LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w92 11/1 pp. 7-11
  • ‘Ħalli l-Avvanz Tiegħek Ikun Jidher’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Ħalli l-Avvanz Tiegħek Ikun Jidher’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Żmien għal Eżami Tagħna Nfusna
  • “Xeħtiet taʼ Tarbija”
  • Kif l-​Avvanz Jibda Jidher
  • Int Kristjan Matur?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Agħmlu Jidher l-Avvanz Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Kun Progressiv—Imxi ’l Quddiem
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Żgħażagħ—Ħallu lil Kulħadd Jara li Qed Tavanzaw
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
w92 11/1 pp. 7-11

‘Ħalli l-​Avvanz Tiegħek Ikun Jidher’

“Issa li sirt raġel, ħlist mix-​xeħtiet taʼ tarbija.”—1 KORINTIN 13:11.

1. It-​tkabbir kif inhu evidenza tal-​għaġeb tal-​ħolqien?

MINN bajda tant ċkejkna li tista taraha biss permezz taʼ mikroskopju, balena tistaʼ tikber fi ħlejqa iktar minn mitt pied twila u tiżen ’il fuq minn 80 tunnellata. B’mod simili, minn waħda mill-​iktar żerrigħat ċkejknin, is-​siġra ġganteska sekoja tistaʼ tikber sa 300 pied għoli. Verament, it-​tkabbir hu wieħed mill-​meravilji tal-​ħajja. Kif poġġieha l-​appostlu Pawlu, aħna nistgħu nħawlu u nsaqqu, imma huwa “Alla li jagħmilha tikber.”−1 Korintin 3:7.

2. Liema xorta taʼ tkabbir ġie mbassar fil-​Bibbja?

2 Hemm, madankollu, għamla oħra taʼ tkabbir li ħu daqstant meraviljuz. Huwa dak imbassar mill-​profeta Isaija: “Iċ-​ċkejken innifsu se jsir elf, u ż-​żgħir ġens setgħani. Jien innifsi, Jehovah, se ngħaġġlu f’waqtu.” (Isaija 60:22) Din il-​profezija għandha x’taqsam mat-​tkabbir tal-​poplu t’Alla, u għaddejja minn twettieq ewlieni fi żmienna.

3. Ir-​rapport tas-​sena taʼ servizz 1991 kif wera li Jehovah qiegħed igħaġġel ix-​xogħol tal-​poplu tiegħu?

3 Ir-​rapport tas-​sena taʼservizz 1991 tal-​attività mad-​dinja kollha tax-​Xhieda taʼ Jehovah juri li l-​għadd taʼ pubblikaturi tas-​Saltna laħaq quċċata ġdida taʼ 4,278,820, u total taʼ 300,945 persuna tgħammdu matul is-​sena. Biż-​żjieda taʼ tant uħud ġodda, 3,191 kongregazzjonijiet ġodda ġew ifformati, flimkien maʼ għadd li jikkorrespondi taʼ circuits u distretti ġodda. Dak hu iżjed minn tmien kongregazzjonijiet ġodda kuljum, kważi circuit wieħed ġdid kull jumejn. Xi tkabbir meraviljuż! B’mod ċar, Jehovah qiegħed igħaġġel l-​affarijiet, u l-​barka tiegħu qiegħda fuq l-​isforzi tal-​poplu tiegħu.—Salm 127:1.

Żmien għal Eżami Tagħna Nfusna

4. X’mistoqsijiet iridu jiġu kkunsidrati hekk kif inħarsu lejn il-​futur?

4 Għalkemm din il-​barka hi haġa li tqanqlek meta taraha, hija ġġib ukoll magħha ċerti responsabbiltajiet. Se jkun hemm biżżejjed individwi maturi u lesti li jieħdu ħsieb tal-​bżonnijiet spiritwali taʼ dawn il-​ġodda kollha? Hekk kif inħarsu ’l quddiem lejn il-​futur, lanqas biss nistgħu nimmaġinaw il-​għadd taʼ pijunieri, qaddejja ministerjali, anzjani, u indokraturi li jivvjaġġaw li se jkunu meħtieġa biex jieħdu ħsieb tat-​tkabbir u l-​espansjoni, kif ukoll il-​għadd taʼ ħaddiema volontarji meħtieġa fl-​uffiċċji tal-​fergħat u fid-​Djar taʼ Betel mad-​dinja kollha biex jappoġġjaw lil dak ix-​xogħol. Minn fejn se jiġi dan il-​għadd kbir taʼ nies? M’hemmx dubju li l-​ħsad hu kbir. Imma min illum qiegħed f’pożizzjoni biex jieħu ħsieb tal-​ħaddiema kollha meħtieġa biex jaħsdu dak il-​ħsad?—Mattew 9:37, 38.

5. Liema sitwazzjonijiet jeżistu f’xi nħawi minħabba tkabbir bil-​għaġġla?

5 Ġie rrapportat, per eżempju, li f’xi partijiet tad-​dinja, hemm kongregazzjonijiet b’għadd taʼ xejn inqas minn mitt pubblikatur li huma moqdijin minn anzjan wieħed biss flimkien maʼ qaddej ministerjali wieħed jew tnejn. Xi drabi anzjan wieħed irid jaqdi f’żewġ kongregazzjonijiet. F’postijiet oħrajn il-​ħtieġa għal ministri Kristjani kkwalifikati biex jikkonduċu studji tal-​Bibbja fid-​djar hu tant kbir li wħud ġodda jitpoġġew fuq il-​lista biex jistennew wara min imisshom. Jerġaʼ fi nħawi oħrajn, kongregazzjonijiet ġodda qegħdin jifformaw b’rata tant imgħaġġla li tlieta, erbaʼ, jew saħansitra ħames kongregazzjonijiet ikollhom jużaw l-​istess Sala tas-​Saltna. Forsi int rajt tkabbir bħal dan fejn toqgħod inti stess.

6. Għala huwa xieraq eżami tagħna nfusna minnaħa tagħna?

6 X’igħidilna dan li semmejna? Li minħabba ż-​żminijiet, ilkoll kemm aħna għandna bżonn neżaminaw iċ-​ċirkostanzi tagħna biex naraw jekk aħniex nagħmlu l-​aħjar użu mill-​ħin u mir-​riżorsi tagħna sabiex inwieġbu għall-​htieġa. (Efesin 5:15-17) L-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani Ebrej tal-​ewwel seklu: “Għax, tabilħaqq, għalkemm imisskom tkunu għalliema meta tqis iż-​żmien, terġgħu teħtieġu lil xi ħadd igħallimkom mill-​bidu l-​affarijiet elementari tal-​kelmiet sagri minn fomm Alla; u sirtu bħal dawk li jeħtieġu l-​ħalib, mhux ikel solidu.” (Ebrej 5:12) Kif jindika dak il-​kliem, Kristjani individwali wkoll jeħtieġ li jikbru. U hemm periklu reali li wieħed forsi jitnikker f’infanzja spiritwali minflok ma jipprogressa lejn il-​maturità Kristjana. Fi qbil maʼ dan, Pawlu jħeġġiġna: “Ibqgħu eżaminaw jekk intomx fil-​fidi, ibqgħu agħtu prova x’intom.” (2 Korintin 13:5) Eżaminajt lilek innifsek biex tara jekk kbirtx spiritwalment miż-​żmien tal-​magħmudija tiegħek? Jew qiegħed fl-​istess post? Kif, iżda, jistaʼ wieħed jinduna?

“Xeħtiet taʼ Tarbija”

7. Biex l-​avvanz spiritwali jkun jidher, x’irridu nagħmlu?

7 “Meta kont tarbija, kont nitkellem bħal tarbija, naħseb bħal tarbija, nirraġuna bħal tarbija; imma issa li sirt raġel, ħlist mix-​xeħtiet taʼ tarbija,” qal l-​appostlu Pawlu. (1 Korintin 13:11) Fl-​iżvilupp spiritwali, f’xi żmien ilkoll kemm aħna konna bħal tfal fil-​ħsieb u fi-azzjonijiet tagħna. Madankollu, biex l-​avvanz ikun jidher, irridu nneħħu x-​“xeħtiet taʼ tarbija,” kif qal Pawlu. X’inhuma xi ftit minn dawn?

