It-Tbassir tal-Bibbja Kemm Hu taʼ Min Jorbot Fuqu?
KOTBA tal-istorja llum hawn kemm trid. Dawn ir-rakkonti taʼ x’ġara fil-passat taʼ spiss verament jaffaxxinawk. Hekk kif naqrawhom, nistgħu naraw lilna nfusna fi sfondi antiki. L-immaġinazzjoni tagħna tistaʼ tikber hekk kif nies, postijiet, u ġrajjiet jidhru jieħdu l-ħajja minn paġni siktin.
Il-Bibbja hija ktieb bħal dan—wieħed mimli b’rakkonti storiċi u eċċitanti. Permezz tal-paġni tagħha, nistgħu nsiru midħla taʼ rġiel u nisa bħal Abraham, martu Sara, is-Sultan David, ir-Reġina Ester, u l-Għalliem il-Kbir, Ġesù Kristu. Nistgħu, fil-fatt, nimxu magħhom, nisimgħu x’qalu, u naraw dak li raw huma. Imma ħafna jikkunsidraw il-Bibbja bħala xi ħaġa iktar minn ktieb tal-istorja. Huma jemmnu li għandha ġo fiha dak li ġie msejjaħ storja miktuba minn qabel. Għala huwa dan? Għaliex il-Bibbja hija mimlija b’tbassiriet, jew profeziji.
Madankollu, it-tbassiriet tal-Bibbja kemm huma taʼ min jorbot fuqhom? Jekk il-profeziji tal-Bibbja ġew imwettqin fi ġrajjiet tal-imgħoddi, m’għandniex aħna nistennew li tbassiriet bħal dawn dwar il-ġrajjiet tal-futur iseħħu wkoll? Ejjew issa nikkunsidraw xi eżempji biex naraw jekk it-tbassiriet tal-Bibbja humiex taʼ min jorbot fuqhom.
L-Iżrael u L-Assirja fuq il-Palk Dinji
Isaija, il-profeta t’Alla, li beda jipprofetizza madwar is-sena 778 Q.E.K., bassar: “Bis-saqajn il-kuruni eminenti tas-sakranazzi taʼ Efraim [Iżrael] se jgħaffġu fuqhom. U l-fjura li qed tidbiel tat-tiżjin taʼ ġmiel tiegħu li qiegħda fuq ras il-wied fertili trid issir bħat-tina bikrija qabel is-sajf, li, meta dak li jara jaraha, waqt li għadha fil-pala t’idu, jiblagħha.” (Isaija 28:3, 4) Kif ġie mħabbar hawnhekk minn qabel, sa nofs it-tmien seklu Q.E.K., il-kapitali taʼ Iżrael, is-Samarija, kienet saret bħal tina misjura lesta biex tinqataʼ u tinbalaʼ mill-forzi militari tal-Assirja. Dak hu preċiż li ġara meta s-Samarija ġiet mirbuħa mill-Assirjani fis-sena 740 Q.E.K.—2 Slaten 17:6, 13, 18.
Maż-żmien kien imiss lill-Assirja li ssir imperu tal-passat. Il-kapitali tagħha kienet Nineve, li tant kienet infamja minħabba t-trattament krudili tal-iskjavi li ġiet imsejħa “l-belt taʼ tixrid id-demm.” (Naħum 3:1) Alla Jehovah innifsu kien bassar ir-rovina taʼ Nineve. Per eżempju, permezz tal-profeta Naħum, Alla qal: “Ħares! Jien kontra tiegħek . . . se nagħmlek jistħoqqlok id-disprezz; u se nqiegħdek bħala spettaklu. U jrid iseħħ li kulmin jarak se jaħrab lil hinn minnek u ċertament li se jgħid, ‘Nineve ġiet imneżżaʼ!’” (Naħum 3:5-7) Sofonija wkoll bassar il-qerda tal-Assirja u l-ħerba taʼ Nineve. (Sofonija 2:13-15) Dawn il-profeziji ġew imwettqin fis-sena 632 Q.E.K. meta, b’sorpriża kbira, il-forzi magħqudin tas-sultan Babilonjan Nabopolassar u Ċjaxares il-Medi ħarbtu u qaxxru lil Nineve—tant bir-reqqa li saħansitra l-lok tal-belt ma kinux jafu fejn kien għal iktar minn 2,000 sena. Kien imiss lill-Imperu Babilonjan biex jidher fuq il-palk dinji.
Il-Qerda taʼ Babilonja Mbassra
Il-Bibbja bassret li l-Imperu Babilonjan kellu jiġi mirbuħ u bassret kif il-belt kapitali tiegħu, Babilonja, kellha taqaʼ. Kważi żewġ sekli bil-quddiem, il-profeta Isaija wissa li x-Xmara Ewfrat kellha tiġi mnixxfa. Kienet tgħaddi minn ġo Babilonja, u x-xatbiet matul ix-xmara kienu parti vitali mid-difiża tal-belt. Il-profezija semmiet lil Ċiru b’ismu bħala l-konkwistatur u nnotat li “l-bibien taʼ bi tnejn” taʼ Babilonja ma kellhomx jingħalqu għal dawk li kienu se jinvaduha. (Isaija 44:27–45:7) Fi qbil maʼ dan, Alla ra li ż-żewġ bibien taʼ Babilonja matul ix-xmara Ewfrat kellhom jitħallew miftuħin matul festa fil-lejl li l-forzi taʼ Ċiru l-Kbir wettqu l-attakk tagħhom. Mingħajr ebda diffikultà, għalhekk, huma daħlu l-belt min-naħa taʼ qiegħ ix-xmara u ħadu lill-Babilonja.
Il-kittieb tal-istorja Ħerodotus kiteb: “Ċiru . . . stazzjona parti mill-armata tiegħu f’punt fejn l-Ewfrat tgħaddi għal ġo Babilonja u kontinġent ieħor fit-tarf l-ieħor minfejn toħroġ ’il barra, b’ordnijiet għat-tnejn li huma biex bil-forza jagħmlu daħla matul ix-xmara hekk kif huma raw li l-ilma kien baxx biżżejjed. . . . Permezz taʼ gandott hu dawwar ix-xmara f’għadira (li f’dak iż-żmien kienet marsa) u b’dan il-mod tant naqqas il-fond tal-ilma minfejn kienet tgħaddi x-xmara li saret tistaʼ timxi fiha, u l-armata Persjana, li kienet tħalliet f’Babilonja għal dan il-għan, daħlet fix-xmara, li issa kienet fonda sa nofs il-koxxa taʼ raġel, u, billi mxew fiha, daħlu fil-belt. . . . Kien hemm festa għaddejja, u saħansitra waqt li l-belt kienet qiegħda tiġi mirbuħa huma komplew jiżfnu u jixxalaw, sakemm il-fatti ħorox ġabuhom f’sensihom.”—Herodotus—The Histories, tradott minn Aubrey de Selincourt.
F’dak l-istess lejl, il-profeta t’Alla Danjel wissa lill-ħakkiem taʼ Babilonja dwar diżastru fil-qrib. (Danjel, kapitlu 5) Babilonja inferjuri eżistiet għal xi sekli wara. Minn hemm, per eżempju, l-appostlu Pietru kiteb l-ewwel ittra mnebbħa tiegħu fl-ewwel seklu tal-E.K. (1 Pietru 5:13) Imma l-profezija taʼ Isaija stqarret: “Babilonja . . . trid issir bħal meta Alla għeleb lil Sodom u Gomorra. Qatt ma se tkun abitata.” Alla kien qal ukoll: “Se nqaċċat minn Babilonja isem u fdal u nisel u posterità.” (Isaija 13:19-22; 14:22) Kif kien imħabbar minn qabel, Babilonja eventwalment saret gozz taʼ rovini. Kwalunkwe restawrazzjoni possibbli taʼ dik il-belt il-qadima tistaʼ tiġbed lit-turisti imma xorta waħda tħalliha nieqsa min-“nisel u posterità” tagħha.
Danjel—il-profeta taʼ Jehovah preżenti fil-Babilonja meta din waqgħet—kellu viżjoni li kienet tinvolvi l-Medi u l-Persjani rebbiħin. Hu ra kibx b’żewġt iqran u bodbod li kellu qarn kbir bejn għajnejh. Il-bodbod attakka lill-kibx u tefgħu mal-art, billi kissirlu ż-żewġt iqran. Imbagħad il-qarn il-kbir tal-bodbod ġie miksur, u erbat iqran telgħu minfloku. (Danjel 8:1-8) Kif bassret il-Bibbja u l-istorja kkonfermatu, il-kibx b’żewġt iqran kien il-Medo-Persja. Il-bodbod irrappreżenta lill-Greċja. U xi ngħidu għall-“qarn kbir”? Dan wera li kien Alessandru l-Kbir. Meta l-qarn il-kbir figurattiv ġie miksur, erbat iqran simboliċi (jew, saltniet) ħadu postu. Eżatt kif qalet il-profezija, wara li Alessandru miet, erbaʼ mill-ġenerali tiegħu stabbilew ruħhom fil-poter—Ptolemy Lagus fl-Eġittu u fil-Palestina; Seleucus Nicator fil-Mesopotamja u fis-Sirja; Cassander fil-Maċedonja u fil-Greċja; u Lysimachus fi Traċe u fl-Asja Minuri.—Danjel 8:20-22.
Tbassiriet taʼ Futur Promettenti
It-tbassiriet tal-Bibbja rigward ġrajjiet bħalma huma l-qerda taʼ Babilonja u l-vittorja fuq il-Medo-Persja huma sempliċi eżempji tal-ħafna profeziji Skritturali li diġà seħħew fil-passat. Il-Bibbja fiha wkoll tbassiriet taʼ futur promettenti li se jiġi rrealizzat minħabba l-Messija, il-Wieħed Midluk t’Alla.
Xi wħud mit-tbassiriet Messjaniċi fl-Iskrittura Ebrajka ġew applikati għal Ġesù Kristu minn kittieba tal-Iskrittura Griega Kristjana. Per eżempju, il-kittieba tal-Vanġeli wrew li Ġesù kien imwieled f’Betlehem, kif kien imbassar mill-profeta Mikea. (Mikea 5:2; Luqa 2:4-11; Ġwann 7:42) Bi twettieq tal-profezija taʼ Ġeremija, trabi ġew maqtulin wara t-twelid taʼ Ġesù. (Ġeremija 31:15; Mattew 2:16-18) Il-kliem taʼ Żakkarija (9:9) kellu t-twettieq tiegħu meta Kristu daħal Ġerusalemm fuq felu taʼ ħmara. (Ġwann 12:12-15) U meta s-suldati qassmu l-ilbies taʼ Ġesù wara li dendluh, dan wettaq il-kliem tas-salmista: “Huma jqassmu l-ilbiesi tiegħi bejniethom, u fuq il-libsa tiegħi jitfgħu x-xorti.”—Salm 22:18.
Tbassiriet Messjaniċi oħrajn jippontaw lejn żmien taʼ hena għar-razza umana. F’viżjoni, Danjel lemaħ lil “xi ħadd bħal bin il-bniedem” jirċievi “ħakma u dinjità u saltna” mingħand Jehovah, “l-Antik tal-Jiem.” (Danjel 7:13, 14) Rigward il-ħakma Messjanika tas-Sultan tas-sema, Ġesù Kristu, Isaija ddikjara: “Ismu se jiġi msejjaħ Wieħed tal-Għaġeb li Jagħti Pariri, Alla Setgħan, Missier Etern, Prinċep tal-Paċi. Għall-abbundanza tal-ħakma taʼ prinċep u għall-paċi ma se jkun hemm ebda tmiem, fuq it-tron taʼ David u fuq saltnatu sabiex jistabbiliha fis-sod u jwettaqha permezz tal-ġustizzja u permezz tat-tjieba, minn issa ’l quddiem u għal żmien indefinit. L-istess żelu taʼ Jehovah tal-armati se jagħmel dan.”—Isaija 9:6, 7.
Qabel ma l-ħakma taʼ tjieba tal-Messija jkollha dominju sħiħ, xi ħaġa taʼ sinjifikat vitali trid isseħħ. Dan ukoll kien imbassar fil-Bibbja. Dwar is-Sultan Messjaniku, is-salmista għanna: “Ħażżem sejfek fuq il-koxxa tiegħek, O setgħani . . . Fl-isplendur tiegħek mur ’il quddiem lejn is-suċċess; irkeb għall-kawża tal-verità u tal-umiltà u tat-tjieba.” (Salm 45:3, 4) Billi rreferiet għal żmienna, l-Iskrittura bassret ukoll: “Fil-jiem taʼ dawk is-slaten dak Alla tas-sema se jwaqqaf saltna li qatt ma se tinġieb f’rovina. U s-saltna nfisha mhix se tiġi mgħoddija lil xi poplu ieħor. Hi se tfarrak biċċiet u ġġib fi tmiem lil dawn is-saltniet kollha, u hija nfisha se tieqaf għal żminijiet indefiniti.”—Danjel 2:44.
Salm 72 jipprovdi titwila bil-quddiem taʼ kundizzjonijiet taħt il-ħakma Messjanika. Per eżempju, “fi żmienu t-twajjeb se jinbet, u l-abbundanza taʼ paċi sakemm il-qamar ma jibqax iżjed.” (Vers 7) Imbagħad ma se jkun hemm ebda oppressjoni jew vjolenza. (Vers 14) Ħadd ma se jkun bil-ġuħ, għax “se jiġi li jkun hemm kotra taʼ qamħ fuq l-art; fuq il-quċċata tal-muntanji se jkun hemm iżżejjed.” (Vers 16) U immaġina! Int tistaʼ tgawdi dawn il-barkiet u oħrajn f’ġenna tal-art meta s-sistema preżenti taʼ affarijiet tiġi sostitwita mid-dinja ġdida mwiegħda minn Alla.—Luqa 23:43; 2 Pietru 3:11-13; Rivelazzjoni 21:1-5.
Żgur, allura, li t-tbassiriet tal-Bibbja jimmeritahom li jiġu nvestigati minnek. Għalhekk, għala ma tistaqsix lix-Xhieda taʼ Jehovah għal iktar informazzjoni? Eżami tal-profeziji tal-Bibbja jistgħu jgħinuk tara fejn qegħdin fil-medda taż-żmien. Jistaʼ wkoll ikabbarlek f’qalbek apprezzament profond lejn Alla Jehovah u lejn l-arranġament tal-għaġeb tiegħu għall-barka eterna taʼ dawk kollha li jħobbuh u jobduh.