LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 7/1 pp. 11-15
  • Agħmel it-Tagħlim Mimli Saħħa l-Mod taʼ Ħajja Tiegħek

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Agħmel it-Tagħlim Mimli Saħħa l-Mod taʼ Ħajja Tiegħek
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mod Taʼ Ħajja Mimli Saħħa
  • Pariri Għal Irġiel Ixjeħ
  • Għan-​Nisa Ixjeħ
  • Għan-​Nisa Żgħażagħ
  • Għall-​Irġiel Żgħażagħ
  • Għal Irsiera u Qaddejja
  • Poplu Mnaddaf
  • X’Jistaʼ Jgħinna Nimmaniġġaw il-Kelma tal-Verità Sewwa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Alla Jrid li n-Nisa Jiġu Rrispettati
    Artikli għall-Istudju minn “Torri tal-Għassa” bl-Ingliż tal-2012
  • “Nisa li Qed Jaħdmu Iebes fil-Mulej”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 7/1 pp. 11-15

Agħmel it-​Tagħlim Mimli Saħħa l-​Mod taʼ Ħajja Tiegħek

“[I]d-devozzjoni lejn Alla hi taʼ benefiċċju għall-​affarijiet kollha.”—1 TIMOTEW 4:8.

1, 2. Sa liema punt juru n-​nies tħassib dwar saħħithom, u b’liema riżultat?

IL-​BIĊĊA l-​kbira tan-​nies malajr jaqblu li s-​saħħa hi waħda mill-​iktar affarijiet prezzjużi li jippossjedu fil-​ħajja. Huma jiddedikaw ħafna ammont taʼ ħin u flus biex iżommu lilhom infushom fiżikament b’saħħithom u jkunu żguri li jirċievu attenzjoni medika xierqa meta jiġu bżonnha. Fl-​Istati Uniti, per eżempju, l-​ispiża annwali għall-​kura tas-​saħħa għal sena riċenti kienet iżjed minn $900 biljun. Dak jammonta għal ħafna iktar minn $3,000 kull sena għal kull raġel, mara, u tifel jew tifla f’dak il-​pajjiż, u l-​ispiża minn ras għal ras f’pajjiżi żviluppati oħrajn mhix wisq ’il bogħod minn hekk.

2 X’ġabet din in-​nefqa kollha taʼ ħin, enerġija, u flus? Ċertament ħadd ma se jiċħad li, inġenerali, għandna bil-​wisq iżjed faċilitajiet u provvedimenti mediċi avanzati llum minn kwalunkwe żmien ieħor fl-​istorja. Madankollu, dan ma jfissirx awtomatikament għixien mimli saħħa. Fil-​fatt, f’diskors li jenfasizza programm propost għall-​kura tas-​saħħa għall-​Istati Uniti, il-​president wera li minbarra “l-​effetti faħxin tal-​vjolenza f’dan il-​pajjiż,” residenti taʼ l-​Istati Uniti “għandhom rati ogħla taʼ AIDS, taʼ tipjip u taʼ xorb eċċessiv, taʼ tqala fost iż-​żgħażagħ taʼ taħt l-​għoxrin sena, taʼ trabi li jitwieldu taħt il-​piż normali” minn kwalunkwe pajjiż żviluppat ieħor. Il-​konklużjoni tiegħu? “Għandna bżonn inbiddlu d-​drawwiet tagħna jekk qatt verament irridu nkunu b’saħħitna bħala poplu.”—Galatin 6:7, 8.

Mod Taʼ Ħajja Mimli Saħħa

3. Minħabba l-​kultura Griega tal-​qedem, Pawlu liema pariri offra?

3 Fl-​ewwel seklu, il-​Griegi kienu magħrufin għad-​devozzjoni tagħhom lejn il-​kultura fiżika, bodybuilding, u kompetizzjonijiet atletiċi. F’dan l-​ambjent, l-​appostlu Pawlu kien imnebbaħ biex jikteb liż-​żagħżugħ Timotew: “It-​taħriġ tal-​ġisem hu taʼ benefiċċju għal ftit; imma d-​devozzjoni lejn Alla hi taʼ benefiċċju għall-​affarijiet kollha, billi toffri l-​wegħda tal-​ħajja issa u dik li għandha tiġi.” (1 Timotew 4:8) B’hekk, Pawlu kien qed juri dak li n-​nies illum qegħdin jaslu biex jirrikonoxxu, jiġifieri, li provvedimenti mediċi u fiżiċi ma jagħtux garanzija taʼ mod taʼ ħajja verament mimli saħħa. Pawlu jassigurana, iżda, li dak li hu indispensabbli hu l-​ikkultivar taʼ benesseri spiritwali u devozzjoni lejn Alla.

4. Liema huma l-​benefiċċji tad-​devozzjoni lejn Alla?

4 Korsa bħal din hi taʼ benefiċċju għall-​“ħajja issa” għaliex tipprovdi protezzjoni kontra l-​affarijiet kollha taʼ ħsara li nies taʼ mingħajr Alla, jew dawk li għandhom biss “għamla [jew, dehra] taʼ devozzjoni lejn Alla,” jitfgħu fuqhom infushom. (2 Timotew 3:5; Proverbji 23:29, 30; Luqa 15:11-16; 1 Korintin 6:18; 1 Timotew 6:9, 10) Dawk li jħallu lid-​devozzjoni lejn Alla tifformalhom il-​ħajjiet tagħhom għandhom rispett b’saħħtu għal-​liġijiet u l-​ħtiġijiet t’Alla, u dak iqanqalhom biex jagħmlu t-​tagħlim mimli saħħa t’Alla l-​mod taʼ ħajja tagħhom. Korsa bħal din iġġibilhom saħħa spiritwali u fiżika, sodisfazzjon, u kuntentizza. U huma qegħdin “jaħżnu fis-​sigurtà għalihom infushom pedament mill-​aħjar għall-​futur, sabiex jistgħu jiksbu qabda soda mal-​ħajja vera.”—1 Timotew 6:19.

5. Pawlu liema struzzjonijiet ipprovda fit-​tieni kapitlu taʼ l-​ittra tiegħu lil Titus?

5 Ladarba ħajja ggwidata mit-​tagħlim mimli saħħa t’Alla ġġib barkiet bħal dawn issa u fil-​futur, għandna bżonn inkunu nafu, f’termini prattiċi, kif nistgħu nagħmlu t-​tagħlim mimli saħħa t’Alla l-​mod taʼ ħajja tagħna. L-​appostlu Pawlu pprovda t-​tweġiba fl-​ittra tiegħu lil Titus. Se nagħtu attenzjoni speċjali lit-​tieni kapitlu taʼ dak il-​ktieb, fejn hu ta struzzjoni lil Titus biex ‘jibqaʼ jitkellem affarijiet xierqa għal tagħlim mimli saħħa.’ Ċertament li lkoll kemm aħna, żgħar u kbar, irġiel u nisa, nistgħu nibbenefikaw minn “tagħlim mimli saħħa” bħal dan illum.—Titus 1:4, 5; 2:1.

Pariri Għal Irġiel Ixjeħ

6. Pawlu x’pariri offra lill-​“irġiel imdaħħlin fiż-​żmien,” u għala kienet ħniena min-​naħa tiegħu li jagħmel hekk?

6 L-​ewwel, Pawlu kellu xi pariri għall-​irġiel ixjeħ fil-​kongregazzjoni. Jekk jogħġbok aqra Titus 2:2. “L-​irġiel imdaħħlin fiż-​żmien,” bħala grupp, huma onorati u stmati bħala eżempji taʼ fidi u lealtà. (Levitiku 19:32; Proverbji 16:31) Minħabba f’dan, oħrajn jistgħu jsibuha bi tqila biex joffru pariri jew suġġerimenti lil irġiel ixjeħ fuq kwistjonijiet li huma inqas minn serji estremament. (Ġob 32:6, 7; 1 Timotew 5:1) Għalhekk, hija ħniena min-​naħa taʼ Pawlu li jindirizza lill-​irġiel ixjeħ l-​ewwel, u jkun tajjeb għalihom li jdaħħlu f’qalbhom il-​kliem taʼ Pawlu u li jkunu ċerti li huma, bħal Pawlu, jixirqilhom li jiġu imitati.—1 Korintin 11:1; Filippin 3:17.

7, 8. (a) X’jinvolvi li tkun “moderat fid-​drawwiet”? (b) Li tkun ‘serju’ għala għandu jkun ibbilanċjat b’li tkun ‘moħħok f’loku’?

7 L-​irġiel ixjeħ Kristjani għandhom, l-​ewwelnett, ikunu “moderati fid-​drawwiet.” Għalkemm il-​kelma oriġinali tistaʼ tirreferi għad-​drawwa tax-​xorb (“f’sensih,” Kingdom Interlinear), għandha wkoll it-​tifsira taʼ li tkun għassa, li l-​menti jaħdmu sew, jew li żżomm is-​sensi tiegħek. (2 Timotew 4:5; 1 Pietru 1:13) B’hekk, sew fix-​xorb jew f’affarijiet oħrajn, l-​irġiel ixjeħ għandhom ikunu moderati, mhux mogħtijin għall-​eċċessi jew l-​estremi.

8 Imbagħad, huma jridu jkunu wkoll “serji” u “moħħhom f’loku.” Li tkun serju, jew dinjituż, venerabbli, u denju taʼ rispett, normalment jiġi maʼ l-​età. Xi wħud, iżda, forsi huma inklinati li jkunu serji żżejjed, billi jsiru intolleranti għall-​modi enerġetiċi taż-​żgħożija. (Proverbji 20:29) Huwa għalhekk li “serji” huwa bbilanċjat b’“moħħhom f’loku.” L-​irġiel ixjeħ għandhom bżonn iżommu s-​serjetà li tixraq lill-​età tagħhom, u madankollu fl-​istess ħin ikunu bbilanċjati, billi jkollhom kontroll sħiħ fuq is-​sentimenti u l-​impulsi tagħhom.

9. L-​irġiel ixjeħ għala għandhom ikunu b’saħħithom fil-​fidi u fl-​imħabba u b’mod speċjali fis-​sabar?

9 Fl-​aħħarnett, l-​irġiel ixjeħ għandhom ikunu “f’saħħithom fil-​fidi, fl-​imħabba, fis-​sabar.” Ħafna drabi fil-​kitbiet tiegħu, Pawlu inkluda l-​fidi u l-​imħabba flimkien mat-​tama. (1 Korintin 13:13; 1 Tessalonkin 1:3; 5:8) Hawn hu biddel it-​“tama” mas-​“sabar.” Forsi għaliex li tħossok irrassenjat jistaʼ faċilment jirriżulta hekk kif tikber fl-​età. (Ekkleżjasti 12:1) Madankollu, kif indika Ġesù, “dak li jkun issaporta sat-​tmiem hu dak li se jkun salvat.” (Mattew 24:13) Jerġaʼ, uħud ixjeħ huma eżempji denji għall-​oħrajn mhux sempliċement minħabba l-​età jew l-​esperjenza tagħhom imma minħabba l-​kwalitajiet spiritwali robusti tagħhom​—fidi, imħabba, u sabar.

Għan-​Nisa Ixjeħ

10. Pawlu liema pariri jipprovdi għan-​“nisa mdaħħlin fiż-​żmien” fil-​kongregazzjoni?

10 Pawlu mbagħad dawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn in-​nisa ixjeħ fil-​kongregazzjoni. Jekk jogħġbok aqra Titus 2:3. “[I]n-nisa mdaħħlin fiż-​żmien” huma l-​membri kbar fl-​età fost in-​nisa fil-​kongregazzjoni, inklużi nisa taʼ “l-​irġiel imdaħħlin fiż-​żmien” u ommijiet u nanniet taʼ membri oħrajn. Bħala talin, huma jistgħu jkollhom influwenza konsiderevoli, għat-​tajjeb jew għall-​ħażin. Kien għalhekk li Pawlu introduċa kliemu bil-​frażi “bl-​istess mod,” li jfisser li “n-​nisa mdaħħlin fiż-​żmien” ukoll għandhom ċerti responsabbiltajiet li jridu jilħqu sabiex iwettqu l-​irwol tagħhom fil-​kongregazzjoni.

11. Imġiba reverenti x’inhi?

11 L-​ewwel, “ħalli n-​nisa mdaħħlin fiż-​żmien ikunu reverenti fl-​imġiba,” qal Pawlu. “Imġiba” hi l-​espressjoni esterna taʼ l-​attitudni u l-​personalità ġewwinin taʼ dak li jkun, kif riflessa kemm fil-​kondotta kif ukoll fid-​dehra. (Mattew 12:34, 35) X’għandha, allura, tkun l-​attitudni jew il-​personalità taʼ mara Kristjana mdaħħla fiż-​żmien? F’kelma waħda, “reverenti.” Din hi tradotta minn kelma Griega li tfisser “dak li hu xieraq f’persuni, azzjonijiet jew affarijiet ikkonsagrati lil Alla.” Dan ċertament hu parir xieraq meta tqis l-​influwenza li huma għandhom fuq oħrajn, b’mod speċjali fuq in-​nisa iktar żgħażagħ fil-​kongregazzjoni.—1 Timotew 2:9, 10.

12. Liema użu ħażin taʼ l-​ilsien għandu kulħadd jevita?

12 Imbagħad jiġu żewġ karatteristiċi negattivi: “mhux li jimmalafamaw, lanqas imjassrin minn ħafna nbid.” Huwa taʼ interess li dawn it-​tnejn huma miġburin flimkien. “Fl-​antik, meta l-​inbid kien l-​uniku xarba,” josserva l-​Professur E. F. Scott, “kien fil-​festi taʼ l-​inbid żgħar tagħhom li nisa xjuħ kienu joqogħdu jimmalafamaw lill-​ġirien tagħhom.” In-​nisa ġeneralment huma iżjed ikkonċernati dwar in-​nies milli huma l-​irġiel, li hu taʼ min ifaħħru. Madankollu, tħassib jistaʼ jiddeterjora fi tqasqis u saħansitra f’immalafamar, b’mod speċjali meta l-​ilsien jinħall bix-​xorb. (Proverbji 23:33) Ċertament, dawk kollha li qegħdin isegwu mod taʼ ħajja mimlija saħħa, irġiel u nisa, jagħmlu tajjeb li joqogħdu attenti għal din in-​nasba.

13. In-​nisa ixjeħ b’liema modi jistgħu jkunu għalliema?

13 Għal mod kostruttiv biex jużaw il-​ħin disponibbli, nisa ixjeħ huma nkuraġġiti li jkunu “għalliema taʼ dak li hu tajjeb.” Xi mkien ieħor, Pawlu ta struzzjonijiet ċari li n-​nisa m’għandhomx ikunu għalliema fil-​kongregazzjoni. (1 Korintin 14:34; 1 Timotew 2:12) Dan, madankollu, ma jżommhomx milli jgħaddu għarfien prezzjuż t’Alla fid-​dar tagħhom u lill-​pubbliku. (2 Timotew 1:5; 3:14, 15) Huma jistgħu jwettqu wkoll wisq ġid billi jkunu eżempji Kristjani għan-​nisa iktar żgħażagħ fil-​kongregazzjoni, kif juru l-​versi li ġejjin.

Għan-​Nisa Żgħażagħ

14. Nisa Kristjani iktar żgħażagħ kif jistgħu juru bilanċ f’li jieħdu ħsieb tad-​dmirijiet tagħhom?

14 F’li jinkuraġġixxi lin-​nisa ixjeħ biex ikunu “għalliema taʼ dak li hu tajjeb,” Pawlu b’mod partikulari semma lin-​nisa iktar żgħażagħ. Jekk jogħġbok aqra Titus 2:4, 5. Fil-​waqt li l-​biċċa l-​kbira taʼ l-​istruzzjoni tiċċentra fuq affarijiet domestiċi, nisa Kristjani iktar żgħażagħ m’għandhomx imorru għall-​estrem, billi jħallu t-​tħassib materjali jiddomina l-​ħajjiet tagħhom. Minflok, għandhom ikunu “moħħhom f’loku, kasti, . . . tajbin,” u fuq kollox, lesti li jappoġġjaw l-​arranġament Kristjan taʼ l-​istat taʼ kap, “sabiex il-​kelma t’Alla ma jitkellmux fuqha b’abbuż.”

15. Ħafna nisa iktar żgħażagħ fil-​kongregazzjoni għala jixirqilhom prosit?

15 Illum, ix-​xena tal-​familja nbidlet b’mod konsiderevoli minn dak li kienet fi żmien Pawlu. Ħafna familji huma maqsumin rigward il-​fidi, u oħrajn għandhom biss ġenitur wieħed. Saħansitra f’dawk l-​hekk imsejħin familji tradizzjonali, qed isir dejjem iżjed mhux komuni li l-​mara miżżewġa jew l-​omm tkun mara li tieħu ħsieb id-​dar full-time. Dan kollu jpoġġi pressjoni u responsabbiltà tremendi fuq nisa Kristjani żgħażagħ, imma dan ma jeħlishomx mill-​obbligi Skritturali tagħhom. Huwa taʼ pjaċir kbir, għalhekk, li tara ħafna nisa żgħażagħ leali jaħdmu iebes biex jibbilanċjaw il-​ħafna dmirijiet tagħhom u xorta jirnexxilhom ipoġġu l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel, billi xi wħud saħansitra qegħdin fil-​ministeru full-time bħala pijunieri awżiljarji jew regulari. (Mattew 6:33) Ħaqqhom verament prosit!

Għall-​Irġiel Żgħażagħ

16. Pawlu liema pariri kellu għall-​irġiel iktar żgħażagħ, u dan għala hu f’waqtu?

16 Pawlu mbagħad ġie għall-​irġiel iktar żgħażagħ, inkluż Titus. Jekk jogħġbok aqra Titus 2:6-8. Meta nqisu l-​modi irresponsabbli u distruttivi taʼ ħafna miż-​żgħażagħ tal-​lum​—tipjip, abbuż tad-​drogi u taʼ l-​alkoħol, sess illeċitu, u interessi dinjin oħrajn, bħalma huma sport perikoluż u mużika u divertiment degradanti—​dan huwa tabilħaqq parir f’waqtu għal żgħażagħ Kristjani li jridu jsegwu mod taʼ ħajja mimlija saħħa u sodisfaċenti.

17. Raġel iktar żagħżugħ kif jistaʼ jsir ‘moħħu f’loku’ u “eżempju taʼ xogħlijiet mill-​aħjar”?

17 F’kuntrast maż-​żgħażagħ tad-​dinja, żagħżugħ Kristjan għandu jkun ‘moħħu f’loku’ u “eżempju taʼ xogħlijiet mill-​aħjar.” Pawlu spjega li moħħ f’loku u matur jinkiseb, mhux minn dawk li sempliċement jistudjaw, imma minn dawk li “permezz taʼ l-​użu għandhom il-​qawwiet taʼ osservar tagħhom imħarrġin biex jiddistingwu kemm it-​tajjeb u kemm il-​ħażin.” (Ebrej 5:14) Kemm hi xi ħaġa taʼ l-​għaġeb li tara żgħażagħ joffru minn jeddhom il-​ħin u l-​enerġija tagħhom biex jieħdu sehem sħiħ fil-​ħafna dmirijiet fil-​kongregazzjoni Kristjana, minflok ma jaħlu s-​saħħa taż-​żgħożija tagħhom f’interessi egoistiċi! Billi jagħmlu hekk, huma, bħal Titus, jistgħu jsiru eżempji taʼ “xogħlijiet mill-​aħjar” fil-​kongregazzjoni Kristjana.—1 Timotew 4:12.

18. Xi jfisser li tkun mhux korrott fit-​tagħlim, serju fl-​azzjoni, u bnin fil-​kliem?

18 L-​irġiel iktar żgħażagħ huma mfakkrin li huma għandhom ikunu ‘qegħdin juru li m’hemmx korruzzjoni fit-​tagħlim tagħhom, imma serjetà, kliem bnin li ma jistax jiġi kkundannat.’ Tagħlim li ‘mhux korrott’ irid ikun ibbażat b’mod sod fuq il-​Kelma t’Alla; għalhekk, l-​irġiel iktar żgħażagħ iridu jkunu studenti diliġenti tal-​Bibbja. Bħall-​irġiel ixjeħ, l-​irġiel iktar żgħażagħ ukoll għandhom ikunu serji. Huma għandhom bżonn jirrikonoxxu illi li tkun ministru tal-​Kelma t’Alla hi responsabbiltà serja, u għalhekk huma jridu ‘jġibu ruħhom b’mod li jixraq lill-​aħbar tajba.’ (Filippin 1:27) Bl-​istess mod kliemhom irid ikun “bnin” u tali li “ma jistax jiġi kkundannat” sabiex ma jagħtu ebda raġuni għal ilment minn dawk li jopponu.—2 Korintin 6:3; 1 Pietru 2:12, 15.

Għal Irsiera u Qaddejja

19, 20. Dawk impjegati minn oħrajn kif jistgħu ‘jżejnu t-​tagħlim tas-​Salvatur tagħna, Alla’?

19 Finalment, Pawlu dar lejn dawk li huma impjegati maʼ nies oħrajn. Jekk jogħġbok aqra Titus 2:9, 10. Mhux ħafna minna llum huma rsiera jew qaddejja, imma ħafna huma impjegati jew ħaddiema li qegħdin jagħtu servizz lil oħrajn. B’hekk, il-​prinċipji msemmijin minn Pawlu japplikaw bl-​istess mod illum.

20 Li ‘jkunu sottomessi lejn is-​sidien tagħhom fl-​affarijiet kollha’ jfisser li impjegati Kristjani jridu juru rispett ġenwin lejn dawk li jimpjegawhom u lejn dawk taʼ fuqhom. (Kolossin 3:22) Huma jridu jkollhom ukoll ir-​reputazzjoni taʼ ħaddiema onesti, billi jagħtu ġurnata sħiħa taʼ xogħol bħalma jitlob min jimpjegahom. U għandhom iżommu livell għoli taʼ kondotta Kristjana fuq il-​postijiet tax-​xogħol tagħhom minkejja l-​kondotta taʼ oħrajn hemm. Dan kollu hu “sabiex iżejnu t-​tagħlim tas-​Salvatur tagħna, Alla, fl-​affarijiet kollha.” Kemm nisimgħu taʼ spiss dwar ir-​riżultati hienja meta osservaturi sinċieri jwieġbu għall-​verità minħabba l-​kondotta mill-​aħjar taʼ Xhieda ħaddiema jew impjegati sħabhom! Dan hu premju li Jehovah jagħti lil dawk li jsegwu t-​tagħlim mimli saħħa tiegħu saħansitra fil-​postijiet taʼ impjieg tagħhom.—Efesin 6:7, 8.

Poplu Mnaddaf

21. Jehovah għala pprovda t-​tagħlim mimli saħħa, u aħna kif għandna nwieġbu?

21 It-​tagħlim mimli saħħa li Pawlu spjega dwaru fid-​dettall m’huwiex sempliċement xi kodiċi taʼ prinċipji etiċi jew valuri morali li aħna nistgħu nikkonsultaw jekk nixtiequ. Pawlu kompla jispjega l-​iskop tiegħu. Jekk jogħġbok aqra Titus 2:11, 12. Sforz l-​imħabba u l-​ħniena mhix mistħoqqa li għandu għalina, Alla Jehovah ipprovda t-​tagħlim mimli saħħa sabiex aħna nistgħu nitgħallmu ngħixu ħajja taʼ skop u sodisfaċenti f’dawn iż-​żminijiet kritiċi u perikolużi. Lest int li taċċetta u tagħmel it-​tagħlim mimli saħħa l-​mod taʼ ħajja tiegħek? Li tagħmel hekk se jfisser is-​salvazzjoni tiegħek.

22, 23. Liema barkiet naħsdu billi nagħmlu t-​tagħlim mimli saħħa l-​mod taʼ ħajja tagħna?

22 Iktar minn hekk, li nagħmlu t-​tagħlim mimli saħħa l-​mod taʼ ħajja tagħna jġibilna privileġġ uniku issa u tama hienja għall-​futur. Jekk jogħġbok aqra Titus 2:13, 14. Tabilħaqq, li nagħmlu t-​tagħlim mimli saħħa l-​mod taʼ ħajja tagħna jagħmilna separati mid-​dinja korrotta u moribonda bħala poplu mnaddaf. Il-​kliem taʼ Pawlu hu paralell mat-​tfakkiriet taʼ Mosè lill-​ulied taʼ Iżrael f’Sinaj: “Inkwantu għal Jehovah, . . . se jpoġġik fil-​għoli ’l fuq mill-​ġnus l-​oħrajn kollha li hu għamel, li jirriżulta f’tifħir u isem tajjeb u ġmiel, waqt li int innifsek tagħti prova li int poplu qaddis għal Jehovah Alla tiegħek, sewwa sew bħalma wiegħed.”—Dewteronomju 26:18, 19.

23 Jalla dejjem ngħożżu l-​privileġġ li nkunu l-​poplu mnaddaf taʼ Jehovah billi nagħmlu t-​tagħlim mimli saħħa l-​mod taʼ ħajja tagħna! Kun dejjem attent biex tiċħad kwalunkwe għamla taʼ nuqqas taʼ tjieba u xewqat dinjin, billi b’hekk tibqaʼ mnaddaf u xieraq li tintuża minn Jehovah fix-​xogħol grandjuż li qed iġiegħel li jsir illum.—Kolossin 1:10. (w94 6/15)

Tiftakar Int?

◻ Id-​devozzjoni lejn Alla għala hi taʼ benefiċċju għall-​affarijiet kollha?

◻ Kristjani rġiel u nisa ixjeħ kif jistgħu jsegwu tagħlim mimli saħħa bħala mod taʼ ħajja?

◻ Pawlu liema tagħlim mimli saħħa kellu għall-​irġiel u nisa iktar żgħażagħ fil-​kongregazzjoni?

◻ Liema privileġġ u barka jistgħu jkunu tagħna jekk nagħmlu t-​tagħlim mimli saħħa l-​mod taʼ ħajja tagħna?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja