LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w93 9/1 pp. 4-6
  • Imperu Mitluf li Ħammar Wiċċ il-Kritiċi tal-Bibbja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Imperu Mitluf li Ħammar Wiċċ il-Kritiċi tal-Bibbja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Sultan Assirjan Arroganti
  • L-​Oriġini tal-​Assirja Kkonfermata
  • Ktieb li Tistaʼ Tafdah— It-2 Parti
    Stenbaħ!—2011
  • Kont Taf?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Anġlu taʼ Ġeħova jipproteġi lil Ħeżekija
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Jistaʼ Dan il-​Ktieb Ikun Fdat?
    Ktieb Għan-Nies Kollha
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
w93 9/1 pp. 4-6

Imperu Mitluf li Ħammar Wiċċ il-Kritiċi tal-Bibbja

“Qabel, l-​istorja tal-​imperu Assirjan kienet waħda mill-​iktar kapitli oskuri fl-​annali tad-​dinja.” “Kulma kien magħruf dwar Nineve tal-​qedem kien miġbur f’referenzi u profeziji ’l hemm u ’l hawn li jalludu għaliha fil-​Bibbja, u notamenti każwali u biċċiet żgħar tal-​istorja Assirjana f’Diodorus Siculus . . . u oħrajn.”—Cyclopædia of Biblical Literature, Volumi 1 u 3, 1862.

IL-​KITTIEB Grieg tal-​istorja Diodorus Siculus għex 2,000 sena ilu. Nineve, hu sostna, kienet belt kwadra; l-​erbaʼ naħat flimkien kienu 480 stadju fit-​tul. Dik hi ċirkonferenza taʼ 60 mil! Il-​Bibbja tagħti stampa simili, billi tiddeskrivi lil Nineve bħala belt kbira “b’distanza taʼ mixja taʼ tlett ijiem.”—Ġona 3:3.

Il-kritiċi tal-​Bibbja tas-​seklu 19 irrifjutaw li jemmnu li belt mhix magħrufa tad-​dinja antika setgħet kienet daqshekk kbira. Huma qalu wkoll li jekk Nineve qatt eżistiet, riedet tkun parti minn ċivilizzazzjoni antika li ġiet qabel il-​Babilonja.

Din l-​opinjoni kienet kuntrarja għal Ġenesi kapitlu 10, li jistqarr li Nimrod, li bużnannuh kien Noè, stabbilixxa l-​ewwel stat politiku fir-​reġjun taʼ Babel, jew il-​Babilonja. “Minn ġo dik l-​art,” tkompli l-​Bibbja, “hu mar fl-​Assirja u ntefaʼ biex jibni Nineve u Reħobot-Ir u Kalaħ u Reżen bejn Nineve u Kalaħ: din hija l-​belt il-​kbira.” (Ġenesi 10:​8-12) Innota li l-​iskrittura tiddeskrivi l-​erbat ibliet Assirjani ġodda bħala li kienu “belt kbira.”

Fl-1843 arkeologu Franċiż, Paul-Émile Botta, skopra r-​rovini taʼ palazz li ta prova li kien parti minn belt Assirjana. Meta l-​aħbar taʼ din l-​iskoperta ħarġet fil-​beraħ, qajmet eċċitament kbir. “L-​interess tal-​pubbliku kiber iktar,” jispjega Alan Millard fil-​ktieb tiegħu Treasures From Bible Times, “meta ġie pprovat li l-​palazz kien jappartjeni lil Sargon, is-​sultan tal-​Assirja msemmi f’​Isaija 20:​1, li l-​eżistenza tiegħu kienet iddubitata minħabba li huma ma kinux jafu bih.”

Sadattant, arkeologu ieħor, Austen Henry Layard, beda jħaffer għar-​rovini f’post imsejjaħ Nimrud madwar 26 mil lejn il-​Lbiċ taʼ Khorsabad. Ir-​rovini taw prova li kienu taʼ Kala—waħda mill-​erbat ibliet Assirjani msemmijin f’​Ġenesi 10:11. Imbagħad, fl-​1849, Layard kixef rovini taʼ palazz enormi f’post imsejjaħ Kujunjik, bejn Kala u Khorsabad. Il-​palazz ta prova li kien parti minn Nineve. Bejn Khorsabad u Kala hemm ir-​rovini taʼ postijiet oħrajn, inkluża għolja msejħa Karamles. “Jekk aħna nieħdu l-​erbaʼ għoljiet kbar taʼ Nimrúd [Kala], Kojunjik [Nineve], Khorsabad, u Karamles, bħala l-​kantunieri taʼ ħaġa kwadra,” osserva Layard, “jinstab li l-​erbaʼ naħat tagħha jikkorrispondu b’mod preċiż mal-​480 stadju jew is-​60 mil tal-​ġeografu, li jagħmlu l-​vjaġġ taʼ tlett ijiem tal-​profeta [Ġona].”

