L-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej—Kemm-il Darba Għandha Tiġi Osservata?
IL-MILIED, l-Għid, u l-festi tal-“qaddisin”. Ħafna vaganzi u festi jiġu ċċelebrati mill-knejjes tal-Kristjaneżmu. Imma taf kemm-il ċelebrazzjoni kkmanda Ġesù Kristu lis-segwaċi tiegħu biex josservaw? It-tweġiba hi, Waħda biss! L-ebda waħda mill-festi l-oħrajn ma kienet awtorizzata mill-Fundatur tal-Kristjanità.
B’mod ċar, la Ġesù istitwixxa ċelebrazzjoni waħda biss, din hi importanti ħafna. Il-Kristjani għandhom josservawha eżattament bħalma kkmanda Ġesù. X’kienet din l-osservanza unika?
L-Unika Ċelebrazzjoni
Din l-osservanza ġiet introdotta minn Ġesù f’jum il-mewt tiegħu. Hu kien fakkar il-festa Lhudija tal-Qbiż flimkien maʼ l-appostli tiegħu. Imbagħad newlilhom ftit mill-ħobż bla ħmira tal-Qbiż, billi qal: ‘Dan ifisser ġismi li jrid jingħata għan-nom tagħkom.’ Imbagħad Ġesù newwel kies bl-inbid, billi qal: “Dan il-kies ifisser il-patt ġdid minħabba f’demmi, li se jiġi mxerred għan-nom tagħkom.” Hu qal ukoll: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19, 20; 1 Korintin 11:24-26) Din l-osservanza hija msejħa l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej, jew il-Mafkar. Hija l-unika ċelebrazzjoni li Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex josservaw.
Ħafna knejjes isostnu li jiċċelebraw din l-osservanza flimkien mal-festi l-oħrajn kollha tagħhom, imma l-biċċa l-kbira jikkommemorawha b’mod differenti mill-mod li Ġesù kkmanda. Forsi d-differenza l-iktar notevoli hija l-frekwenza taċ-ċelebrazzjoni. Xi knejjes jiċċelebrawha kull xahar, kull ġimgħa, saħansitra kuljum. Huwa dan li Ġesù ried ifisser meta qal lis-segwaċi tiegħu: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.”? The New English Bible tgħid: “Agħmlu dan bħala mafkar tiegħi.” (1 Korintin 11:24, 25) Mafkar jew anniversarju kemm-il darba jiġi osservat? Normalment, darba fis-sena biss.
Ftakar, ukoll, li Ġesù ta bidu għal din l-osservanza u mbagħad miet fid-data taʼ l-14 taʼ Nisan fuq il-kalendarju Lhudi.a Dak kien il-jum tal-Qbiż, festa li tfakkar lil-Lhud dwar il-ħelsien kbir li ġarrbu fl-Eġittu fis-seklu 16 Q.E.K. F’dak iż-żmien, is-sagrifiċċju taʼ ħaruf irriżulta fis-salvazzjoni taʼ l-ewwel imwieled tal-Lhud, fejn l-anġlu taʼ Jehovah qatel l-ewwel imweldin kollha taʼ l-Eġittu.—Eżodu 12:21, 24-27.
Dan kif jgħin lill-fehma tagħna? Sewwa, l-appostlu Kristjan Pawlu kiteb: “Kristu l-qbiż tagħna ġie ssagrifikat.” (1 Korintin 5:7) Il-mewt taʼ Ġesù kienet sagrifiċċju tal-Qbiż akbar, billi tat lill-umanità l-opportunità għal salvazzjoni bil-wisq akbar. Għall-Kristjani, għalhekk, il-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu ħa post il-Qbiż Lhudi.—Ġwann 3:16.
Il-Qbiż kien ċelebrazzjoni annwali. B’mod loġiku, allura, hekk ukoll il-Mafkar. Il-Qbiż—il-jum li fih miet Ġesù— dejjem ħabat fl-14-il jum tax-xahar Lhudi taʼ Nisan. Għalhekk, il-mewt taʼ Kristu għandha tiġi mfakkra darba fis-sena fil-jum li fuq il-kalendarju jikkorrispondi maʼ l-14 taʼ Nisan. Fl-1994 dak il-jum huwa s-Sibt, is-26 taʼ Marzu, wara nżul ix-xemx. Il-knejjes tal-Kristjaneżmu, iżda, għala ma għamlux din ġurnata għal osservanza speċjali? Ħarsa qasira lejn l-istorja se twieġeb dik il-mistoqsija.
Drawwa Appostolika Fil-Periklu
M’hemm ebda dubju li matul l-ewwel seklu taʼ l-E.K., dawk li kienu ggwidati mill-appostli taʼ Ġesù ċċelebraw l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej eżattament bħalma kien ikkmanda hu. Madankollu, matul it-tieni seklu, xi wħud bdew ibiddlu ż-żmien tal-kommemorazzjoni tagħha. Iċċelebraw il-Mafkar fl-ewwel jum tal-ġimgħa (li issa jissejjaħ il-Ħadd), mhux fil-jum li jikkorrispondi maʼ l-14 taʼ Nisan. Għala sar dak?
Għal-Lhud, jum beda għall-ħabta tas-sitta taʼ fil-għaxija u baqaʼ sejjer sa l-istess ħin taʼ l-għada. Ġesù miet fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., li bdiet mill-Ħamis fil-għaxija sal-Ġimgħa fil-għaxija. Hu ġie rxoxtat fit-tielet jum, kmieni l-Ħadd fil-għodu. Xi wħud riedu li l-kommemorazzjoni tal-mewt taʼ Ġesù tiġi osservata f’ġurnata fissa tal-ġimgħa kull sena, minflok fil-jum li kien jinzerta l-14 taʼ Nisan. Huma wkoll qiesu l-jum taʼ l-irxoxt taʼ Ġesù iktar importanti minn dak tal-mewt tiegħu. Għalhekk, qatgħuha li jkun il-Ħadd.
Ġesù kkmanda li l-mewt tiegħu trid tiġi mfakkra, mhux l-irxoxt tiegħu. U ladarba l-Qbiż Lhudi jaħbat f’ġurnata differenti kull sena skond il-kalendarju Gregorjan li aħna nużaw issa, hija ħaġa naturali li l-istess jgħodd għall-Mafkar. Ħafna għalhekk żammew maʼ l-arranġament oriġinali u osservaw l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej fl-14 taʼ Nisan kull sena. Maż-żmien bdew jissejħu Kwartodeċimani, li tfisser “L-uħud taʼ l-erbatax.”
Xi studjużi rrikonoxxew li dawn “L-uħud taʼ l-erbatax” kienu qegħdin isegwu l-mudell appostoliku oriġinali. Studjuż taʼ l-istorja qal: “Inkwantu għall-jum li fih jiġi osservat il-Paska [l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej], l-użu tal-knejjes Kwartodeċimani taʼ l-Asja kien ikompli maʼ dak tal-knisja taʼ Ġerusalemm. Fit-tieni seklu dawn il-knejjes fil-Paska tagħhom fl-14 taʼ Nisan ikkommemoraw il-fidwa li nkisbet permezz tal-mewt taʼ Kristu.”—Studia Patristica, Volum V, 1962, paġna 8.
Tikber Kontroversja
Waqt li ħafna fl-Asja Minuri segwew id-drawwa appostolika, il-Ħadd ġie magħżul għall-osservanza f’Ruma. Madwar is-sena 155 E.K., Polikarpu taʼ Smirna, rappreżentant tal-kongregazzjonijiet Asjatiċi, żar Ruma biex jiddiskuti din kif ukoll problemi oħrajn. Sfortunatament, l-ebda qbil ma ntlaħaq fuq din il-kwistjoni.
Irenaeus taʼ Lyons kiteb f’ittra: “Lanqas Aniċetus [taʼ Ruma] ma setaʼ jipperswadi lil Polikarpu biex ma josservax dak li kien dejjem osserva maʼ Ġwanni d-dixxiplu tal-Mulej tagħna u l-appostli l-oħrajn li magħhom kien assoċja; lanqas Polikarpu ma kien għadu pperswada lil Aniċetus biex josservah, għax dan qal li kellu jżomm mad-drawwa taʼ l-anzjani taʼ qablu.” (Eusebius, Ktieb Nru. 5, kapitlu 24) Innota li Polikarpu bil-miftuħ ibbaża l-waqfa tiegħu fuq l-awtorità taʼ l-appostli, fil-waqt li Aniċetus appella għad-drawwa taʼ l-anzjani taʼ qabel ġewwa Ruma.
Din il-kontroversja ħraxet lejn it-tmiem tat-tieni seklu E.K. Madwar is-sena 190 E.K., ċertu Victor ġie elett isqof taʼ Ruma. Hu kien jemmen li l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej għandha tiġi osservata l-Ħadd, u fittex l-appoġġ taʼ kemm setaʼ mill-mexxejja l-oħrajn daqskemm kien possibbli. Victor għamel pressjoni fuq il-kongregazzjonijiet Asjatiċi biex jibdlu għall-arranġament tal-Ħadd.
Billi wieġeb għan-nom taʼ dawk fl-Asja Minuri, Polikrates taʼ Efesu rrifjuta li jbaxxi rasu għal din il-pressjoni. Hu qal: “Aħna nosservaw il-jum mingħajr ma nbagħbsuh, la nżidu, lanqas innaqsu.” Hu mbagħad semma ħafna awtoritajiet, inkluż l-appostlu Ġwanni. “Dawn kollha,” sostna hu, “osservaw l-erbatax-il jum għall-Paska skond l-Evanġelju, billi bl-ebda mod ma marru lil hinn minnu.” Polikrates żied: “Jien min-naħa tiegħi, l-aħwa, . . . m’inix imwerwer mit-theddid. Għax dawk aħjar minni qalu, Irridu nobdu lil Alla minflok lil bnedmin.”—Eusebius, Ktieb Nru. 5, kapitlu 24.
Victor ma ħax gost b’din it-tweġiba. Rakkont storiku wieħed jgħid li hu “skomunika l-Knejjes Asjatiċi kollha, u bagħat l-ittri ċirkulari tiegħu lill-Knejjes kollha li kienu taʼ l-opinjoni tiegħu, li huma m’għandhom ikollhom xejn x’jaqsmu magħhom.” Madankollu, “din l-azzjoni għaġġelija u qalbiena tiegħu ġiet milqugħa ħażin mill-irġiel kollha għaqlin u f’sensihom tal-partit tiegħu stess, li ħafna minnhom kitbulu ċar u tond, billi tawh parir . . . biex jippreserva l-karità, l-unità, u l-paċi.”—Antiquities of the Christian Church taʼ Bingham, Ktieb Nru. 20, kapitlu 5.
L-Apostasija Istituzzjonalizzata
Minkejja protesti bħal dawn, il-Kristjani fl-Asja Minuri saru iktar u iktar iżolati fuq il-kwistjoni taʼ meta għandhom jiċċelebraw l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej. Varjazzjonijiet kienu daħlu bil-mod il-mod xi mkien ieħor. Xi wħud iċċelebraw il-perijodu kollu kemm hu taʼ bejn l-14 taʼ Nisan sal-Ħadd taʼ wara. Oħrajn kienu qegħdin jiċċelebraw l-okkażjoni iktar taʼ spiss—kull ġimgħa nhar taʼ Ħadd.
Fis-sena 314 E.K. l-Konċilju taʼ Arles (Franza) ipprova jisforza l-arranġament Ruman u joħnoq lil kwalunkwe alternattiva. Il-bqija tal-Kwartodeċimani żammew sod. Sabiex jissetilja din il-kwistjoni u oħrajn li kienu qegħdin jifirdu l-hekk imsejħin Kristjani fl-imperu tiegħu, fis-sena 325 E.K. l-imperatur pagan Kostantinu laqqaʼ sinodu ekumeniku, il-Konċilju taʼ Niċaea. Dan ħareġ digriet li ta struzzjonijiet lil kulħadd fl-Asja Minuri biex jikkonforma maʼ l-użanza Rumana.
Interessanti li tinnota wieħed mill-argumenti prinċipali li tressaq biex tiġi abbandunata l-osservanza tal-Mafkar tal-mewt taʼ Kristu skond id-data fuq il-kalendarju Lhudi. A History of the Christian Councils, minn K. J. Hefele, jistqarr: “Ġie ddikjarat li jkun partikularment mhux mistħoqq għal din, l-iktar qaddisa mill-festi kollha, li ssegwi d-drawwa (il-kalkolu) tal-Lhud, li kienu ċappsu jdejhom bl-iktar att kriminali tal-biżaʼ, u li mħuħhom ġew mgħomijin.” (Volum 1, paġna 322) Li tkun f’pożizzjoni bħal din kien meqjus bħala “‘sottomissjoni umiljanti’ lejn is-Sinagoga li kienet irritat lill-Knisja,” jgħid J. Juster, li ġie kkwotat fi Studia Patristica, Volum IV, 1961, paġna 412.
Anti-Semitiżmu! Dawk li ċċelebraw il-Mafkar tal-mewt taʼ Ġesù fl-istess jum li hu miet kienu meqjusin bħala Ġudej. Kulħadd nesa li Ġesù nnifsu kien Lhudi u li hu kien ta lil dak il-jum is-sinjifikat tiegħu billi dak in-nhar offra ħajtu għan-nom taʼ l-umanità. Minn dak in-nhar ’il quddiem, il-Kwartodeċimani ġew ikkundannati bħala eretiċi u xiżmatiċi u kienu ppersegwitati. Il-Konċilju taʼ Antijokija fis-sena 341 E.K. ħareġ digriet li kellhom jiġu skomunikati. Minkejja dan, kien għad hemm ħafna minnhom fis-sena 400 E.K., u komplew f’numri żgħar ħafna wara dan.
Minn dak iż-żmien ’il hawn, il-Kristjaneżmu naqas li jerġaʼ lura lejn l-arranġament oriġinali taʼ Ġesù. Il-professur William Bright ammetta: “Meta jum speċjali, il-Ġimgħa l-Kbira, beda jiġi ddedikat għall-kommemorazzjoni tal-Passjoni b’dan il-mod, kien tard wisq biex jiġu restritti għaliha l-konnessjonijiet ‘paskali’ li San Pawl kien assoċja mal-mewta sagrifikali: dawn kienu ġew applikati liberament għall-festa stess taʼ l-Irxoxt, u konfużjoni taʼ ideat stabbiliet ruħha fil-lingwa ritwali tal-Kristjaneżmu Grieg u Latin.”—The Age of the Fathers, Volum 1, paġna 102.
Xi Ngħidu Għal-Lum?
‘Wara dawn is-snin kollha,’ forsi tistaqsi int, ‘Tassew jimporta meta jiġi osservat il-Mafkar?’ Iva, jimporta. Il-bidliet saru minn irġiel taʼ rashom iebsa li kienu qegħdin jistinkaw għall-poter. In-nies segwew l-ideat tagħhom stess minflok ma obdew lil Ġesù Kristu. B’mod ċar ġiet imwettqa t-twissija taʼ l-appostlu Pawlu: “Jien naf li wara t-tluq tiegħi lpup li jaħqru se jidħlu fostkom [il-Kristjani] u mhux se jittrattaw lill-merħla bil-ħlewwa, u minn fostkom stess se jqumu rġiel u jitkellmu affarijiet imgħawġin biex jiġbdu lid-dixxipli warajhom.”—Atti 20:29, 30.
Involuta hemm il-kwistjoni taʼ ubbidjenza. Ġesù stabbilixxa ċelebrazzjoni waħda biss għall-Kristjani biex josservawha. Il-Bibbja b’mod ċar tispjega meta u kif għandha tiġi osservata. Min, allura, għandu d-dritt ibiddilha? Il-Kwartodeċimani tal-bidu soffrew persekuzzjoni u skomunika minflok ma għamlu kompromess f’din il-kwistjoni.
Int forsi jinteressak li tkun taf li għad hemm Kristjani fuq l-art li jirrispettaw ix-xewqat taʼ Ġesù u jikkommemoraw il-Mafkar tal-mewt tiegħu fid-data li hu stabbilixxa. Din is-sena, ix-Xhieda taʼ Jehovah se jiltaqgħu flimkien fis-Swali tas-Saltna tagħhom madwar id-dinja wara s-6.00 taʼ fil-għaxija nhar is-Sibt, is-26 taʼ Marzu—meta jibda l-14-il jum taʼ Nisan. Huma mbagħad se jagħmlu eżattament dak li Ġesù qal li għandu jsir f’dan l-iktar żmien sinjifikanti. Għala ma tosservax l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej magħhom? Billi tkun preżenti, int ukoll tistaʼ turi r-rispett tiegħek lejn ix-xewqat taʼ Ġesù Kristu. (w94 3/15)
[Nota taʼ taħt]
a Nisan, l-ewwel xahar tal-kalendarju Lhudi, beda bl-ewwel dehra tal-qamar ġdid. B’hekk l-14 taʼ Nisan dejjem ħabat fil-qamar kwinta.
[Kaxxa f’paġna 6]
“DAK IR-RAHAN PREZZJUŻ”
Is-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù Kristu hu ferm iktar minn xi duttrina. Ġesù qal dwaru nnifsu: “Bin il-bniedem ġie, mhux biex ikun imministrat, imma biex jimministra u biex jagħti ruħu bħala rahan bi bdil maʼ ħafna.” (Mark 10:45) Hu spjega wkoll: “Alla tant ħabb lid-dinja [taʼ bnedmin] li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, sabiex kulmin qiegħed jeżerċita fidi fih jistaʼ ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġwann 3:16) Għall-mejtin, ir-rahan jiftaħ il-mogħdija għal irxoxt u għall-prospett taʼ ħajja eterna.—Ġwann 5:28, 29.
Hija l-mewt importanti b’mod vitali taʼ Ġesù Kristu li tiġi mfakkra f’osservanzi taʼ l-Ikla taʼ fil-Għaxija tal-Mulej. Is-sagrifiċċju tiegħu kemm iwettaq affarijiet! Waħda mara li kienet imħarrġa minn ġenituri qaddisin u li mxiet fil-verità t’Alla għal għaxriet taʼ snin esprimiet il-gratitudni tagħha f’dawn il-kelmiet:
“Aħna nħarsu ’l quddiem lejn il-Mafkar. Isir iktar speċjali kull sena. Niftakarni wieqfa fil-kamra tal-mejtin 20 sena ilu, waqt li kont qed inħares lejn l-għażiż missieri u wasalt biex verament napprezza minn qalbi r-rahan. Kien xi ħaġa f’moħħi biss qabel dak in-nhar. Veru, kont naf l-iskritturi kollha u kif nispjegahom! Imma kien biss meta ġejt wiċċ imb’wiċċ mar-realtà krudila tal-mewt li qalbi qabżet bil-ferħ minħabba dak li se jiġi mwettaq għalina permezz taʼ dak ir-rahan prezzjuż.” (w94 3/15)