Xi Ġralha l-Awtorità?
NIES li jużaw moħħhom jaraw il-bżonn taʼ awtorità. Mingħajr xi forma taʼ struttura awtoritattiva, is-soċjetà umana malajr issir kaotika. B’hekk, ktieb klassiku Franċiż dwar il-liġi kostituzzjonali jistqarr: “F’kull grupp uman, jinstabu żewġ kategoriji taʼ nies: dawk li jikkmandaw u dawk li jobdu, dawk li jagħtu l-ordnijiet u dawk li josservawhom, mexxejja u membri, il-gvernaturi u l-iggvernati. . . . L-eżistenza taʼ l-awtorità tistaʼ tiġi osservata f’kull soċjetà umana.”a
Madankollu, attitudnijiet lejn l-awtorità tbiddlu mit-II Gwerra Dinjija u partikolarment mis-snin sittin ’l hawn. F’kumment dwar dawk iż-żminijiet, l-Encyclopædia Universalis Franċiża titkellem dwar “kriżi antiġerarkika u antiawtoritattiva.” Kriżi bħal din mhix taʼ sorpriża għal studenti tal-Bibbja. L-appostlu Pawlu bassar: “Ftakar, l-era finali taʼ din id-dinja trid tkun żmien taʼ taqlib! In-nies ma jkunu jħobbu xejn iktar ħlief lilhom infushom u l-flus; ikunu faħħarin, arroganti, u abbużivi; diżubbudjenti lejn il-ġenituri . . . ; ikunu inflessibbli fil-mibgħeda tagħhom, . . . inkontrollabbli u vjolenti, . . . minfuħin bil-kburija. Huma jkunu jħobbu l-pjaċiri tagħhom iktar milli lil Alla tagħhom.”—2 Timotew 3:1-4, The Revised English Bible.
L-Awtorità Fi Kriżi
Din il-profezija tiddeskrivi tajjeb il-jum u l-era tagħna. L-awtorità hi sfidata fil-livelli kollha—tal-familja, l-iskola pubblika, l-università, l-intrapriżi tan-negozju, il-gvern lokali u nazzjonali. Ir-rivoluzzjoni sesswali, mużika hard-core rap, dimostrazzjonijiet mill-istudenti, strajkijiet spontanji jew mhux uffiċċjali, diżubbidjenza ċivili, u atti taʼ terroriżmu huma kollha sinjali taʼ sfaxxar taʼ rispett lejn l-awtorità.
Waqt symposium organizzat f’Pariġi mill-French Institute of Political Science u l-gazzetta Pariġjana taʼ kuljum Le Monde, il-Professur Yves Mény stqarr: “L-awtorità tistaʼ teżisti biss jekk tkun appoġġjata mil-leġittimità.” Raġuni waħda għall-kriżi taʼ l-awtorità llum hi li ħafna jiddubitaw il-leġittimità taʼ dawk fil-poter. Jiġifieri, jiddubitaw id-dritt tagħhom li jkunu fl-awtorità. Stħarriġ taʼ l-opinjoni rrivela li fil-bidu tas-snin tmenin, 9 fil-mija tal-popolazzjoni fl-Istati Uniti, 10 fil-mija fl-Awstralja, 24 fil-mija fil-Britannja, 26 fil-mija fi Franza, u 41 fil-mija fl-Indja kkunsidraw il-gvern tagħhom bħala lleġittimu.
It-Tfittxija Tal-Bniedem Għal Awtorità Leġittima
Skond il-Bibbja, il-bniedem kien oriġinalment taħt l-awtorità diretta t’Alla. (Ġenesi 1:27, 28; 2:16, 17) Madankollu, ftit wara dan, il-bnedmin riedu l-indipendenza morali mill-Ħallieq tagħhom. (Ġenesi 3:1-6) Billi ċaħdu t-teokrazija, jew il-ħakma minn Alla, kellhom isibu sistemi oħrajn taʼ awtorità. (Ekkleżjasti 8:9) Xi wħud stabbilew l-awtorità tagħhom bil-forza. Għalihom, min kellu s-saħħa kellu d-dritt li jmexxi. Kien suffiċjenti li jkunu b’saħħithom biżżejjed sabiex jinforzaw ir-rieda tagħhom. Bosta, iżda, ħassew il-bżonn li jilleġittimaw id-dritt tagħhom li jaħkmu.
Minn żminijiet bikrin bosta ħakkiema għamlu dan billi qalu jew li kienu allat jew li kienu rċevew il-poter mill-allat. Dan huwa l-kunċett mitiku taʼ “renju sagru”, imħaddan minn ħakkiema bikrin tal-Mesopotamja u mill-Farawni taʼ l-Eġittu tal-qedem.
Alessandru l-Kbir, slaten Ellenistiċi li ssuċċedewh, u ħafna mill-imperaturi Rumani wkoll saħqu li huma allat u saħansitra sostnew li jiġu meqjumin. Sistemi taħt mexxejja bħal dawn kienu magħrufin bħala “kulti taʼ ħakkiem,” u l-iskop tagħhom kien li jikkonsolidaw l-awtorità tal-ħakkiem fuq taħlita taʼ popli mirbuħin. Li tirrifjuta li tqim lill-ħakkiem kien ikkundannat bħala att kontra l-Istat. F’The Legacy of Rome, il-Professur Ernest Barker kiteb: “L-iddivinar taʼ l-imperatur [Ruman], u l-ġieħ li jingħata minħabba d-divinità tiegħu, huma ovvjament il-pedament, jew insomma l-qofol, taʼ l-imperu.”
Dan baqaʼ jgħodd saħansitra wara li l-“Kristjanità” ġiet illegalizzata mill-Imperatur Kostantinu (ħakem 306-337 E.K.) u wara addottata bħala r-reliġjon taʼ l-Istat taʼ l-Imperu Ruman mill-Imperatur Teodosjus I (ħakem 379-395 E.K.). Xi wħud mill-imperaturi “Kristjani” kienu meqjumin bħala allat sa ma l-ħames seklu E.K. kien daħal ġmielu.
“Żewġ Potenzi,” “Żewġt Isjuf”
Waqt li l-papat sar iktar potenti, problemi bejn Knisja u Stat saru akuti. Għalhekk, għat-tmiem tal-ħames seklu E.K., il-Papa Gelasius I nieda l-prinċipju taż-“żewġ potenzi”: l-awtorità sagra tal-papiet koeżistenti mal-potenza rjali tas-slaten—bis-slaten sottomessi lejn il-papiet. Dan il-prinċipju iktar tard żviluppa fid-duttrina taż-“żewġt isjuf”: “Is-sejf spiritwali li l-papiet infushom xejru, billi ddelegaw is-sejf temporali lil ħakkiema lajċi, imma dawn taʼ l-aħħar iridu minkejja dan jużaw is-sejf temporali skond id-direzzjonijiet papali.” (The New Encyclopædia Britannica) Fuq il-bażi taʼ din id-duttrina, matul iż-Żminijiet tan-Nofs, il-Knisja Kattolika sostniet li kellha d-dritt li tinkuruna imperaturi u slaten sabiex tilleġittimizza l-awtorità tagħhom, u b’hekk tipperpetwa l-ħrafa antika taʼ “l-istat sagru taʼ sultan.”