8. Skond il-​kliem taʼ Pawlu f’​Ebrej 5:13, 14, liema hi xeħta waħda taʼ tarbija spiritwali?

8 L-​ewwel, innota l-​kliem taʼ Pawlu f’​Ebrej 5:13, 14: “Kulmin jieħu mill-​ħalib mhux midħla tal-​kelma taʼ tjieba, għax hu tarbija. Imma ikel solidu jappartjeni lil nies maturi, lil dawk li permezz tal-​użu għandhom is-​setgħat tal-​fehma tagħhom imħarrġin biex jiddistingwu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” Inti ‘midħla tal-​kelma taʼ tjieba’? Tafha tajjeb biżżejjed il-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, li kapaċi tużaha biex ‘tiddistingwi kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin’? Pawlu qal li nies maturi huma kapaċi jagħmlu dan għaliex huma regolarment jieħdu “ikel solidu.” B’hekk, ix-​xewqa jew l-​aptit tal-​individwu għal ikel solidu spiritwali huwa indikazzjoni taʼ jekk wieħed kibirx spiritwalment jew għadux tarbija spiritwali.

9. L-​aptit spiritwali tal-​individwu kif inhu indikazzjoni tal-​progress spiritwali tiegħu?

9 Kif inhu, allura, l-​aptit spiritwali tiegħek? Kif tħares int lejn il-​provvista abbundanti taʼ ikel spiritwali li Jehovah jipprovdi regolarment permezz taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja u permezz taʼ laqgħat u assembleat Kristjani? (Isaija 65:13) Bla dubju int tifraħ ħafna jekk xi pubblikazzjonijiet ġodda jiġu maħruġin fil-​konvenzjonijiet distrettwali annwali. Imma x’tagħmel bihom meta tasal id-​dar? X’tagħmel meta tasal ħarġa ġdida tar-​rivisti It-​Torri tal-​Għassa u l-​Awake!? Tieħu int il-​ħin biex taqra dawn il-​pubblikazzjonijiet, jew kemm tagħtihom daqqa t’għajn ħafif ħafif biex tħares lejn il-​punti ewlenin u mbagħad titfagħhom maʼ oħrajn fuq l-​ixkaffa tal-​kotba? Mistoqsijiet simili jistgħu jsiru rigward il-​laqgħat Kristjani. Tattendi int regolarment għal-​laqgħat kollha? Tipprepara għalihom kif ukoll tipparteċipa fihom? Milli jidher xi wħud waqgħu fi drawwiet batuti taʼ ikel spiritwali, billi jnaqqru u jieklu bil-​ġiri, biex ingħidu hekk. Kemm kien differenti s-​salmista, li qal: “Kemm inħobbha l-​liġi tiegħek! Il-​jum kollu naħseb dwarha.” Iktar minn hekk, is-​Sultan David qal: “Jien se nfaħħrek fil-​kongregazzjoni l-​kbira; fost poplu numeruż se nfaħhrek.” (Salm 35:18; 119:97) Biċ-​ċar, kemm aħna napprezzaw prowedimenti spiritwali huwa indikazzjoni tal-​progress spiritwali tagħna.

10. Liema xeħta taʼ tarbija spiritwali hija indikata f’​Efesin 4:14?

10 Pawlu indika xeħta oħra taʼ tarbija spiritwali meta wissa: “M’għandniex iktar inkunu trabi, mitfugħin ’il hawn u ’l hinn bħal

bil-mewġ u mġarrin bl-​addoċċ minn kull riħ taʼ tagħlim permezz tal-​qerq tan-​nies, permezz tal-​makakkerija fl-​ippjanar tal-​iżball.” (Efesin 4:14) Kif jafu tajjeb il-​ġenituri, it-​tfal huma kurjużi dwar kollox. Sa ċertu punt din hi xeħta pożittiva għaliex tgħinhom jesploraw u jitgħallmu u jiżżviluppaw bil-​mod il-​mod f’persuni maturi. Il-​periklu, madankollu, qiegħed f’li huma faċilment jiġu distratti b’ħaġa wara l-​oħra. Agħar minn hekk, minħabba nuqqas taʼ esperjenza, din il-​kurżità taʼ spiss twassalhom f’inkwiet serju, saħansitra taʼ periklu għalihom infushom u għal oħrajn. Dan hu minnu wkoll dwar trabi spiritwali.

11. (a) Pawlu x’kellu f’moħħu meta uża l-​espressjoni “kull riħ taʼ tagħlim”? (b) Liema ‘rjieħ’ niffaċċjaw aħna llum?

11 Iżda, Pawlu x’kellu f’moħħu meta qal li trabi spiritwali huma mitfugħin ’il hawn u ’l hinn minn “kull riħ taʼ tagħlim”? Hawn, il-​kelma “riħ” hija tradotta mill-​kelma Griega aʹne․mos, li dwarha l-​International Critical Commentary josserva li hija evidentement “magħżula bħala xierqa għall-​idea taʼ tibdil.” Dan jintwera tajjeb bil-​kliem li jmiss taʼ Pawlu, “permezz tal-​qerq tan-​nies.” Il-​kelma “qerq” fil-​lingwa oriġinali bażikament tfisser “dada” jew “logħob tad-​dadi,” jiġifieri, logħba tal-​fortuna. Il-​punt hu li aħna kontinwament niġu kkonfrontati b’ideat u interessi ġodda li jistgħu jidhru innoċenti, li jħajruk, saħansitra taʼ siwi. Il-​kliem taʼ Pawlu japplika primarjament għal affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​fidi tagħna—movimenti ekumeniċi, kawżi soċjali u politiċi, u affarijiet bħal dawn. (Qabbel 1 Ġwann 4:1.) Imma l-​prinċipju japplika wkoll rigward il-​moda u d-​drawwiet li dejjem jitbiddlu tad-​dinja—stili, divertiment, ikel, rutini taʼ saħħa u taʼ ezerċizzji, eċċ. Minħabba nuqqas taʼ esperjenza u taʼ ġudizzju tajjeb, it-​tarbija spiritwali tistaʼ tiġi distratta żżejjed minn affarijiet bħal dawn u b’hekk tistaʼ tiġi mċaħħda milli tagħmel avvanz spiritwali u milli twettaq l-​obbligi Kristjani iżjed importanti tagħha.—Mattew 6:22-25.

12. It-​tfal żgħar kif inhuma differenti mill-​adulti rigward ir-​responsabbiltà?

12 Xeħta oħra tat-​tfal żgħar hi l-​bżonn kontinwu tagħhom għall-​għajnuna u l-​attenzjoni. M’humiex konxji u lanqas jikkonċernaw ruħhom dwar ir-​responsabbiltajiet; it-​tfulija hija ż-​żmien tal-​ħajja meta kważi kollox hu biss gost u logħob. Kif poġġieha Pawlu, huma ‘jitkellmu bħal tarbija, jaħsbu bħal tarbija, jirraġunaw bħal tarbija.’ Huma jagħmluha fatta li oħrajn se jieħdu ħsiebhom. L-​istess jistaʼ jingħad dwar it-​tarbija spiritwali. Meta xi ħadd ġdid jagħti l-​ewwel taħdita tiegħu fuq il-​Bibbja jew jibda għall-​ewwel darba fil-​ministeru tal-​għalqa, il-​ġenitur spiritwali bil-​ferħ jagħmel kulma jistaʼ biex igħin. X’jiġri jekk min hu ġdid jibqaʼ jistrieħ fuq din il-​għajnuna u juri li m’huwiex kapaċi jaċċetta r-​responsabbiltà taʼ li jieħu ħsieb tiegħu nnifsu? B’mod ċar dak ikun indikazzjoni taʼ nuqqas taʼ applikar persunali.

13. Kull wieħed għala għandu jitgħallem iġorr it-​tagħbija tiegħu stess?

13 F’dan ir-​rigward ftakar f’dak li widdeb l-​appostlu Pawlu li għalkemm għandna ‘nkomplu nġorru t-​tagħbijiet taʼ xulxin,’ xorta waħda “kull wieħed se jerfaʼ t-​tagħbija tiegħu stess.” (Galatin 6:2, 5) M’għandniex xi ngħidu, se jieħu ż-​żmien u l-​isforz biex wieħed jitgħallem jerfaʼ r-​responsabbiltajiet tiegħu taʼ Kristjan, u jistaʼ jfisser li jsiru xi sagrifiċċji f’ċerti oqsma. Madankollu, ikun żball serju li wieħed iħalli lilu nnifsu jkun tant involut bil-​gost u l-​logħob tal-​ħajja, kemm jekk huma rikreazzjoni, ġiti, apparat, jew saħansitra ġiri bla bżonn wara x-​xogħol sekulari, li hu sempliċement jieqaf mal-​ġenb, biex ingħidu hekk, mingħajr ebda xewqa biex iżid sehmu fix-​xogħol taʼ trawwim taʼ dixxipli jew biex jistinka għall-​avvanz u r-​responsabbiltà spiritwali. “Siru dawk li jagħmlu l-​kelma, u mhux semmiegħa biss, billi tqarrqu bikom infuskom b’raġunar falz,” ħeġġeġ id-​dixxiplu Ġakbu.—Ġakbu 1:22; 1 Korintin 16:13.

14. Għala m’għandniex inkunu sodisfatti b’li nuru x-​xeħtiet taʼ tarbija spiritwali?

14 Iva, hemm ħafna xeħtiet li malajr jintgħarfu li jiddistingwu tifel minn adult. Il-​ħaġa importanti, madankollu, kif poġġieha Pawlu, hi li aħna bil-​mod il-​mod inwarrbu x-​xeħtiet taʼ tarbija u niktru. (1 Korintin 13:11; 14:20) Inkella, nistgħu nkunu rritardjati f’sens spiritwali. Imma wieħed kif jagħmel progress? X’inhu involut f’li nibqgħu nikbru spiritwalment lejn il-​maturità?

Kif l-​Avvanz Jibda Jidher

15. Liema huma l-​passi bażiċi fil-​proċess tat-​tkabbir?

15 Sewwa, it-​tkabbir kif iseħħ fid-​dinja naturali? “Kull individwu jibda l-​ħajja bħala ċellola waħda,” tispjega The World Book Encyclopedia. “Iċ-​ċellola tassorbi materjali u tbiddilhom fl-​elementi bażiċi li għandha bżonn biex tikber. B’hekk, iċ-​ċellola waħda tikber minn ġewwa. Din iċ-​ċellola tistaʼ timmoltiplika u tinqasam biex tifforma ċelloli oħrajn. Il-​proċess taʼ bini, moltiplikar, u qsim huwa tkabbir.” Il-​punt notevoli hawnhekk hu li t-​tkabbir iseħħ minn ġewwa. Meta nutriment xieraq jiġi assorbit, iddiġerit, u wżat, dan jirriżulta fi tkabbir. Dan jidher ċar fil-​każ taʼ tarbija tat-​twelid. Kif nafu, tarbija tieħu ammont regulari taʼ ikel maħdum speċjali, il-​ħalib, li huwa abbundanti fix-​xaħam u l-​proteini, il-​materjali meħtieġa għat-​tkabbir. Ir-​riżultat? L-​ammont taʼ tkabbir f’termini taʼ piż u tul li tikseb it-​tarbija fl-​ewwel sena qatt ma jerġaʼ jintlaħaq fi kwalunkwe sena oħra taʼ tkabbir normali matul il-​bqija taʼ ħajjitha.

16. Liema xorta taʼ tkabbir jidher fil-​biċċa l-​kbira tal-​istudenti ġodda tal-​Bibbja, u dak kif jintgħamel possibbli?

16 Hemm ħafna x’nitgħallmu minn dan il-​proċess taʼ tkabbir naturali li nistgħu napplikawh għall-​progress spiritwali tagħna mill-​bażi sal-​maturità. L-​ewwelnett, programm regulari taʼ ikel huwa essenzjali. Aħseb lura fiż-​żmien meta int bdejt tistudja l-​Bibbja għall-​ewwel darba. Jekk int bħall-​maġġoranza, int wisq probabbli ma kont taf kważi xejn dwar il-​Kelma t’Alla. Imma ġimgħa wara l-​oħra kont tipprepara għal-​lezzjonijiet tiegħek u kont tagħmel l-​istudju tiegħek tal-​Bibbja, u fi żmien relattivament qasir, bdejt tifhem it-​tagħlim bażiku kollu tal-​Iskrittura. Dak, trid tammetti, kien tkabbir fenomenali, u kollu b’riżultat taʼ ikel regulari mill-​Kelma t’Alla!

17. Programm regulari taʼ ikel spiritwali għala huwa indispensabbli?

17 Xi ngħidu, iżda, dwar issa? Għadek is-​segwi programm regulari taʼ ikel? Wieħed qatt m’għandu jaħseb li sempliċement għaliex issa mgħammed, m’għadx għandu bżonn taʼ studju regulari u sistematiku biex jassorbi ikel spiritwali nutrijenti. Għalkemm Timotew kien indokratur Kristjan matur, Pawlu ħeġġu: “Aħseb sewwa dwar dawn l-​affarijiet; kun mehdi fihom, biex il-​mixi ’l quddiem tiegħek jistaʼ jkun jidher mill-​persuni kollha.” (1 Timotew 4:15) Kemm iżjed kull wieħed minna għandu bżonn jagħmel hekk! Jekk int interessat f’li tagħmel l-​awanz tiegħek jidher, sforzi bħal dawn huma indispensabbli.

18. L-​avvanz spiritwali tal-​individwu kif isir jidher?

18 Li wieħed iħalli l-​avvanz tiegħu jidher ma jfissirx li jagħmel xi sforz speċjali biex jiffanfra b’dak li jaf jew li jipprova jimpressjona lill-​oħrajn. Ġesù stqarr: “Intom id-​dawl tad-​dinja. Belt ma tistax tinħeba meta tinsab fuq muntanja” u, “mill-​abbundanza tal-​qalb il-​fomm jitkellem.” (Mattew 5:14; 12:34) Meta l-​qlub u l-​imħuħ tagħna jkunu mimlijin bl-​affarijiet tajbin tal-​Kelma t’Alla, ma nkunux nistgħu ma nurux dan f’kulma nagħmlu u ngħidu.

19. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu rigward il-​progress spiritwali tagħna, u b’liema riżultat quddiemna?

19 Għaldaqstant, il-​mistoqsija hi: Tistudja int regolarment il-​Bibbja u tattendi l-​laqgħat Kristjani regolarment biex tassorbi l-​materjal nutrijenti li jistaʼ jistimula t-​tkabbir intern spiritwali tiegħek? Tkunx sodisfatt b’li tkun biss osservatur passiv fejn jidħol l-​iżvilupp spiritwali. Ħu passi pożittivi biex tkun ċert li qiegħed tagħmel użu sħiħ mill-​ikel spiritwali abbundanti li jipprovdi Jehovah. Jekk int wieħed li ‘l-​għaxqa tiegħek hi fil-​liġi taʼ Jehovah, u fil-​liġi tieghu taqra taħt l-​ilsien lejl u nhar,’ allura jistaʼ jingħad ukoll dwarek: “Ċertament li se jsir bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat taʼ ilma, li tagħti l-​frott tagħha stess fl-​istaġun tiegħu u li l-​weraq tagħha ma jitbielx, u kulma jagħmel se jirnexxi.” (Salm 1:2, 3) Iżda, x’jistaʼ jsir biex tkun ċert li tkompli tagħmel avvanz spiritwali? Dan se niddiskutuh fl-​artiklu li jmiss.

Tistaʼ Twieġeb?

◻ Għala huwa f’waqtu li neżaminaw l-​avvanz spiritwali tagħna?

◻ It-​tkabbir spiritwali kif inhu relatat mal-​aptit spiritwali?

◻ X’inhu mfisser b’“kull riħ taʼ tagħlim?

◻ Għala kull wieħed irid iġorr it-​tagħbija tiegħu stess?

◻ Kif jinkiseb l-​avvanz spiritwali?

[Stampa f’paġna 9]

Tieħu int ħin biex taqra pubblikazzionijiet ibbażati fuq il-​Bibbja?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja