Ix-Xhieda Għala Jibqgħu Jżuruk?
‘HEMM huma, reġgħu ġew! Imma diġà kienu hawn ftit tal-ġimgħat ilu!’ Jgħaddi dak minn moħħok meta xi ħadd mix-Xhieda taʼ Jehovah jiġi jħabbatlek? Miljuni llum issirilhom żjara regolarment mix-Xhieda taʼ Jehovah. Tistaʼ tistaqsi, Għaliex jippersistu meta jafu li l-maġġor parti tan-nies għandhom ir-reliġjon tagħhom stess jew m’humiex interessati? Dik il-mistoqsija jistħoqqilha tweġiba.
Responsabbiltà Quddiem Alla
Ix-Xhieda taʼ Jehovah tgħallmu mill-Iskrittura li sa mill-1914, is-sena li fiha bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-avvenimenti dinjin kienu qegħdin iwettqu profeziji bibliċi rigward it-tmiem tas-sistema dinjija preżenti u l-ħakma li ġejja tas-Saltna t’Alla fuq din l-art. Kważi seklu taʼ vjolenza, tixrid taʼ demm, u mibgħeda donnu li ħalla l-bnedmin iktar ’il bogħod minn qatt qabel minn soluzzjoni politika għall-problemi tagħhom. Il-gwerer u t-terroriżmu li għadhom jolqtu lill-familja umana huma prova li l-ħakma mill-bniedem falliet f’li tbiddel il-qlub, l-imħuħ, u l-attitudnijiet tan-nies. Iffastidjar profond minħabba avvenimenti li ġraw lura fl-istorja għadhom jivvelenaw ir-relazzjonijiet bejn gruppi etniċi, razzjali, u reliġjużi. Dak hu minnu f’partijiet imbegħdin minn xulxin daqs l-Afganistan, l-Afrika t’Isfel, l-Indja, l-Irlanda taʼ Fuq, l-ex Jugoslavja, u l-Lvant Nofsani. X’inhi, allura, l-unika soluzzjoni dejjiema?
X’Jimmotiva Lix-Xhieda?
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jirrikonoxxu li s-soluzzjoni t’Alla—il-ħakma tas-Saltna minn Kristu Ġesù mwiegħda Minnu—hija l-unika soluzzjoni vijabbli. Ġesù saħansitra inkluda petizzjoni għal dik il-ħakma tas-Saltna fit-talba mudell famuża tiegħu: “Tridu titolbu, allura, b’dan il-mod: ‘Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa tintgħamel ir-rieda tiegħek, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.’” Ix-Xhieda jemmnu li din it-talba tassew titlob għall-intervent t’Alla fl-affarijiet tal-bnedmin.—Mattew 6:9, 10.
Mela għala x-Xhieda taʼ Jehovah jħossu l-bżonn li jmorru minn dar għal dar b’mod kostanti biex jipprovaw iwasslu dak il-messaġġ? Minħabba żewġ kmandi li Ġesù saħaq fuqhom b’mod ċar: “‘Trid tħobb lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.’ Dan huwa l-akbar u l-ewwel kmandament. It-tieni, bħalu, huwa dan, ‘Trid tħobb lil ġarek bħalek innifsek.’”—Mattew 22:37-39.
Ix-Xhieda jridu l-barka t’Alla fuqhom, u għaliex iħobbu lill-ġirien tagħhom, iridu dik l-istess barka fuqhom. B’hekk, billi jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù, iħossuhom imqanqlin minn imħabba mhix egoista biex iżuru lill-ġirien tagħhom. Huma jridu li għall-inqas joffrulhom l-opportunità li jsiru jafu x’wiegħed “dak Alla hieni” għall-bnedmin ubbidjenti fuq art imnaddfa.—1 Timotew 1:11; 2 Pietru 3:13.
Il-missjunarju Kristjan Pawlu emmen fil-wegħdiet t’Alla u b’hekk setaʼ jikteb: “Pawlu, irsir t’Alla u appostlu taʼ Ġesù Kristu skond il-fidi tal-magħżulin t’Alla u l-għarfien eżatt tal-verità li taqbel mad-devozzjoni lejn Alla fuq il-bażi taʼ tama tal-ħajja taʼ dejjem li Alla, li ma jistax jigdeb, wiegħed minn qabel żminijiet dejjiema.” Iva, Alla, “li ma jistax jigdeb,” “wiegħed” ħajja taʼ dejjem lil dawk li b’umiltà jfittxu li jsiru jafuh u jaqduh.—Titus 1:1, 2; Sofonija 2:3.
Huma X-Xhieda Mħallsin?
Kultant xi wħud allegaw li x-Xhieda huma mħallsin għall-ministeru tagħhom. Xejn ma jistaʼ jkun iktar ’il bogħod mill-verità! Huma jieħdu bis-serjetà l-kliem taʼ Pawlu lill-kongregazzjoni f’Korintu: “M’aħniex bejjiegħa tal-kelma t’Alla bħalma huma ħafna bnedmin, imma bis-sinċerità, iva, bħala mibgħutin minn Alla, taħt il-ħarsa t’Alla, f’kumpanija maʼ Kristu, qegħdin nitkellmu.”—2 Korintin 2:17.
Xi mexxejja reliġjużi tassew li jippridkaw għall-flus, kemm jekk ħlas għal servizzi reliġjużi u kemm jekk reklamar taʼ intrapriżi kummerċjali fuq il-ministeru tagħhom fuq it-TV. Il-biċċa l-kbira tar-reliġjonijiet għandhom kleru mħallas.
F’kuntrast, ix-Xhieda m’għandhomx kleru mħallas, u spiss il-letteratura biblika tagħhom tiġi offruta mingħajr prezz lil uħud li sinċerament ifittxu l-verità, għalkemm ħafna minn dawn jitqanqlu biex jagħmlu donazzjonijiet volontarji. Dawn jintużaw sabiex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż taʼ dan ix-xogħol taʼ ppridkar mad-dinja kollha. Fi qbil mal-parir taʼ Ġesù: “Irċevejtu b’xejn, agħtu b’xejn,” ix-Xhieda jagħtu b’xejn mir-riżorsi tagħhom, inklużi l-ħin u l-enerġija, billi jiddedikaw miljuni taʼ sigħat kull sena għas-servizz t’Alla. B’hekk, jgħallmu lil persuni interessati minn dar għal dar u permezz taʼ studji tal-Bibbja fid-djar.—Mattew 10:8; 28:19, 20; Atti 20:19, 20.
Il-fatti jagħtu prova li m’hemm ebda motiv monetarju għax-Xhieda taʼ Jehovah bħala individwi, għall-kongregazzjonijiet lokali, jew għall-Watch Tower Society. Ħadd ma jirċievi xi ħlas talli jmur minn dar għal dar. Allura kif jiġi ffinanzjat ix-xogħol? Permezz taʼ kontribuzzjonijiet volontarji minn nies li japprezzaw minn madwar id-dinja. L-ebda ġbir taʼ flus ma jsir.
L-Impatt Taʼ L-Għoti Taʼ Xiehda Tagħhom
Għandhom il-ministeru minn dar għal dar u l-ippridkar informali mix-Xhieda impatt fuq il-kuxjenza pubblika? L-evidenza fil-mezzi taʼ komunikazzjoni tagħti iva li tidwi għal dik il-mistoqsija. Ix-Xhieda taʼ Jehovah ġew imsemmijin waqt programmi televiżivi u films meta xi ħadd jidher iħabbat xi bieb. Kartuni animati semmew lix-Xhieda. L-attività żeluża tagħhom tant hija magħrufa sewwa li artisti tal-kartuni minn madwar id-dinja inkludew referenzi għax-Xhieda taʼ Jehovah. Dawn jistgħu jidhru satiriċi imma normalment huma bbażati fuq fatt fundamentali pożittiv—dak li x-Xhieda huma magħrufin għall-ippridkar persistenti tagħhom minn dar għal dar.—Atti 20:20.
Kartun riċenti wera raġel jixxabbat maʼ muntanja biex jikkonsulta maʼ “guru.” Hu qal: “Kellimni fuq ħwejjeġ taʼ l-għaġeb li se jiġru!” Kif wieġeb il-“guru”? “Ejjew naraw . . . Se jkun hemm ġuħ, pesti, u terremoti. Ix-xemx se tkun mibdula fi dlam, u l-qamar f’demm.” Il-kurjuż staqsa: “X’inhi l-aħbar tajba?” Għal liema l-“guru” rrisponda: “Alla se jimsaħ għalkollox kull demgħa . . . u mhux se jkun hemm iktar mewt la għali la wġigħ!” Staqsa l-viżitatur: “Kif taf b’affarijiet bħal dawn?” It-tweġiba? “Ħadd ma jaħrabilhom lix-Xhieda taʼ Jehovah!” U dak bil-fors li kien minnu fil-każ taʼ l-artist tal-kartuni nnifsu!
Il-punt interessanti taʼ dan il-kartun u taʼ oħrajn bħalu huwa li juri mhux biss il-perseveranza taż-żjarat tax-Xhieda imma wkoll il-konsistenza tal-messaġġ tagħhom. Fi ftit kliem biss, l-artist ta l-qofol tax-xiehda tagħhom minn dar għal dar u kkwota l-iskritturi.—Qabbel Mattew 24:7, 29; Rivelazzjoni 21:3, 4.
Il-fatt li l-biċċa l-kbira tan-nies jirrifjutaw il-messaġġ tagħhom ma jiskuraġġix lix-Xhieda jew inaqqsilhom miż-żelu tagħhom. L-appostlu Pietru wissa: “Fl-aħħar jiem se jiġu dawk li jwaqqgħu għaċ-ċajt bit-twaqqigħ għaċ-ċajt tagħhom, jissoktaw skond ix-xewqat tagħhom stess u jgħidu: ‘Fejn hija din il-preżenza mwiegħda tiegħu? Iva, minn dak in-nhar li missirijietna tal-qedem raqdu fil-mewt, l-affarijiet kollha qegħdin ikomplu eżatt bħal mill-bidu tal-ħolqien.’” Minkejja dan, immotivati mill-imħabba, ix-Xhieda jkomplu jżuru lill-ġirien tagħhom u se jagħmlu hekk sakemm Alla jġib tmiem fuq is-sistema korrotta preżenti.—2 Pietru 3:3, 4.
Ġesù qal li fl-aħħar jiem, l-aħbar tajba se jkollha tiġi ppridkata l-ewwel. Għal eżami ieħor dwar għaliex u kif, ara ż-żewġ artikli li jmiss.—Mark 13:10. (w94 8/15)
[Stampi f’paġna 9]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah m’għandhomx klassi taʼ kleru bis-salarju—kollha huma ministri voluntieri