oħrajn. (Qabbel Filippin 3:16.) Minflok ma jagħmlu kompromess, huma kienu lesti li jiffaċċjaw il-​mewt, kif gralhom l-​eluf taʼ Xhieda li ‘waqgħu fost il-​missili’ għaliex irrifjutaw li jsellmu (bil-għajta taʼ ‘Heil Hitler!’) lil Hitler Kattoliku tal-​Ġermanja Nażista. Il-​qatgħa ġurati tat xiehda bir-​reqqa fil-​“belt” tal-​Kristjaneżmu, billi għelbu l-​ostakli kollha, billi ppenetraw, daqs li kieku, bħal ħalliel fid-​djar hekk kif qassmu biljuni taʼ pubblikazzjonijiet Bibliċi fl-​attività tagħhom minn dar għal dar. Hija r-​rieda taʼ Jehovah li din ix-​xiehda tingħata, u l-​ebda qawwa fis-​sema jew fl-​art ma tistaʼ twaqqafha.—Isaija 55:11.

“Mimlijin bi Spirtu Qaddis”

16, 17. (a) Il-​kliem taʼ Ġojeli 2:28, 29 meta kellu twettieq notevoli? (b) Liema kelmiet profetiċi taʼ Ġojeli ma twettqux kompletament fl-​ewwel seklu?

16 Jehovah igħid lix-​Xhieda tiegħu: “Intom se jkollkom tkunu tafu li jien qiegħed f’nofs Iżrael [spiritwali], u li jiena Jehovah Alla tagħkom u ma hemm ebda ieħor.” (Ġojeli 2:27) In-​nies tiegħu bdew jirrealizzaw dan b’għożża meta Jehovah beda jwettaq il-​kliem tiegħu f’Ġojeli 2:28, 29: “Irid iseħħ li jien se nsawwab l-​ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ laħam, u wliedkom subien u wliedkom bniet ċertament li se jipprofetizzaw.” Dan ġara f’Pentekoste tas-​sena 33 E.K., meta d-​dixxipli miġburin taʼ Ġesù ġew midlukin “u huma lkoll saru mimlijin bi spirtu qaddis.” Fil-​qawwa tal-​ispirtu qaddis, huma ppridkaw, u f’dak il-​jum wieħed, “żdiedu madwar tlett elef ruħ.”−Atti 2:4, 16, 17, 41.

17 F’dik l-​okkażjoni taʼ ferħ, Pietru wkoll ikkwota lil Ġojeli 2:30-32: “Se nagħti għeliem fis-​smewwiet u fuq l-​art, demm u nar u kolonni taʼ duħħan. Ix-​xemx infisha se tiġi mibdula fi dlam, u l-​qamar f’demm, qabel il-​miġja tal-​jum il-​kbir u li jispira biżaʼ taʼ Jehovah. U jrid iseħħ li kulmin isejjaħ isem Jehovah se joħroġ salvat.” Dawk il-​kelmiet kellhom twettieq parzjali meta Ġerusalemm ġiet meqruda fis-​sena 70 E.K.

18. It-​twettieq akbar taʼ Ġojeli 2:28, 29 meta beda jseħħ?

18 Kellu jkun hemm, madankollu, applikazzjoni oħra taʼ Ġojeli 2:28-32. Tabilħaqq, din il-​profezija kellha twettieq notevoli minn Settembru tal-​1919 ’il hawn. F’dak iż-​żmien konvenzjoni memorabbli tan-​nies taʼ Jehovah inżammet f’Cedar Point, Ohio, fl-​Istati Uniti. L-​ispirtu t’Alla kien jidher b’mod ċar, u l-​qaddejja midlukin tiegħu ġew stimulati biex jagħtu bidu għal kampanja globali taʼ għoti taʼ xiehda li testendi saż-​żmien preżenti. X’espansjoni grandjuża rriżultat! Is-​7,000 u iktar li attendew dik il-​konvenzjoni taʼ Cedar Point kibru għal total taʼ 10,650, 158 li attendew il-​Mafkar tal-​mewt taʼ Ġesù fit-​30 taʼ Marzu, 1991. Minn dawn, 8,850 biss ipprofessaw li huma Kristjani midlukin. Kemm hu kbir il-​ferħ taʼ dawn kollha meta jaraw il-​frott globali miġjub mill-​ispirtu dinamiku taʼ Jehovah!—Isaija 40:29, 31.

19. Minħabba li jum Jehovah hu tant qrib, x’għandha tkun l-​attitudni taʼ kull wieħed minna?

19 Preċiż quddiemna tinsab “il-​miġja tal-​jum il-​kbir u li jispira biżaʼ taʼ Jehovah” li se jġib f’ħerba lis-​sistema taʼ affarijiet taʼ Satana. (Ġojeli 2:31) B’ferħ, “kulmin isejjaħ l-​isem taʼ Jehovah se jkun salvat.” (Atti 2:21) Dan kif? L-​appostlu Pietru jgħidilna li “l-​jum taʼ Jehovah se jiġi bħal ħalliel” u jżid: “Ladarba dawn l-​affarijiet kollha għandhom b’hekk idubu, liema xorta taʼ persuni għandkom tkunu f’atti qaddisin taʼ kondotta u f’għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla, waqt li tistennew u żżommu qrib f’moħħkom il-​preżenza tal-​jum taʼ Jehovah.” Billi nżommu f’moħħna li l-​jum taʼ Jehovah hu qrib, aħna se nifirħu wkoll li naraw it-​twettieq tal-​wegħda taʼ Jehovah taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida” taʼ tjieba.—2 Pietru 3:10-13.

[Nota taʼ taħt]

a La Repubblica, Ruma, l-​Italja, 12 taʼ Novembru, 1985, u La Rivista del clero italiano, Mejju 1985.

Tistaʼ Tispiega?

◻ X’inhu “l-​jum taʼ Jehovah”?

◻ ‘Id-dielja tal-​art’ kif se tiġi maħsuda, u għala?

◻ Kastig taʼ ġurati b’liema mod għakkes lill-​Kristjaneżmu mill-​1919’ ’l hawn?

◻ L-​ispirtu taʼ Jehovah kif kien imferraʼ fuq il-​poplu tiegħu fis-​sena 33 E.K., u mill-​ġdid fl 1919?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja