Il-Ferħ taʼ Jehovah Huwa l-Post b’Saħħtu Tagħna
“Dan il-jum huwa qaddis għall-Mulej tagħna, u tħossukomx imweġġgħin, għax il-ferħ taʼ Jehovah huwa l-post b’saħħtu tagħkom.”—NEĦEMIJA 8:10.
1, 2. (a) X’inhuwa post b’saħħtu? (b) David kif wera li ħa refuġju f’Jehovah?
JEHOVAH hu post b’saħħtu bla paragun. U x’inhuwa post b’saħħtu? Huwa post iffortifikat, wieħed taʼ sigurtà jew taʼ salvâr. David taʼ Iżrael tal-qedem ikkunsidra lil Alla bħala l-post b’saħħtu tiegħu. Per eżempju, ikkunsidra l-għanja li David idderieġa lill-Iktar Għoli “fil-jum li Jehovah kien ħelsu mill-pala t’id l-għedewwa kollha tiegħu u minn id Sawl,” is-sultan taʼ Iżrael.—Salm 18, skrizzjoni taʼ fuq.
2 David beda dik l-għanja kommoventi bil-kliem: “Jien se jkolli affezzjoni għalik, O Jehovah is-saħħa tiegħi. Jehovah hu l-blata fl-għoli tiegħi u l-post b’saħħtu tiegħi u Dak li jipprovdi l-ħarba għalija. Alla tiegħi hu l-blata tiegħi. Jien se nieħu refuġju fih, it-tarka tiegħi u l-qarn taʼ salvazzjoni tiegħi, l-għoli fis-sigurtà tiegħi.” (Salm 18:1, 2) Priv mill-protezzjoni tal-liġi b’mod inġust u segwit mis-Sultan Sawl, ir-rett David sab refuġju f’Jehovah, l-istess bħalma wieħed jistaʼ jiġri għal ġo post iffortifikat biex isalva minn xi gwaj.
3. Il-Lhud fi żmien Eżra għala ġarrbu “hena kbira”?
3 Il-ferħ li jagħti Jehovah huwa post b’saħħtu li qatt ma jfalli għal dawk li jimxu fil-mogħdija tiegħu bħala wħud li jżommu l-integrità. (Proverbji 2:6-8; 10:29) Biex ikollhom il-ferħ li jagħti Alla, m’għandniex xi ngħidu, in-nies iridu jagħmlu r-rieda divina. F’dan ir-rigward, ikkunsidra x’ġara f’Ġerusalemm fis-sena 468 Q.E.K. Eżra, li kien jikkopja, u oħrajn taw fehma permezz taʼ qari tal-Liġi mimli tifsir. Imbagħad in-nies ġew imħeġġin: “Morru, kulu l-affarijiet imsemmnin u ixorbu l-affarijiet ħelwin, u ibagħtu porzjonijiet lill-wieħed li għalih xejn ma ġie mħejji; għax dan il-jum huwa qaddis għall-Mulej tagħna, u tħossukomx imweġġgħin, għax il-ferħ taʼ Jehovah huwa l-post b’saħħtu tagħkom.” “Hena kbira” rriżultat hekk kif il-Lhud applikaw l-għarfien li kienu kisbu u ċċelebraw Festa taʼ l-Għerejjex ferriħija. (Neħemija 8:1-12) Dawk li kellhom ‘il-ferħ taʼ Jehovah bħala l-post b’saħħtu tagħhom’ kisbu saħħa għall-qima u s-servizz tiegħu. Ladarba l-ferħ taʼ Jehovah kien il-post b’saħħtu tagħhom, għandna nistennew li n-nies t’Alla llum ikunu mimlijin bil-ferħ ukoll. X’inhuma, allura, xi ftit mir-raġunijiet taż-żmien preżent għall-ferħ?
“Xejn Ħlief Mimli Ferħ”
4. Liema huwa sors wieħed li jispikka taʼ ferħ għan-nies taʼ Jehovah?
4 Raġuni waħda li tispikka għall-ferħ hija l-provvediment li Jehovah jagħmel għall-ġbir flimkien. L-assembleat u l-konvenzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah iġibulhom ferħ illum, l-istess bħalma l-festi annwali ċċelebrati mill-Iżraeliti ġabulhom ferħ fi qlubhom. Lin-nies taʼ Iżrael intqalilhom: “Sebat ijiem se tiċċelebra l-festa [taʼ l-għerejjex] lil Jehovah Alla tiegħek fil-post li Jehovah se jagħżel, għaliex Jehovah Alla tiegħek se jbierkek f’dak kollu li tipproduċi u f’kull għemil taʼ idek, u m’għandek issir xejn ħlief mimli ferħ.” (Dewteronomju 16:13-15) Iva, Alla riedhom li ‘jsiru xejn ħlief mimlijin ferħ.’ L-istess huwa veru dwar il-Kristjani, għax l-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-kredenti sħabu: “Dejjem ithennew fil-Mulej. Għal darb’oħra se ngħid, Ithennew!”—Filippin 4:4.
5. (a) X’inhuwa l-ferħ, u l-Kristjani kif jiksbuh? (b) Kif jistaʼ jkollna l-ferħ minkejja l-provi?
5 Ladarba Jehovah iridna nsiru mimlijin ferħ, jagħtina l-ferħ bħala waħda mill-frottiet taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu. (Galatin 5:22, 23) U x’inhuwa l-ferħ? Huwa l-emozzjoni taʼ gost ikkaġunata mill-istennija jew l-akkwist taʼ dak li huwa taʼ benefiċċju u mixtieq. Il-ferħ huwa stat taʼ kuntentizza vera, saħansitra eżaltazzjoni. Din il-frotta taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla ssostnina taħt prova. “Għall-ferħ li tqiegħed quddiemu [Ġesù] ssaporta zokk tat-tortura, billi stmerr l-għajb, u qagħad bil-qiegħda fuq il-leminija tat-tron t’Alla.” (Ebrej 12:2) Id-dixxiplu Ġakbu kiteb: “Qisuh kollu ferħ, ħuti, meta tiltaqgħu maʼ diversi provi, billi tafu li din il-kwalità pprovata tal-fidi tagħkom tipproduċi s-sabar.” Imma xi ngħidu jekk ma nafux x’għandna nagħmlu dwar ċerta prova? Imbagħad nistgħu b’mod fiduċjuż nitolbu għall-għerf biex nittrattaw magħha. Li naġixxu f’armonija m’għerf tas-sema jgħinna nsolvu l-problemi jew inkampaw maʼ provi persistenti mingħajr ma nitilfu l-ferħ taʼ Jehovah.—Ġakbu 1:2-8.
6. X’relazzjoni teżisti bejn il-ferħ u l-qima vera?
6 Il-ferħ li jagħtina Jehovah isaħħaħna biex nippromwovu l-qima vera. Dak kien li ġara fi żmien Neħemija u Eżra. Lhud taʼ dak iż-żmien li kellhom il-ferħ taʼ Jehovah bħala l-post b’saħħtu tagħhom kienu msaħħin biex javanzaw l-interessi tal-qima vera. U hekk kif ippromwovew il-qima taʼ Jehovah, il-ferħ tagħhom kiber. L-istess huwa veru llum. Bħala adoraturi taʼ Jehovah, għandna bażi għal hena kbira. Ejjew issa nikkunsidraw ftit iktar mill-ħafna raġunijiet li għandna għall-ferħ.
Relazzjoni M’Alla Permezz Taʼ Kristu
7. Rigward Jehovah, il-Kristjani liema raġuni għandhom għall-ferħ?
7 Ir-relazzjoni mill-qrib tagħna maʼ Jehovah tagħmilna l-iktar nies henjin fuq l-art. Qabel ma sirna Kristjani, konna parti mis-soċjetà umana bla tjieba li tinsab ‘fid-dlam mentalment u maqtugħa mill-ħajja li tappartjeni lil Alla.’ (Efesin 4:18) Kemm huwa taʼ pjaċir għalina li m’għadniex iżjed imbegħdin minn Jehovah! M’għandniex xi ngħidu, jirrikjedi sforz biex tibqaʼ fil-favur tiegħu. Irridu ‘nkomplu fil-fidi, stabbiliti fuq il-pedament u sodi u m’aħniex qegħdin nitwarrbu mit-tama taʼ dik l-aħbar tajba.’ (Kolossin 1:21-23) Nistgħu nithennew li Jehovah ġibidna lejn Ibnu fi qbil mal-kliem taʼ Ġesù stess: “Ebda bniedem ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier, li bagħatni, ma jiġbdux.” (Ġwann 6:44) Jekk verament napprezzaw ir-relazzjoni prezzjuża tagħna m’Alla permezz taʼ Kristu, se ngħassu kontra kwalunkwe ħaġa li tistaʼ tirrovinaha.
8. Ġesù kif ikkontribwixxa għall-istat tagħna taʼ ferħ?
8 Il-maħfra tad-dnubiet permezz tal-fidi fis-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù hija raġuni kbira għall-ferħ għaliex dan huwa li jagħmel ir-relazzjoni tagħna m’Alla possibbli. Bil-korsa volontarja tiegħu taʼ dnub, l-antenat tagħna Adam ġab mewt fuq l-umanità kollha. Madankollu, l-appostlu Pawlu spjega: “Alla jirrikmanda l-imħabba tiegħu stess lilna billi, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” Pawlu kiteb ukoll: “Bħalma permezz taʼ nuqqas wieħed ir-riżultat għall-bnedmin taʼ kull xorta kien kundanna, bl-istess mod ukoll permezz t’att wieħed taʼ ġustifikazzjoni r-riżultat għall-bnedmin taʼ kull xorta huwa li jiġu ddikjarati twajbin għall-ħajja. Għax sewwa sew bħalma permezz tad-diżubbidjenza tar-raġel wieħed ħafna ġew kostitwiti midinbin, bl-istess mod ukoll permezz taʼ l-ubbidjenza tal-persuna waħda ħafna se jiġu kostitwiti twajbin.” (Rumani 5:8, 18, 19) Kemm nistgħu nimtlew bil-ferħ li Alla Jehovah jogħġbu jifdi lil dawk min-nisel t’Adam li jagħmlu użu minn provvediment taʼ mħabba bħal dan!
Libertà u Tidwil Reliġjużi
9. Għala aħna mimlijin ferħ minn aspett reliġjuż?
9 Libertà minn Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, hija raġuni oħra biex nimtlew bil-ferħ. Hija verità divina li għamlitna liberi. (Ġwann 8:32) U libertà minn din il-prostituta reliġjuża tfisser li ma nixxirkux fi dnubietha, ma nġarrbux il-kastigi tagħha, u ma nispiċċawx fil-qerda magħha. (Rivelazzjoni 18:1-8) M’hemm xejn taʼ niket f’li naħarbu dak kollu!
10. Liema tidwil ingawdu bħala nies taʼ Jehovah?
10 Li tifhem u tapplika l-Kelma t’Alla fil-ħajja huma raġunijiet għal hena kbira. Liberi mill-influwenza tar-reliġjon falza, ingawdu dehen spiritwali li jsir iżjed ċar b’mod progressiv ipprovdut minn Missierna tas-sema permezz taʼ “l-irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47) Minn fost in-nies kollha li jgħixu fuq l-art, dawk biss li b’mod esklussiv huma devoti lejn Jehovah għandhom l-ispirtu qaddis tiegħu u l-fehma mbierka tal-Kelma u r-rieda tiegħu. Huwa bħalma qal Pawlu: “Huwa lilna li Alla rrivelahom [l-affarijiet li ħejja għal dawk li jħobbuh] permezz taʼ l-ispirtu tiegħu, għax l-ispirtu jfittex fl-affarijiet kollha, saħansitra l-affarijiet profondi t’Alla.” (1 Korintin 2:9, 10) Nistgħu nkunu kemm grati kif ukoll ferħanin li qegħdin ingawdu l-fehma li b’mod progressiv issir aħjar indikata fil-kliem taʼ Proverbji 4:18: “[I]l-passaġġ taʼ l-uħud twajbin huwa bħad-dawl qawwi li qiegħed isir iktar u iktar qawwi sakemm il-jum jiġi stabbilit fis-sod.”
Tama Tas-Saltna u Ħajja Eterna
11. It-tama mimlija ferħ tas-Saltna kif ġiet maqsuma m’oħrajn?
11 It-tama tagħna tas-Saltna wkoll tagħmilna mimlijin bil-ferħ. (Mattew 6:9, 10) Bħala Xhieda taʼ Jehovah, ilna żmien twil nipproklamaw li s-Saltna t’Alla hija l-unika tama għall-umanità kollha. Per eżempju, ikkunsidra s-sena 1931, meta ħaddanna l-isem Xhieda taʼ Jehovah b’reżoluzzjoni milqugħa b’mod ferrieħi f’51 konvenzjoni madwar id-dinja. (Isaija 43:10-12) Dik ir-reżoluzzjoni u taħdita sinjifikanti fil-konvenzjoni mogħtija minn J. F. Rutherford (li dak iż-żmien kien il-president tal-Watch Tower Society) ġew ippubblikati fil-ktejjeb The Kingdom, the Hope of the World. Inkluża fih kien hemm reżoluzzjoni oħra adottata f’dik il-konvenzjoni, waħda li takkuża lill-Kristjaneżmu għall-apostasija tiegħu u talli ttratta l-pariri taʼ Jehovah bi stmerrija. Hija pproklamat ukoll: “It-tama tad-dinja hija s-Saltna t’Alla, u m’hemmx tama oħra.” Fi ftit xhur, ix-Xhieda taʼ Jehovah qassmu ’l fuq minn ħames miljun kopja taʼ dan il-ktejjeb fil-partijiet kollha taʼ l-art. Minn dak iż-żmien ’l hawn taʼ spiss affermajna li s-Saltna hija l-unika tama taʼ l-umanità.
12. Liema prospetti ferriħin taʼ ħajja huma mqegħdin quddiem dawk li jaqdu lil Jehovah?
12 Nithennew, ukoll, fil-prospett taʼ ħajja eterna taħt il-ħakma tas-Saltna. Il-“merħla ċkejkna” taʼ Kristjani midlukin għandhom tama ferriħija għas-sema. “Ikun imbierek dak Alla u Missier il-Mulej tagħna Ġesù Kristu,” kiteb l-appostlu Pietru, “għax skond il-ħniena kbira tiegħu tana twelid ġdid għal tama ħajja permezz taʼ l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu mill-imwiet, għal wirt li ma jitħassarx u li ma jitniġġisx u li ma jitbielx. Huwa merfugħ fis-smewwiet għalikom.” (Luqa 12:32; 1 Pietru 1:3, 4) Illum, il-maġġoranza vasta tax-Xhieda taʼ Jehovah iħarsu ’l quddiem lejn ħajja taʼ dejjem fil-Ġenna ġod-dominju tas-Saltna. (Luqa 23:43; Ġwann 17:3) L-ebda nies oħrajn fuq l-art m’għandhom xi jħabbatha mal-prospetti tagħna mimlijin ferħ. Kemm għandna ngħożżuhom!
Fratellanza Mbierka
13. Kif għandna nħarsu lejn il-fratellanza internazzjonali tagħna?
13 Li tkun parti mill-unika fratellanza internazzjonali approvata minn Alla huwa wkoll sors taʼ ferħ kbir. B’hena, għandna l-iktar imseħbin mixtiqin fuq l-art. Alla Jehovah innifsu dderieġa l-attenzjoni b’mod speċifiku għal żmienna u qal: “Se nissussa l-ġnus kollha, u l-affarijiet mixtiqin tal-ġnus kollha jridu jidħlu; u se nimla lil din id-dar bil-glorja.” (Ħaggaj 2:7) Veru, il-Kristjani kollha huma imperfetti. Madankollu, Jehovah ġibed individwi bħal dawn lejh permezz taʼ Ġesù Kristu. (Ġwann 14:6) Ladarba Jehovah ġibed lejh nies li jqishom bħala mixtiqin, il-ferħ tagħna se joktor jekk nuruhom imħabba taʼ l-aħwa, nagħtuhom stima kbira, nikkoperaw magħhom f’attivitajiet taʼ tjieba, nappoġġjawhom fil-provi tagħhom, u nitolbu għan-nom tagħhom.
14. Liema inkuraġġiment nistgħu nieħdu mill-1 Pietru 5:5-11?
14 Dan kollu se jikkontribwixxi għall-ferħ tagħna. Tabilħaqq, huwa l-ferħ taʼ Jehovah li huwa l-post b’saħħtu tal-fratellanza spiritwali tagħna madwar l-art kollha. Iva, ilkoll kemm aħna nsofru persekuzzjoni u tbatijiet oħrajn. Imma dan għandu jiġbidna flimkien u jagħtina sens t’unità bħala parti mill-organizzazzjoni waħda ġenwina t’Alla fuq l-art. Bħalma qal Pietru, għandna numiljaw lilna nfusna taħt l-id setgħana t’Alla, billi nitfgħu l-anzjetà kollha tagħna fuqu bl-għarfien li hu jimpurtah minna. Għandna bżonn noqogħdu għassa għaliex ix-Xitan ifittex li jiblagħna, imma f’dan m’aħniex waħedna, għax Pietru jżid: “Ħudu l-waqfa tagħkom kontra tiegħu, solidi fil-fidi, billi tafu li l-istess affarijiet f’dawk li huma sofferenzi qegħdin jiġu mwettqin fis-sħubija kollha kemm hija taʼ ħutkom fid-dinja.” U din il-fratellanza internazzjonali mimlija ferħ qatt ma se tiġġarraf, għax għandna l-assiguranza li ‘wara li nkunu sofrejna għal ftit żmien, Alla se jtemm it-taħriġ tagħna u se jagħmilna sodi u b’saħħitna.’ (1 Pietru 5:5-11) Aħseb ftit. Il-fratellanza tagħna mimlija ferħ se tibqaʼ għal dejjem!
Ħajja Taʼ Skop
15. Għala jistaʼ jingħad li x-Xhieda taʼ Jehovah għandhom ħajja mimlija skop?
15 Għandna l-ferħ f’din id-dinja taʼ inkwiet għaliex għandna ħajja mimlija skop. Ġejna fdati b’ministeru li jagħmel lilna u lil oħrajn henjin. (Rumani 10:10) Huwa ċertament privileġġ ferrieħi li nkunu ħaddiema sħab t’Alla. F’dan ir-rigward, Pawlu qal: “X’inhu . . . Apollos? Iva, x’inhu Pawlu? Ministri li permezz tagħhom sirtu temmnu, saħansitra skond ma l-Mulej ta lil kull wieħed. Jien ħawwilt, Apollos saqqa, imma Alla baqaʼ jkabbarha; sabiex la hu xi ħaġa dak li jħawwel lanqas hu dak li jsaqqi, imma Alla li jagħmilha tikber. Issa dak li jħawwel u dak li jsaqqi huma ħaġa waħda, imma kull persuna se tirċievi l-ħlas tagħha skond ix-xogħol tagħha stess. Għax aħna ħaddiema sħab t’Alla. Intom l-għalqa t’Alla li qiegħda tiġi kkultivata, il-bini t’Alla.”—1 Korintin 3:5-9.
16, 17. Liema eżempji jistgħu jiġu ċċitati biex jagħtu prova li n-nies taʼ Jehovah għandhom ħajjiet ferriħin taʼ skop?
16 Ħafna eżempji jistgħu jiġu ċċitati biex juru li meta taqdi lil Jehovah bil-fedeltà jirriżulta f’ħajja mimlija skop li timlina bil-ferħ. Tipika hija din l-istqarrija: “Ħarist madwar is-Sala tas-Saltna mimlija nies [dak in-nhar tal-programm tad-dedikazzjoni tagħha] u stajt nara tminn membri mill-familja tiegħi preżenti, inklużi jien u marti u tlieta mit-tfal tagħna u l-imseħbin tagħhom. . . . Marti u jien għaddejna ħajja verament hienja u mimlija skop fis-servizz t’Alla.”
17 Huwa wkoll inkuraġġanti li tirrealizza li taʼ kwalunkwe età wieħed jistaʼ jibda ħajja ferrieħa taʼ skop veru fis-servizz taʼ Jehovah. Per eżempju, waħda mara li tgħallmet il-verità tal-Bibbja f’dar tax-xjuħ tgħammdet bħala waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah fl-età taʼ 102. Hi b’hekk spiċċat ħajjitha bi skop mimli ferħ, ‘tibżaʼ minn dak Alla veru u żżomm il-kmandamenti tiegħu.’—Ekkleżjasti 12:13.
Post B’Saħħtu Li Qatt Ma Jfalli
18. X’jistaʼ jsir biex negħlbu l-indifferenza u biex inżidu l-ferħ tagħna?
18 Il-ferħ taʼ Jehovah huwa post b’saħħtu li qatt ma jfalli għal dawk li huma leali. Madankollu, li jkollna dan il-ferħ ma jfissirx li qatt ma se jkollna mumenti taʼ niket bħal dawk li qanqlu lil Ġesù biex jgħid fil-Ġetsemani: “Ruħi mnikkta profondament, saħansitra sal-mewt.” (Mark 14:32-34) Nassumu li rriżultat l-indifferenza minħabba li ċedejna għal interessi egoistiċi. Allura ejjew inbiddlu l-istil taʼ ħajja tagħna. Jekk naqsilna l-ferħ minħabba li bla egoiżmu nġorru tagħbija tqila taʼ responsabbiltajiet Skritturali, forsi nistgħu nagħmlu aġġustamenti li se jnaqqsu l-istress u jirrestawraw l-ispirtu ferrieħi tagħna. Barra minn hekk, Jehovah se jberikna bil-ferħ jekk infittxu li nogħġbuh billi b’mod vigoruż nirreżistu l-laħam midneb, id-dinja mill-agħar, u x-Xitan.—Galatin 5:24; 6:14; Ġakbu 4:7.
19. Kif għandna nħarsu lejn kwalunkwe privileġġi li għandna fl-organizzazzjoni t’Alla?
19 Għal raġunijiet li ddiskutejna, u għal ħafna oħrajn, għandna ferħ kbir. Kemm jekk aħna pubblikaturi tal-kongregazzjoni jew qegħdin nieħdu sehem f’xi għamla taʼ servizz full-time, ilkoll kemm aħna nistgħu jkollna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej, u dan żgur li se jikkontribwixxi għall-ferħ tagħna. (1 Korintin 15:58) Huma x’inhuma l-privileġġi li għandna fl-organizzazzjoni taʼ Jehovah, ejjew inkunu grati għalihom u bil-ferħ nibqgħu nagħtu servizz sagru lil Dak Alla tagħna taʼ mħabba u taʼ hena.—1 Timotew 1:11.
20. Liema huwa l-akbar privileġġ tagħna, u dwar liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti?
20 B’mod speċjali għandna raġuni biex nithennew bil-privileġġ tagħna li nġorru l-isem kbir taʼ Jehovah bħala x-Xhieda tiegħu. Iva, aħna imperfetti u niffaċċjaw ħafna provi, imma ejjew inżommu f’moħħna l-barkiet taʼ l-għaġeb tagħna bħala Xhieda taʼ Jehovah. U ftakru, l-għażiż Missierna tas-sema qatt ma se jonqosna. Nistgħu nkunu ċerti li dejjem se niġu mberkin jekk il-ferħ taʼ Jehovah huwa l-post b’saħħtu tagħna. (w95 1/15)
Kif Twieġeb Int?
◻ X’inhuwa “l-ferħ taʼ Jehovah”?
◻ Il-Kristjani kif jiksbu ferħ veru?
◻ Liema huma xi raġunijiet għala x-Xhieda taʼ Jehovah huma mimlijin ferħ?
◻ Il-ferħ taʼ Jehovah għala huwa post b’saħħtu li ma jfallix?