Dan m’għandux, madankollu, jiġi konfuż maʼ l-hekk imsejjaħ dritt divin tar-rejiet, żvilupp li sar iktar tard u li kien immirat biex jeħles lill-ħakkiema politiċi mis-sottomissjoni lejn il-papat. It-teorija tad-dritt divin issostni li s-slaten iġibu l-awtorità tagħhom biex jaħkmu direttament mingħand Alla, mhux permezz tal-papa taʼ Ruma. In-New Catholic Encyclopedia tistqarr: “Fi żmien meta l-papa kien qiegħed jeżerċita poter spiritwali u saħansitra temporali u universali fuq il-kapijiet taʼ stati, l-idea taʼ dritt divin poġġiet lis-slaten taʼ stati nazzjonali f’pożizzjoni biex jiġġustifikaw l-awtorità tagħhom bħala divina daqs dik tal-papa.”b
Il-Ħrafa Taʼ Sovranità Popolari
Mal-mogħdija taż-żmien, il-bniedem issuġġerixxa sorsi oħrajn taʼ awtorità. Wieħed kien is-sovranità tal-poplu. Ħafna jemmnu li din l-idea oriġinat fil-Greċja. Demokrazija Griega antika, madankollu, kienet ipprattikata biss f’xi ftit bliet, u saħansitra f’dawn ċittadini rġiel biss ivvotaw. In-nisa, l-iskjavi, u r-residenti barranin—stmati li kienu minn nofs sa erbgħa minn kull ħamsa tal-popolazzjoni—kienu mħollijin barra. Ma tantx kienet xi sovranità popolari!
Min ippromwova l-idea tas-sovranità tal-poplu? B’sorpriża, din kienet introdotta fiż-Żminijiet tan-Nofs minn teoloġi Kattoliċi Rumani. Fis-seklu tlettax, Thomas Aquinas kien qal li waqt li s-sovranità toriġina minn Alla, hija mogħtija lill-poplu. Din l-idea tat prova li kienet popolari. In-New Catholic Encyclopedia tgħid: “Din l-idea li l-poplu huwa s-sors taʼ l-awtorità kienet appoġġjata mill-maġġoranza vasta tat-teoloġi Kattoliċi tas-seklu 17.”
Għala kellhom teoloġi taʼ knisja li fiha l-poplu ma kellu ebda leħen fil-għażla taʼ papa, isqof, jew qassis jippromwovu l-idea tas-sovranità tal-poplu? Għaliex xi rejiet Ewropej saru iktar u iktar bla sabar taħt l-awtorità papali. It-teorija taʼ sovranità popolari tat lill-papa s-saħħa li jwaqqaʼ mis-setgħa lil xi imperatur jew monarka jekk dan kien jidher neċessarju. L-istoriċi Will u Ariel Durant kitbu: “Id-difensuri tas-sovranità popolari inkludew ħafna Ġiżwiti, li raw f’din l-opinjoni mezz kif idgħajfu l-awtorità rjali kontra dik papali. Jekk, argumenta l-Kardinal Bellarmine, l-awtorità tar-rejiet hi ġejja minn, u għalhekk sottomessa lejn, il-poplu, hija ovvjament sottomessa lejn l-awtorità tal-papiet . . . Luis Molina, Ġiżwita Spanjol, ikkonkluda li l-poplu, bħala s-sors taʼ l-awtorità sekulari, jistaʼ bi dritt—imma bi proċedura bl-ordni—iwarrab lil xi re li ma jkunx ġust.”
Il-“proċedura bl-ordni” kellha, sintendi, tkun orkestrata mill-papa. B’konferma taʼ dan, il-pubblikazzjoni Franċiża u Kattolika Histoire Universelle de l’Eglise Catholique tikkwota l-Biographie universelle, li tistqarr: “Bellarmine . . . jgħallem bħala duttrina Kattolika komuni li l-prinċpijiet jiksbu l-poter tagħhom mill-għażla tal-poplu, u li l-poplu jistaʼ jeżerċita dan id-dritt biss taħt l-influwenza tal-papa.” (Korsiv tagħna.) Is-sovranità popolari b’hekk saret għodda li l-papa setaʼ juża biex jinfluwenza l-għażla tal-ħakkiema u, jekk ikun hemm bżonn, biex jitwarrbu. Fi żminijiet iktar riċenti, din ippermettiet lill-ġerarkija Kattolika li tinfluwenza lil votanti Kattoliċi f’demokraziji rappreżentattivi.
F’demokraziji moderni l-leġittimità tal-gvern hija bbażata fuq dak li jissejjaħ “kunsens taʼ l-iggvernati.” L-iktar, iżda, dan huwa l-“kunsens tal-maġġoranza,” u minħabba l-apatija tal-votanti u l-qerq politiku, din il-“maġġoranza” spiss tkun fir-realtà minoranza biss tal-popolazzjoni. Illum, “kunsens taʼ l-iggvernati” spiss ifisser ftit iktar minn “kunsens passiv, jew rassenjar, taʼ l-iggvernati.”
Il-Ħrafa Taʼ Sovranità Nazzjonali
Il-ħrafa taʼ l-istat sagru taʼ sultan avanzata mill-papiet bikrin ħadmet kontra l-papat meta nbidlet fid-dritt divin tar-rejiet. It-teorija taʼ sovranità popolari bl-istess mod immollat lura fuq il-Knisja Kattolika. Matul is-sekli 17 u 18, filosfi sekulari, bħall-Ingliżi Thomas Hobbes u John Locke u l-Franċiż Jean-Jacques Rousseau, irriflettew fuq l-idea taʼ sovranità popolari. Huma żviluppaw verżjonijiet tat-teorija taʼ “kuntratt soċjali” bejn il-ħakkiema u l-maħkumin. Il-prinċipji tagħhom kienu bbażati mhux fuq it-teoloġija imma fuq il-“liġi naturali,” u l-kunċett laħaq il-quċċata f’ideat li għamlu ħsara serja lill-Knisja Kattolika u lill-papat.
Ftit wara l-mewt taʼ Rousseau, faqqgħet ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Din ir-rivoluzzjoni qerdet ċerti ideat taʼ leġittimità, imma kkreat waħda ġdida, l-idea taʼ sovranità nazzjonali. The New Encyclopædia Britannica tikkummenta: “Il-Franċiżi warrbu d-dritt divin tar-rejiet, il-ġerarkija tan-nobiltà, il-privileġġi tal-Knisja Kattolika Rumana.” Imma, tgħid il-Britannica, “ir-Rivoluzzjoni kienet wasslet lill-invenzjoni l-ġdida, in-nazzjon-stat, għall-maturità.” Ir-rivoluzzjonarji kellhom bżonnha din l-“invenzjoni” ġdida. Għala?
Għaliex taħt is-sistema li Rousseau kien irrakkomanda, iċ-ċittadini kollha kien ikollhom sehem ugwali fil-għażla tal-ħakkiema. Din kienet tirriżulta f’demokrazija bbażata fuq il-votazzjoni universali—xi ħaġa li l-mexxejja tar-Rivoluzzjoni Franċiża ma ffavorewx. Il-Professur Duverger jispjega: “Kien preċiżament biex jevitaw dan ir-riżultat, ikkunsidrat mhux mixtieq, li, mill-1789 sa l-1791, il-Krema taʼ l-Assemblea tal-Kostitwenti vvintaw it-teorija tas-sovranità nazzjonali. Huma identifikaw il-poplu man-‘Nazzjon,’ li kkunsidraw bħala entità reali, distint mill-partijiet li hu kompost minnhom. In-Nazzjon waħdu, permezz tar-rappreżentanti tiegħu, huwa ntitolat li jeżerċita s-sovranità . . . Għalkemm tidher li hi demokratika, id-duttrina taʼ sovranità nazzjonali ma hi demokratika xejn għax tistaʼ tiġi wżata biex tiġġustifika kwalunkwe tip taʼ gvern, b’mod partikolari l-awtokrazija.” (Korsiv tiegħu.)
Sforzi Umani Falliment
L-aċċettar taʼ l-Istat-Nazzjon bħala sors leġittimu taʼ awtorità wassal għan-nazzjonaliżmu. The New Encyclopædia Britannica tistqarr: “In-nazzjonaliżmu spiss jiġi mifhum li hu antik ħafna; kultant jiġi meqjus b’mod żbaljat bħala fattur permanenti fl-imġieba politika. Attwalment, ir-rivoluzzjonijiet Amerikani u Franċiżi jistgħu jiġu meqjusin bħala l-ewwel manifestazzjonijiet potenti tiegħu.” Minn żmien dawk ir-rivoluzzjonijiet, in-nazzjonaliżmu nfirex fuq il-Kontinent Amerikan, l-Ewropa, l-Afrika, u l-Asja. Gwerer ħorox ġew leġittimizzati f’isem in-nazzjonaliżmu.
L-istoriku Britanniku Arnold Toynbee kiteb: “L-ispirtu tan-Nazzjonalità huwa ferment qares taʼ l-inbid ġdid tad-Demokrazija fil-fliexken qodma tat-Tribuiżmu. . . . Dan il-kompromess stramb bejn id-Demokrazija u t-Tribuiżmu kien ħafna iktar potenti fil-politika prattika tad-Dinja tal-Punent moderna tagħna milli d-Demokrazija nfisha.” In-Nazzjonaliżmu ma pproduċiex dinja taʼ paċi. Toynbee qal: “Il-Gwerer tar-Reliġjon kienu segwiti, wara pawsa mill-iqsar, mill-Gwerer tan-Nazzjonalità; u fid-Dinja tal-Punent moderna tagħna l-ispirtu tal-fanatiżmu reliġjuż u l-ispirtu tal-fanatiżmu nazzjonali huma bla dubju l-istess passjoni malinna.”
Permezz tal-ħrejjef taʼ “stat sagru taʼ sultan,” “dritt divin tar-rejiet,” “sovranità popolari,” u “sovranità nazzjonali,” ħakkiema ttantaw jilleġittimizzaw l-awtorità tagħhom fuq bnedmin sħabhom. Wara li jikkunsidra r-rekord tal-ħakkiema umani, madankollu, Kristjan ma jistax ħlief jaqsam il-ħsieb espress minn Salamun: “Bniedem iddomina lil bniedem bi ħsara għalih.”—Ekkleżjasti 8:9.
Minflok iqimu l-Istat politiku, il-Kristjani jqimu lil Alla u jirrikonoxxu fih is-sors leġittimu taʼ kull awtorità. Huma jaqblu mas-salmista David li qal: “Tiegħek, Jaħweh, hu l-kobor, il-qawwa, l-isplendur, tul tal-jiem u glorja, kulma hemm fis-sema u fl-art hu tiegħek. Tiegħek hi s-sovranità, Jaħweh; int eżaltat, suprem fuq kulħadd.” (1 Kronaki 29:11, The New Jerusalem Bible) Madankollu, b’sottomissjoni lejn Alla, huma juru rispett xieraq lejn l-awtorità kemm fl-oqsma sekulari kif ukoll spiritwali. Sewwa sew kif u għala jistgħu jagħmlu dan bil-ferħ se jiġi eżaminat fiż-żewġ artikli li ġejjin. (w94 7/1)
[Noti taʼ taħt]
a Droit constitutionnel et institutions politiques, minn Maurice Duverger.
b The Catholic Encyclopedia tistqarr: “Dan id-‘dritt divin tar-rejiet’ (differenti ħafna mid-duttrina li kull awtorità, kemm jekk taʼ sultan jew taʼ repubblika, hija minn Alla), qatt ma kien approvat mill-Knisja Kattolika. Waqt ir-Riforma dan ħa forma verament ostili lejn il-Kattoliċiżmu, b’monarki bħal Enriku VIII, u Ġakbu I, taʼ l-Ingilterra, isostnu l-milja taʼ l-awtorità kemm spiritwali kif ukoll ċivili.”
[Stampa f’paġna 21]
Il-Knisja Kattolika sostniet li kellha l-awtorità li tinkuruna imperaturi u rejiet
[Sors]
Il-Konsagrazzjoni taʼ Karlumanju: Bibliothèque Nationale, f’Pariġi