Żomm l-Integrità u Għix!
“ISĦET ’l Alla u mut!” esklamat mart Ġob, li attakkatu b’dawk il-kelmiet. Dak kien madwar 3,600 sena ilu. Madankollu dak l-attakk verbali fuq il-qaddej leali t’Alla jenfasizza kwistjoni li tikkonfronta lill-umanità sal-ġurnata tal-lum. Il-leali Ġob kien sofra telfiet terribbli—il-bhejjem tiegħu, id-dar tiegħu, l-għaxar uliedu. Issa ġismu kien qed jiġi ttorturat minn marda kronika, li ttestjatu sal-limitu. Ir-raġuni? L-akbar għadu t’Alla u tal-bniedem, Satana x-Xitan, kien qiegħed ikompli bi sfida li l-bniedem ma jistax iżomm l-integrità lejn Alla taħt prova qalila.—Ġob 1:11, 12; 2:4, 5, 9, 10.
Illum, bħal fi żmien Ġob, “[i]d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-wieħed mill-agħar,” Satana x-Xitan. (1 Ġwann 5:19) Tabilħaqq, dak huwa saħansitra iktar veru llum, għax issa “l-wieħed imsejjaħ Xitan u Satana, li qiegħed jiżżvija lill-art abitata kollha kemm hija,” ġie mitfugħ ’il barra mis-smewwiet ’l isfel lejn din l-art. (Rivelazzjoni 12:9) Din hija r-raġuni għall-gwajiet qliel li jifilġu lill-umanità fi żmienna. L-ewwel gwerra dinjija, li faqqgħet fl-1914, immarkat “bidu taʼ weġgħat taʼ hemm” li baqgħu sejrin sa l-aħħar taʼ dan is-seklu 20.—Mattew 24:7, 8.
F’din id-dinja krudila u degradanti, qatt tħossok li wasalt sal-punt li ma tistax tissaporti iktar? Qatt toqgħod taħseb, ‘Hemm xi skop għall-ħajja?’ Ġob setaʼ ħassu hekk, imma qatt ma tilef il-fidi f’Alla, għalkemm għamel żbalji. Hu esprima d-determinazzjoni tiegħu f’dan il-kliem: “Sakemm nintemm m’inix se nneħħi l-integrità tiegħi minni nnifsi!” Kellu fiduċja li Alla kellu ‘jsir jaf l-integrità tiegħu.’—Ġob 27:5; 31:6.
Ġesù Kristu, l-istess Iben t’Alla, ukoll kellu jissaporti provi waqt li kien hawn fuq l-art. Satana attakka lil Ġesù b’diversi modi. Approfitta ruħu mill-ħtiġijiet fiżiċi taʼ Ġesù u ttestjalu l-fiduċja Tiegħu fil-Kelma t’Alla, bħal fuq il-muntanja taʼ tentazzjoni. (Mattew 4:1-11) Irrita lil Ġesù billi ġiegħel lill-iskribi u l-Fariżej apostati u l-imqarrqin sħabhom biex jippersegwitawh, jakkużawh b’dagħa, u jikkonfoffaw biex joqtluh. (Luqa 5:21; Ġwann 5:16-18; 10:36-39; 11:57) Lil Ġesù għamlulu ferm agħar milli kienu għamlu t-tliet farraġa foloz lil Ġob.—Ġob 16:2; 19:1, 2.
Fil-ġnien tal-Ġetsemani, hekk kif Ġesù qorob lejn il-quċċata taʼ dan l-ittestjar, qal lid-dixxipli tiegħu: “Ruħi mnikkta profondament, saħansitra sal-mewt.” Imbagħad, “waqaʼ għal wiċċu, jitlob u jgħid: ‘Missieri, jekk inhu possibbli, ħalli dan il-kies iwarrab minni. Madankollu, mhux kif irrid jien, imma kif trid int.’” Finalment, fuq iz-zokk tat-tortura, bi twettieq tal-kliem profetiku taʼ Salm 22:1, Ġesù għajjat: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” Imma fl-aħħar mill-aħħar Alla m’abbandunahx lil Ġesù għaliex Ġesù żamm integrità perfetta Lejh, billi pprovda mudell għall-Kristjani veri kollha biex isegwu. Jehovah ppremja ż-żamma taʼ integrità taʼ Ġesù billi rxoxtah u eżaltah għall-ogħla smewwiet. (Mattew 26:38, 39; 27:46; Atti 2:32-36; 5:30; 1 Pietru 2:21) Alla se jippremja lill-oħrajn kollha li bl-istess mod iżommu l-integrità lejh.
L-integrità taʼ Ġesù mhux biss tat tweġiba kompleta għall-isfida taʼ Satana imma talli s-sagrifiċċju tal-ħajja umana u perfetta tiegħu pprovda r-rahan, li fuq il-bażi tiegħu bnedmin li jżommu l-integrità jistgħu jiksbu ħajja taʼ dejjem. (Mattew 20:28) L-ewwel, Ġesù jiġbor lill-“merħla ċkejkna” midlukin li jsiru werrieta sħab miegħu fis-Saltna tas-smewwiet. (Luqa 12:32) Wara dan, “folla kbira” jiġu miġburin biex jibqgħu ħajjin wara t-“tribulazzjoni l-kbira,” billi joħorġu minnha biex jirtu ħajja taʼ dejjem fil-qasam tas-Saltna t’Alla fuq l-art.—Rivelazzjoni 7:9, 14-17.
Ġob li żamm l-integrità se jkun fost il-biljuni taʼ wħud mejtin li dak in-nhar se jiġu rxoxtati biex isiru parti minn dik is-soċjetà t’“art ġdida” mimlija paċi. (2 Pietru 3:13; Ġwann 5:28, 29) L-integrità ġiet ippremjata fi żmien Ġob meta Jehovah “bierek it-tmiem taʼ Ġob . . . iktar mill-bidu tiegħu.” Kien kiseb saħħa spiritwali bħala wieħed li “ma dinibx b’xofftejh.” Alla estendielu ħajtu b’mija u erbgħin sena oħra. Materjalment, ta lil Ġob id-doppju taʼ kulma kellu qabel, u Ġob “ġie li jkollu sebaʼ wlied subjien u tliet ulied bniet,” il-bniet meqjusin bħala l-isbaħ fl-art kollha. (Ġob 2:10; 42:12-17) Imma din il-prosperità kollha kienet biss antiċipazzjoni tal-barkiet li dawk li jżommu l-integrità se jgawdu fil-Ġenna taʼ l-“art ġdida.” Int ukoll tistaʼ tieħu sehem f’dak il-ferħ, bħalma se jispjegaw il-paġni li ġejjin! (w95 1/1)
[Stampa f’paġna 18]
Ġesù stabbilixxa l-eżempju perfett bħala wieħed li jżomm l-integrità