Evidentement, allura, Ġona nkluda dawn il-​postijiet kollha bħala “belt kbira” waħda, billi sejħilhom bl-​isem tal-​belt imsemmija l-​ewwel f’​Ġenesi 10:​11, jiġifieri, Nineve. L-​istess isir illum. Per eżempju, hemm differenza bejn il-​belt oriġinali taʼ Londra u s-​subborgi tagħha, li jifformaw dik li kultant hija msejħa “Greater London.”

Sultan Assirjan Arroganti

Il-​palazz taʼ Nineve kellu ’l fuq minn 70 kamra, u l-​ħitan flimkien kienu kważi żewġ mili. Fuq dawn il-​ħitan kien hemm il-​fdalijiet maħruqin taʼ skulturi li jikkommemoraw rebħiet militari u kisbiet oħrajn. Il-​biċċa l-​kbira minnhom kellhom ħsara kbira. Lejn it-​tmiem taż-​żjara tiegħu, madankollu, Layard skopra kamra fi stat taʼ preservazzjoni tal-​għaġeb. Fuq il-​ħitan kien hemm tpinġija li turi l-​waqgħa taʼ belt iffortifikata sew, bil-​priġunieri qegħdin jiġu mmarċjati għal quddiem is-​sultan rebbieħ, li kien bil-​qiegħda fuq tron barra l-​belt. Fuq is-​sultan hemm skrizzjoni li l-​esperti tal-​kitba Assirjana jittraduċuha b’dan il-​mod: “Sennakerib, is-​sultan tad-​dinja, is-​sultan tal-​Assirja, qagħad fuq tron- nimedu u qagħad jifli l-​priża (meħuda) minn Lakix (Laki·su).”

Illum din il-​wirja u skrizzjoni tistaʼ taraha fil-​British Museum. Taqbel mal-​ġrajja storika mniżżla fil-​Bibbja fit-​2 Slaten 18:​13, 14: “Fis-​sena erbatax tas-​Sultan Ħeżekija, Sennakerib is-​sultan tal-​Assirja ħabat għall-​ibliet iffortifikati taʼ Ġuda u ssokta jaħtafhom. Mela Ħeżekija s-​sultan taʼ Ġuda bagħat għand is-​sultan tal-​Assirja f’Lakix, igħid: ‘Jien dnibt. Dur lura minn kontra tiegħi. Dak kollu li tistaʼ timponi fuqi jien se nwettqu.’ Għaldaqstant is-​sultan tal-​Assirja esiġa mingħand Ħeżekija s-​sultan taʼ Ġuda tliet mitt talent tal-​fidda u tletin talent tad-​deheb.”

Skrizzjonijiet oħrajn instabu fost ir-​rovini taʼ Nineve li taw iktar dettalji tal-​invażjoni taʼ Ġuda minn Sennakerib u tal-​ħaraġ li kien imħallas minn Ħeżekija. “Forsi waħda mill-​koinċidenzi l-​iktar tal-​għaġeb taʼ testimonjanza storika arkivjata, l-​ammont tat-​teżor f’deheb meħud mingħand Ħeżekija, tletin talent, jaqbel fiż-​żewġ rakkonti indipendenti għalkollox,” kiteb Layard. Sir Henry Rawlinson, li għen biex tiġi moqrija l-​kitba Assirjana, ħabbar li dawn l-​iskrizzjonijiet “urew kemm l-​identità storika taʼ [Sennakerib] ħadd ma jistaʼ jmeriha.” Barra minn hekk, Layard jistaqsi fil-​ktieb tiegħu Nineveh and Babylon: “Min kellu jemmen li huwa probabbli jew possibbli, qabel ma nstabu dawn is-​sejbiet, li taħt il-​munzell taʼ ħamrija u skart li mmarka l-​lok taʼ Nineve, kellha tinstab l-​istorja tal-​gwerer bejn Ħeżekija u Sennakerib, miktubin fiż-​żmien meta twettqu minn Sennakerib innifsu, u li tikkonferma saħansitra sa l-​iċken dettal il-​kitbiet Bibliċi?”

M’għandniex xi ngħidu, xi wħud mid-​dettalji tal-​kitbiet taʼ Sennakerib ma jaqblux mal-​Bibbja. Per eżempju, l-​arkeologu Alan Millard jinnota: “L-​iktar fatt li jolqtok jiġi fit-​tmiem [tal-kitba taʼ Sennakerib]. Ħeżekija bagħat il-​messaġġier tiegħu, u l-​ħaraġ kollu, lil Sennakerib ‘iktar tard, lejn Nineve’. L-​armata Assirjana ma ġarritux lejn id-​dar b’mod trijonfanti bil-​mod tas-​soltu.” Il-​Bibbja tistqarr li l-​ħaraġ ġie mħallas qabel ma s-​sultan tal-​Assirja reġaʼ lura f’Nineve. (2 Slaten 18:​15-17) Għala d-​differenza? U għala ma setax Sennakerib jiftaħar dwar il-​konkwista tal-​kapitali tal-​Ġudea, Ġerusalemm, bil-​mod kif kien ftaħar hu bil-​konkwista tiegħu tal-​fortizza Ġudeana taʼ Lakix? Tliet kittieba tal-​Bibbja jagħtu t-​tweġiba. Wieħed minnhom, xhud li ra b’għajnejh, kiteb: “L-​anġlu taʼ Jehovah issokta jmur u jolqot lil mija u ħamsa u tmenin elf fil-​kamp tal-​Assirjani. Meta n-​nies qamu fil-​għodu kmieni, ħeqq, hemm kienu lkoll iġsma mejtin. B’hekk Sennakerib is-​sultan tal-​Assirja telaq minn hemm u mar u reġaʼ lura u beda jgħammar f’Nineve.”​—Isaija 37:​36, 37; 2 Slaten 19:35; 2 Kronaki 32:21.

Fil-ktieb tiegħu Treasures From Bible Times, Millard jikkonkludi: “M’hemm ebda raġuni tajba biex wieħed jiddubita dan ir-​rapport . . . Kif wieħed jistaʼ jifhem, Sennakerib ma kienx se jarkivja diżastru bħal dan biex jinqara mis-​suċċessuri tiegħu, għax inkella dan kien jiddiskreditah.” Minflok, Sennakerib ipprova jagħti l-​impressjoni li din l-​invażjoni Lhudija kienet suċċess u li Ħeżekija kompla b’sottomissjoni, billi jibgħat il-​ħaraġ lejn Nineve.

L-​Oriġini tal-​Assirja Kkonfermata

Libreriji li fihom għaxriet taʼ eluf taʼ twavel tal-​fuħħar ġew ukoll misjubin f’Nineve. Dawn id-​dokumenti jagħtu prova li l-​Imperu Assirjan kellu l-​għeruq tiegħu fin-​Nofs in-​Nhar f’Babilonja, sewwa sew bħalma jindika Ġenesi 10:11. Billi segwew dan il-​ħjiel, l-​arkeoloġi bdew jikkonċentraw l-​isforzi tagħhom iktar lejn in-​Nofs in-​Nhar. L-​Encyclopœdia Biblica tispjega: “L-​Assirjani b’dak kollu li ħallew warajhom jittradixxu l-​oriġini Babilonjana tagħhom. Il-​lingwa tagħhom u l-​mod kif jiktbu, il-​letteratura tagħhom, ir-​reliġjon tagħhom, u x-​xjenza tagħhom ġew meħudin mingħand il-​ġirien tan-​naħa tan-​Nofs in-​Nhar tagħhom bi ftit li xejn tibdil.”

Sejbiet bħal dawn t’hawn fuq ġagħlu lill-​kritiċi tal-​Bibbja jimmoderaw l-​opinjonijiet tagħhom. Tabilħaqq, investigazzjoni sinċiera tal-​Bibbja tirrivela li hi kienet miktuba minn kittieba attenti u onesti. Wieħed li qabel kien prim imħallef tal-​Qorti Suprema tal-​Istati Uniti, Salmon P. Chase, qal wara l-​investigazzjoni tiegħu tal-​Bibbja: “Kien studju twil, serju, u profond: u billi wżajt l-​istess prinċipji taʼ evidenza f’din il-​kwistjoni reliġjuża kif dejjem nagħmel fi kwistjonijiet sekulari, jien wasalt għad-​deċiżjoni li l-​Bibbja hija ktieb sopranaturali, li ġie mingħand Alla.”—The Book of Books: An Introduction.

Tabilħaqq, il-​Bibbja hija bil-​wisq iktar minn storja bir-​reqqa. Hija l-​Kelma mnebbħa t’Alla, rigal għall-​benefiċċju tal-​umanità. (2 Timotew 3:16) Prova taʼ dan tistaʼ tidher billi wieħed jeżamina l-​ġeografija tal-​Bibbja. Dan se jiġi diskuss fil-​ħarġa li jmiss.

[Stampa f’paġna 6]

Tliet dettalji meħudin mit-​tpinġija fuq il-​ħajt li turi l-​assedju taʼ Lakix

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 6]

(Bil-korteżija taʼ The British Museum)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja