Hemm Responsabbiltà Involuta f’li Wieħed Ikun Jaf ir-Reliġjon it-Tajba
“Henjin huma dawk li qegħdin jisimgħu l-kelma t’Alla u qegħdin iżommuha!”—LUQA 11:28.
1. Meta jidentifikaw ir-reliġjon it-tajba, liema xorta taʼ nies jibnu l-ħajjiet tagħhom madwarha?
M’HUWIEX biżżejjed li sempliċement tidentifika r-reliġjon it-tajba. Jekk aħna nħobbu dak li hu tajjeb u veru, ladarba nkunu sibnieha [r-reliġjon it-tajba], nibnu l-ħajjiet tagħna madwarha. Il-vera reliġjon m’hijiex sempliċement xi filosofija mentali; hija mod taʼ ħajja.—Salm 119:105; Isaija 2:3; qabbel Atti 9:2.
2, 3. (a) Ġesù kif enfasizza l-importanza taʼ li nagħmlu r-rieda t’Alla? (b) Liema responsabbiltà taqaʼ fuq kulmin jaf ir-reliġjon it-tajba?
2 Ġesù Kristu enfasizza l-importanza taʼ li nagħmlu dak li Alla rrivela li hi r-rieda Tiegħu. Fil-konklużjoni taʼ dik li saret magħrufa bħala l-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù għamel magħruf li mhux kulmin jindirizzah bħala Mulej (b’hekk jistqarru li huma Kristjani) kien se jidħol fis-Saltna; dawk biss li jagħmlu r-rieda taʼ Missieru se jidħlu. Oħrajn, qal hu, kienu se jiġu mwarrbin bħala “ħaddiema taʼ bla liġi.” Għala bla liġi? Għaliex kif tistqarr il-Bibbja, li wieħed jonqos li jagħmel ir-rieda t’Alla huwa dnub, u d-dnub kollu hu ksur tal-liġi. (Mattew 7:21-23; 1 Ġwann 3:4; qabbel Rumani 10:2, 3.) Wieħed jistaʼ jkun jaf ir-reliġjon it-tajba, jistaʼ jagħti l-prosit lil dawk li jgħallmuha, u forsi jfaħħar lil dawk li jipprattikawha, imma hu wkoll għandu r-responsabbiltà li japplikaha f’ħajtu stess. (Ġakbu 4:17) Jekk jaċċetta dik ir-responsabbiltà, se jsib li ħajtu se tistagħna, u se jġarrab ferħ li ma jistaʼ jiġi bl-ebda mod ieħor.
3 Fl-artiklu taʼ qabel, ikkunsidrajna sitta mill-marki taʼ identifikazzjoni tal-vera reliġjon. Kull waħda minn dawk mhux biss tgħinna nidentifikaw ir-reliġjon it-tajba imma wkoll tippreżenta lilna personalment bi sfidi u opportunitajiet. Dan b’liema mod?
Kif Twieġeb Int Għall-Kelma T’Alla?
4. (a) Hekk kif uħud ġodda jibdew jassoċjaw max-Xhieda taʼ Jehovah, x’josservaw malajr rigward l-użu tal-Bibbja mix-Xhieda? (b) Li jkunu mitmugħin tajjeb spiritwalment kif jeffettwa lill-qaddejja taʼ Jehovah?
4 Hekk kif ix-Xhieda taʼ Jehovah jistudjaw il-Bibbja maʼ wħud li jibdew juru interess, ħafna minn dawn il-ġodda malajr jindunaw li dak li qed jiġi mgħallem hu mill-Bibbja. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tagħhom, huma ma jiġux irreferuti għal xi kredijiet tal-knisja, għal tradizzjonijiet umani, jew għall-opinjonijiet taʼ nies prominenti. Il-Kelma t’Alla stess hi l-awtorità. Meta jmorru fis-Sala tas-Saltna, huma josservaw li hemm ukoll il-Bibbja hi l-ktieb taʼ studju prinċipali. Uħud sinċieri li qegħdin ifittxu l-verità malajr jindunaw li fattur ewlieni fil-ferħ li jaraw fost ix-Xhieda taʼ Jehovah hu l-fatt li huma mitmugħin tajjeb spiritwalment mill-Kelma t’Alla.—Isaija 65:13, 14.
5. (a) Liema sfida hi ppreżentata lil dawk li josservaw lix-Xhieda taʼ Jehovah? (b) Kif jistgħu jieħdu sehem fil-ferħ tax-Xhieda?
5 Jekk int tirrikonoxxi dan, kif tirreaġixxi għalih? Jekk tieħu s-sens tiegħu, int ma tistax b’mod xieraq tkun biss osservatur passiv, lanqas m’għandek tkun tixtieq li tkun hekk. Il-Bibbja turi li dawk li huma “semmiegħa biss” imma m’humiex “dawk li jagħmlu l-kelma” qegħdin ‘iqarrqu lilhom infushom b’raġunar falz.’ (Ġakbu 1:22) Huma jqarrqu bihom infushom għaliex jonqsu li jirrikonoxxu li minkejja dak li forsi jgħidu huma, in-nuqqas tagħhom li jobdu lil Alla juri li huma mhux veru jħobbuh. Stqarrija taʼ fidi li m’hijiex appoġġjata bil-għemejjel hi fidi mejta. (Ġakbu 2:18-26; 1 Ġwann 5:3) F’kuntrast, dak li hu mqanqal mill-imħabba għal Jehovah biex ikun “wieħed li jagħmel ix-xogħol” se jkun “hieni f’li hu jagħmel dan.” Iva, kif spjega Ġesù Kristu, “henjin huma dawk li qegħdin jisimgħu l-kelma t’Alla u qegħdin iżommuha!”—Ġakbu 1:25; Luqa 11:28; Ġwann 13:17.
6. Jekk aħna verament napprezzaw il-Kelma t’Alla, liema opportunitajiet se nipprovaw personalment naħtfu?
6 Dak il-ferħ se jsir iktar profond hekk kif int tikber fil-għarfien tar-rieda t’Alla u tapplika l-affarijiet l-oħrajn li titgħallem. Kemm lest li tagħmel sforz biex tistudja l-Kelma t’Alla? Għaxriet taʼ eluf taʼ individwi li kienu illitterati ħadmu iebes biex jitgħallmu jaqraw, billi għamlu dan b’mod speċifiku sabiex ikunu jistgħu jaqraw l-Iskrittura u jgħallmuha lil nies oħrajn. Oħrajn iqumu kmieni kull fil-għodu sabiex ikunu jistgħu jqattgħu xi ftit ħin kuljum jaqraw il-Bibbja u għajnuniet tal-Bibbja, bħalma hu t-Torri Taʼ L-Għassa. Hekk kif int personalment tagħmel qari konsekuttiv tal-Bibbja jew tfittex xi skritturi ċċitati f’xi materjal ieħor taʼ studju, innota bl-attenzjoni l-liġijiet u l-kmandamenti taʼ Jehovah, u pprova agħraf il-ħafna prinċipji li qegħdin hemm għall-gwida tagħna. Immedita fuq dak li kull porzjon jirrivela dwar Alla, l-iskop tiegħu, u l-modi kif hu jittratta maʼ l-umanità. Ħalli ħin biex dan isawwarlek qalbek. Ikkunsidra jekk hemmx modi li bihom tistaʼ tapplika l-pariri tal-Bibbja iktar bis-sħiħ f’ħajtek stess.—Salm 1:1, 2; 19:7-11; 1 Tessalonkin 4:1.
Hija D-Devozzjoni Tiegħek Lejn Jehovah Kompleta?
7. (a) Id-duttrina tat-Trinità kif influwenzat l-isforzi tan-nies biex iqimu lil Alla? (b) X’jistaʼ jiġri meta wieħed jitgħallem il-verità dwar Jehovah?
7 Għal miljuni taʼ nies, kien taʼ serħan li jitgħallmu li l-veru Alla m’huwiex Trinità. L-ispjegazzjoni “dak misteru” qatt ma ssodisfathom. Kif setgħu huma jersqu qrib lejn wieħed Alla li kien inkomprensibbli? Bħala riżultat taʼ dak it-tagħlim, huma kellhom it-tendenza li jinjoraw lill-Missier (li ismu qatt ma semgħu fil-knisja) u li jqimu lil Ġesù bħala Alla jew li jidderieġu l-qima tagħhom lil Marija (li dwarha kienu mgħallmin li kienet “Omm Alla”). Imma qalbhom wieġbet bi pjaċir meta wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah fetaħ il-Bibbja u wriehom l-isem persunali t’Alla, Jehovah. (Salm 83:18) Waħda mara mill-Veneżwela tant ferħet meta ġiet murija l-isem divin li hi litteralment ħaddnet magħha x-Xhud żagħżugħa li qasmet dik il-verità prezzjuża magħha u aċċettat li jkollha studju tal-Bibbja f’darha. Meta nies bħal dawn jitgħallmu li Ġesù tkellem dwar Missieru bħala “Alla tiegħi u Alla tagħkom” u li Ġesù indirizza lil Missieru bħala “l-uniku Alla veru,” huma jirrealizzaw li dak li tgħallem il-Bibbja dwar Alla m’huwiex inkomprensibbli. (Ġwann 17:3; 20:17) Hekk kif isiru jafu l-kwalitajiet taʼ Jehovah, iħossuhom miġbudin lejh, jibdew jitolbuh, u jkunu jridu jogħġbuh. X’inhu r-riżultat?
8. (a) Minħabba l-imħabba tagħhom għal Jehovah u x-xewqa tagħhom biex jogħġbuh, miljuni taʼ persuni x’għamlu? (b) Il-magħmudija Kristjana għala hi importanti b’mod vitali?
8 Matul l-aħħar għaxar snin, 2,528,524 persuna f’sitt kontinenti u fuq għaxriet taʼ gżejjer iddedikaw il-ħajjiet tagħhom lil Jehovah u mbagħad issimbolizzaw din id-dedikazzjoni bil-magħmudija taʼ l-ilma. Kont int wieħed minnhom, jew qiegħed tipprepara issa biex titgħammed? Il-magħmudija hija punt importanti fil-ħajja taʼ kull Kristjan veru. Ġesù inkariga lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha u jgħammduhom. (Mattew 28:19, 20) Huwa wkoll notevoli li kien immedjatament wara l-magħmudija taʼ Ġesù stess li Jehovah innifsu tkellem mis-smewwiet, billi qal: “Inti Ibni, il-maħbub; jien approvajtek.”—Luqa 3:21, 22.
9. Biex inżommu relazzjoni approvata maʼ Jehovah, x’inhu meħtieġ min-naħa tagħna?
9 Relazzjoni approvata maʼ Jehovah hi xi ħaġa li għandek tgħożż. Jekk dħalt f’relazzjoni bħal din bid-dedikazzjoni u l-magħmudija, evita kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tikkaġunalha ħsara. Tħallix l-anzjetajiet tal-ħajja u t-tħassib dwar affarijiet materjali li jimbottawha f’post sekondarju. (1 Timotew 6:8-12) Għix verament fi qbil mal-parir taʼ Proverbji 3:6: ‘Fil-mogħdijiet kollha tiegħek agħti kas taʼ Jehovah, u hu nnifsu se jiddritta l-passaġġi tiegħek.’
Kemm Teffettwak Fil-Fond L-Imħabba Taʼ Kristu?
10. Li aħna nqimu lil Jehovah għala ma jġagħlniex ninjoraw lil Ġesù?
10 Apprezzament xieraq lejn Jehovah bħala l-uniku Alla veru, m’għandniex xi ngħidu, ma jġigħelx lil dak li jkun jinjora lil Ġesù Kristu. Għall-kuntrarju, Rivelazzjoni 19:10 jgħid: “L-għoti taʼ xiehda dwar Ġesù hu dak li jnebbaħ l-ipprofetizzar.” Minn Ġenesi sa Rivelazzjoni, il-profeziji mnebbħin jipprovdu dettalji rigward l-irwol taʼ Ġesù Kristu fl-iskop taʼ Jehovah. Hekk kif wieħed isir familjari maʼ dawk id-dettalji, titfaċċa stampa affaxxinanti li hi ħielsa mit-tgħawwiġ u l-fehmiet ħżiena li rriżultaw mit-tagħlim falz tal-Kristjaneżmu.
11. Meta tgħallmet xi tgħid verament il-Bibbja dwar l-Iben t’Alla kif ġiet effettwata waħda mara mill-Polonja?
11 Li wieħed jifhem il-verità dwar l-Iben t’Alla jistaʼ jkollu effett profond fuq dak li jkun. Hekk ġralha lil Danuta, mara mill-Polonja. Hi kienet żammet kuntatt max-Xhieda taʼ Jehovah għal tmien snin, kien jogħġobha dak li jgħallmu, imma ma kinitx qiegħda tagħmel il-qima vera l-mod taʼ ħajja tagħha. Imbagħad irċeviet kopja tal-ktieb L-Aqwa Bniedem Li Qatt Għex, li jippreżenta l-ħajja taʼ Kristu f’manjiera faċli biex tifhimha.a Tard fil-għaxija, hi fetħet il-ktieb bil-ħsieb li taqra biss kapitlu wieħed. Iżda ma kienx qabel iż-żerniq, madankollu, meta spiċċat taqra l-ktieb kollu, li hi neħħietu minn idha. Hi nfaqgħet tibki. “Jehovah, aħfirli,” talbet bil-ħniena. Bħala riżultat taʼ dak li kienet qrat, hi rat iżjed ċar minn qatt qabel l-imħabba murija minn Jehovah u Ibnu. Irrealizzat li għal tmien snin kienet b’mod ingrat irrifjutat l-għajnuna li Alla kien bil-paċenzja qiegħed jestendilha. Fl-1993 tgħammdet b’simbolu tad-dedikazzjoni tagħha lil Jehovah fuq il-bażi tal-fidi f’Ġesù Kristu.
12. Għarfien eżatt dwar Ġesù Kristu kif jeffettwa lill-ħajjiet tagħna?
12 “Għarfien eżatt tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu” hu assoċjat maʼ li tkun Kristjan attiv li jagħti l-frott. (2 Pietru 1:8) Sa liema punt se jkollok int sehem f’attività bħal din, billi taqsam il-messaġġ tas-Saltna maʼ oħrajn? L-ammont li individwi kapaċi jagħmlu hu effettwat minn ħafna ċirkostanzi. (Mattew 13:18-23) Xi ċirkostanzi ma nistgħux inbiddluhom; oħrajn nistgħu. X’se jqanqalna biex nidentifikaw u nagħmlu l-bidliet li jistgħu jsiru? L-appostlu Pawlu kiteb: “L-imħabba li l-Kristu għandu ġġigħelna”; fi kliem ieħor, l-imħabba li hu wera f’li jagħti ħajtu għalina tant hi taʼ l-għaġeb li hekk kif l-apprezzament tagħna lejha jikber, il-qlub tagħna stess se jiġu mqanqlin b’mod profond. Bħala riżultat, aħna nirrealizzaw li jkun mill-iktar mhux xieraq għalina li nibqgħu nsegwu miri egoistiċi u ngħixu fil-parti l-kbira biex niggratifikaw lilna nfusna. Minflok, aħna nirranġaw l-affarijiet tagħna biex nagħtu l-ewwel post lix-xogħol li Kristu għallem lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu.—2 Korintin 5:14, 15.
Separati Mid-Dinja—Sa Liema Punt?
13. Għala m’għandna nkunu rridu ebda parti minn reliġjon li għamlet lilha nfisha parti mid-dinja?
13 M’huwiex diffiċli li tara r-riżultat taʼ dak li wettqu l-Kristjaneżmu u r-reliġjonijiet l-oħrajn għaliex iridu jkunu parti mid-dinja. Fondi tal-knisja ntużaw biex jiffinanzjaw attività revoluzzjonarja. Qassisin saru ġellieda gwerilli. Ġurnata wara l-oħra, il-gazzetti jġibu rapporti dwar gruppi reliġjużi f’diversi partijiet taʼ l-art li qegħdin jiġġieldu kontra xulxin. Idejhom qegħdin iqattru bid-demm. (Isaija 1:15) U mad-dinja kollha l-kleru jibqaʼ jipprova jimmanipula x-xena politika. Adoraturi veri m’għandhom ebda parti minn dan.—Ġakbu 4:1-4.
14. (a) X’irridu personalment nevitaw jekk irridu nibqgħu separati mid-dinja? (b) X’se jgħinna nevitaw li naqgħu fin-nasba minn attitudnijiet u prattiċi dinjin?
14 Imma li tkun separat mid-dinja jinvolvi iżjed minn dak. Id-dinja hi kkaratterizzata bl-imħabba għall-flus u għal dak li l-flus jistgħu jixtru, ix-xewqa għal prominenza persunali, u ġiri bla waqfien wara l-pjaċiri, flimkien maʼ affarijiet bħalma huma nuqqas taʼ tħassib ġenwin għal oħrajn, gideb u kliem abbużiv, irvell kontra l-awtorità, u nuqqas li jiġi eżerċitat il-kontroll taʼ l-individwu fuqu nnifsu. (2 Timotew 3:2-5; 1 Ġwann 2:15, 16) Minħabba l-imperfezzjoni tagħna stess, aħna nistgħu xi drabi b’xi mod nirriflettu xi wħud minn dawk ix-xeħtiet. X’jistaʼ jgħinna fil-ġlieda tagħna biex nevitaw nasbiet bħal dawn? Għandna bżonn infakkru lilna nfusna min hu responsabbli għal dak kollu. “[I]d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-wieħed mill-agħar.” (1 Ġwann 5:19) Minkejja kemm tistaʼ tidher tħajrek ċerta korsa, minkejja kemm nies oħrajn jgħixu b’dak il-mod, meta naraw l-avversarju ewlieni taʼ Jehovah, Satana x-Xitan, jappoġġjaha, nirrealizzaw kemm hi verament kerha.—Salm 97:10.
Kemm Tilħaq ’Il Bogħod L-Imħabba Tiegħek?
15. L-imħabba bla egoiżmu li osservajt kif għenitek tidentifika r-reliġjon it-tajba?
15 Meta għall-ewwel bdejt tassoċja max-Xhieda taʼ Jehovah, l-imħabba li tidher fosthom bla dubju għoġbitek minħabba l-kuntrast tagħha maʼ l-ispirtu tad-dinja. Enfasi fuq imħabba bla egoiżmu jagħmel il-qima pura taʼ Jehovah differenti minn kull għamla oħra taʼ qima. Forsi kien dan li kkonvinċiek li x-Xhieda taʼ Jehovah tabilħaqq li qegħdin jipprattikaw il-vera reliġjon. Ġesù Kristu nnifsu qal: “B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġwann 13:35.
16. Liema opportunitajiet jistaʼ jkun hemm għalina individwalment biex nitwessgħu fl-imħabba tagħna?
16 Dik il-kwalità tidentifika lilek ukoll bħala wieħed mid-dixxipli taʼ Kristu? Hemm modi li bihom tistaʼ int twessaʼ f’li turi l-imħabba? Bla dubju lkoll kemm aħna nistgħu. Tinkludi iżjed milli sempliċement tkun minn tagħna maʼ oħrajn fis-Sala tas-Saltna. U li kieku kellna nestendu l-imħabba biss lil dawk li jħobbuna, kemm se nkunu aħna differenti mid-dinja? “Fuq l-affarijiet kollha, ħa jkollkom imħabba intensa lejn xulxin,” tħeġġeġ il-Bibbja. (1 Pietru 4:8) Lejn min nistgħu nuru iktar imħabba? Lejn xi ħu jew oħt Kristjan(a) li ġejjin minn ambjent differenti minn tagħna u li l-mod kif jagħmlu ċerti affarijiet idejjaqna? Lejn xi ħadd li, minħabba xi mard jew xjuħija, ma setax jattendi għal-laqgħat regolarment? Lejn is-sieħeb jew is-sieħba fiż-żwieġ tagħna? Jew lejn, forsi, il-ġenituri tagħna li qegħdin jixjieħu? Xi wħud li kienu sejrin tajjeb f’li juru l-frott taʼ l-ispirtu, inkluża l-imħabba, ħassewhom bħal li kieku dawn kienu qegħdin jitgħallmuhom mill-ġdid meta ġew iffaċċjati mis-sitwazzjonijiet diffiċli ħafna li jistgħu jqumu fil-għoti taʼ għajnuna kważi totali lil membru tal-familja li kien sar immankat b’mod sever. Saħansitra meta niġu ffaċċjati minn dawn iċ-ċirkostanzi, m’għandniex xi ngħidu, l-imħabba tagħna għandha tilħaq ukoll lil hinn min-nies taʼ darna.
Għoti Taʼ Xiehda Tas-Saltna —Kemm Hu Importanti Għalik?
17. Jekk aħna personalment ibbenefikajna minn żjajjar mix-Xhieda taʼ Jehovah, x’għandna issa nħossuna mqanqlin li nagħmlu?
17 Mod importanti li bih nuru mħabba għal għajrna hu billi nagħtuhom xiehda dwar is-Saltna t’Alla. Grupp wieħed biss taʼ nies qiegħed jagħmel dan ix-xogħol li ħabbar dwaru Ġesù. (Mark 13:10) Dawn huma x-Xhieda taʼ Jehovah. Aħna personalment ibbenefikajna minnu. Issa huwa l-privileġġ tagħna li ngħinu lil oħrajn. Jekk għandna l-ħsieb t’Alla dwar dan, dan ix-xogħol se jkun prominenti fil-ħajjiet tagħna.
18. Li naqraw il-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom kif jistaʼ jinfluwenza s-sehem tagħna stess fil-għoti taʼ xiehda tas-Saltna?
18 Ir-rakkont eċċitanti dwar kif il-messaġġ tas-Saltna nġarr sa l-iktar partijiet imbegħda taʼ l-art matul dawn l-aħħar jiem jinsab fil-ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom. Jekk taf l-Ingliż, tonqosx li taqrah. U kif tagħmel dan, agħti kas speċjali tal-modi kollha li bihom individwi ħadu sehem f’li jagħtu xiehda dwar is-Saltna. Hemm xi wħud li tistaʼ timita l-eżempju tagħhom? Hemm ħafna opportunitajiet miftuħin għalina lkoll. Jalla l-imħabba tagħna għal Jehovah tqanqalna biex nagħmlu użu tajjeb minnhom.
19. Kif nibbenefikaw meta naċċettaw ir-responsabbiltà li hemm maʼ li nkunu nafu r-reliġjon it-tajba?
19 Meta aħna napplikaw lilna nfusna b’dan il-mod biex nagħmlu r-rieda taʼ Jehovah, insibu t-tweġiba għall-mistoqsija, X’inhu t-tifsir tal-ħajja? (Rivelazzjoni 4:11) Ma nitħallewx iżjed inteftfu, mitluqin b’sentiment taʼ vojt. M’hemm l-ebda karriera li tistaʼ tiddedika lilek innifsek għaliha li ġġiblek iżjed kuntentizza milli jġiblek l-applikar tiegħek innifsek b’qalbek kollha għas-servizz taʼ Alla Jehovah. U x’futur grandjuż toffri! Eternità taʼ ħajja sodisfaċenti fid-dinja ġdida tiegħu, fejn se nkunu nistgħu nużaw il-fakultajiet tagħna bis-sħiħ fi qbil maʼ l-iskop taʼ mħabba li għalih Alla ħalaq lill-umanità. (w94 6/1)
[Nota taʼ taħt]
a Ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
Kif Twieġeb Int?
◻ Għala huwa vitali li reliġjon taċċetta l-Bibbja bħala l-Kelma t’Alla u tonora lil Jehovah bħala l-veru Alla?
◻ Il-vera reliġjon x’tgħallem rigward l-irwol taʼ Ġesù bħala l-Feddej?
◻ Il-Kristjani għala għandhom iżommu separati mid-dinja u jipprattikaw imħabba bla egoiżmu?
◻ Liema rwol għandu l-għoti taʼ xiehda tas-Saltna fir-reliġjon it-tajba?
[Stampi f’paġna 28]
Il-magħmudija hi pass vitali f’li taċċetta r-responsabbiltajiet tal-qima vera. Kull xahar, xi 25,000 ruħ mad-dinja kollha jieħdu dak il-pass
Ir-Russja
Is-Senegal
Il-Papua New Guinea
L-Istati Uniti
[Stampi f’paġna 29]
Li taqsam il-verità tal-Bibbja maʼ oħrajn hu parti mill-qima vera
L-Istati Uniti
Il-Brażil
L-Istati Uniti
Il-Hong Kong