Iddedikati—Lil Min?
“Kulma Jehovah tkellem aħna lesti li nagħmluh u nkunu ubbidjenti.”—EŻODU 24:7.
1, 2. (a) Xi nies lejn liema affarijiet huma devoti? (b) Id-dedikazzjoni hija limitata għal dawk b’rabtiet reliġjużi?
FI Frar, 1945, il-piloti taż-Zero-fighter tal-Korp taʼ l-Ajru Yatabe tal-Ġappun kienu miġburin ġewwa sala. Kull wieħed ngħata biċċa karta li fuqha kellu jikteb jekk riedx ikun membru voluntier tal-forza t’attakk kamikaze. “Ħsibt li kienet is-sejħa tiegħi biex nissagrifika lili nnifsi fi żmien taʼ kriżi nazzjonali,” jgħid fizzjal li kien preżenti dak in-nhar. “Imqanqal emozzjonalment biex nagħmel lili nnifsi disponibbli, offrejt lili nnifsi għall-inkarigu.” Hu ġie mħarreġ biex iħaddem u jiggwida Ohka (ajruplan bomba suwiċida) u jikkraxxjah għal ġo bastiment tal-gwerra taʼ l-għadu. Madankollu, il-gwerra ntemmet qabel ma kellu l-opportunità jagħmel dan u b’hekk imut għal pajjiżu u għall-imperatur tiegħu. Meta l-Ġappun tilef il-gwerra l-fidi tiegħu fl-imperatur tfarrket.
2 Kien hemm żmien meta ħafna fil-Ġappun kienu devoti lejn l-imperatur, li kienu jemmnu li kien alla ħaj. F’artijiet oħrajn, kien hemm u għad hemm oġġetti oħrajn taʼ devozzjoni. Miljuni huma devoti lejn Marija, Buddha, jew divinitajiet oħrajn—taʼ spiss irrappreżentati minn idoli. Influwenzati minn oratorja sensazzjonali, xi wħud b’qalb sħiħa jferrgħu flushom li jkunu qalgħu bi tbatija kbira għal ġol-bwiet taʼ l-evanġelizzaturi tat-TV b’appoġġ li jammonta għal devozzjoni. Wara l-gwerra, Ġappuniżi ddiżappuntati fittxew xi ħaġa ġdida li lilha setgħu jiddedikaw il-ħajjiet tagħhom. Għal xi wħud, ix-xogħol sar dik ix-xi ħaġa. Fil-Lvant jew fil-Punent, ħafna jiddedikaw lilhom infushom għall-akkumular tar-rikkezzi. Żgħażagħ jiċċentraw il-ħajjiet tagħhom fuq mużiċisti, li l-istili taʼ ħajja tagħhom jimitaw. Għadd kbir taʼ nies illum saru jqimu lilhom infushom, billi jagħmlu x-xewqat tagħhom stess l-oġġett taʼ devozzjoni tagħhom. (Filippin 3:19; 2 Timotew 3:2) Imma affarijiet jew nies bħal dawn jixirqilhom verament id-devozzjoni b’ruħna kollha?
3. Xi oġġetti taʼ devozzjoni kif urew li kienu bla siwi?
3 Meta jiġu ffaċċjati bir-realtà, dawk li jqimu l-idoli taʼ spiss isiru diżillużi. Devozzjoni lil idoli twassal għal frustrazzjoni meta l-adoraturi jirrealizzaw li l-idoli tagħhom m’huma xejn ħlief “ix-xogħol taʼ jdejn il-bniedem taʼ l-art.” (Salm 115:4) Meta jinkixfu skandli li jinvolvu lil evanġelizzaturi prominenti, nies sinċieri jħossuhom iddiżappuntati. Meta l-ekonomija bħal “bużżieqa tas-sapun” infaqgħet, ħaddiema esperjenzaw diżordnijiet mentali hekk kif sabu ruħhom fuq il-lista taʼ dawk li kienu qegħdin jingħataw is-sensja. Riċessjonijiet riċenti taw daqqa taʼ ħarta qawwija lil adoraturi taʼ Mammona. Djun magħmulin bit-tama li jagħmlu ħafna flus saru tagħbija bi ftit prospett li jitħallsu. (Mattew 6:24, nota taʼ taħt) Meta kantanti popolari u artisti oħrajn idolizzati jmutu jew tonqsilhom il-popolarità, l-adoraturi tagħhom jitħallew abbandunati. U dawk li segwew mod taʼ ħajja taʼ gratifikar tagħhom infushom taʼ spiss jaħsdu frott qares.—Galatin 6:7.
4. X’inhuwa li jqanqal lin-nies biex jiddedikaw il-ħajjiet tagħhom lil affarijiet bla siwi?
4 Xi jqanqal lil nies biex jiddedikaw lilhom infushom lil affarijiet vojti bħal dawn? Fil-biċċa l-kbira, huwa l-ispirtu tad-dinja taħt Satana x-Xitan. (Efesin 2:2, 3) L-influwenza taʼ dan l-ispirtu tidher f’modi diversi. Wieħed jistaʼ jkun ikkontrollat minn tradizzjoni tal-familja li ilha ġejja mill-antenati tiegħu. L-edukazzjoni u t-trobbija jistgħu jinfluwenzaw b’mod qawwi l-ħsieb. L-atmosfera fil-post tax-xogħol tistaʼ timbotta lil “gwerriera taʼ korporazzjoni” għal leblieba għax-xogħol li tistaʼ tkun taʼ theddida għall-ħajja. Xewqa għal iżjed hija żviluppata mill-attitudni materjalistika tad-dinja. Il-qlub taʼ ħafna jiġu korrotti, billi jqanqluhom biex jiddedikaw lilhom infushom għax-xewqat egoistiċi tagħhom stess. Huma jonqsu li jeżaminaw jekk dan il-ġiri wara l-materjaliżmu jixraqlux devozzjoni bħal din.
Ġens Iddedikat
5. Liema dedikazzjoni lil Jehovah saret ’il fuq minn 3,500 sena ilu?
5 ’Il fuq minn 3,500 sena ilu, ġens wieħed taʼ nies sab oġġett taʼ devozzjoni bil-wisq iżjed denju. Iddedikaw lilhom infushom lil Alla sovran, Jehovah. Bħala grupp, il-ġens taʼ Iżrael iddikjara d-dedikazzjoni tiegħu lil Alla fix-xagħri taʼ Sinaj.
6. X’kellu jkun is-sinjifikat taʼ isem Alla għall-Iżraeliti?
6 X’qanqal lill-Iżraeliti biex jaġixxu b’dan il-mod? Meta kienu fil-jasar fl-Eġittu, Jehovah inkariga lil Mosè biex imexxihom lejn il-libertà. Mosè staqsa kif għandu jiddeskrivi lil dak Alla li kien bagħtu, u Alla rrivela lilu nnifsu bħala “jien se nagħti prova li nkun dak li se nagħti prova li nkun.” Hu ordna lil Mosè biex jgħid lil ulied Iżrael: “Jien se nagħti prova li nkun bagħatni għandkom.” (Eżodu 3:13, 14) Din l-espressjoni indikat li Jehovah isir kulma huwa meħtieġ sabiex iwettaq l-iskopijiet tiegħu. Kien se jirrivela lilu nnifsu bħala l-Wettieq tal-wegħdi b’mod li l-antenati taʼ l-Iżraeliti qatt ma kienu jafu bih.—Eżodu 6:2, 3.
7, 8. L-Iżraeliti liema evidenzi kellhom li Jehovah kien Alla denju tad-devozzjoni tagħhom?
7 L-Iżraeliti xehdu l-afflizzjoni taʼ l-art taʼ l-Eġittu u tan-nies tiegħu bil-Għaxar Kastigi. (Salm 78:44-51) Imbagħad, x’aktarx iktar minn tliet miljuni minnhom, inklużi nisa u tfal, ippakkjaw kollox u ħarġu mill-art taʼ Goxen f’lejl wieħed, li fih innifsu kien twettieq taʼ l-għaġeb. (Eżodu 12:37, 38) Imbagħad, ħdejn il-Baħar l-Aħmar, Jehovah wera lilu nnifsu bħala “persuna vigoruża tal-gwerra” meta salva lin-nies tiegħu mill-qawwiet militari taʼ Farawni billi fetaħ il-baħar biex iħalli lill-Iżraeliti jgħaddu u iktar tard billi għalqu biex jgħarraq lill-Eġizzjani li ġew jiġru warajhom. Bħala riżultat, “Iżrael ukoll ġie li jara l-id kbira li Jehovah poġġa fl-azzjoni kontra l-Eġizzjani; u n-nies bdew jibżgħu minn Jehovah u jpoġġu fidi f’Jehovah.”—Eżodu 14:31; 15:3; Salm 136:10-15.
8 Bħal li kieku kien għad jonqoshom evidenza taʼ xi jfisser l-isem t’Alla, l-Iżraeliti gemgmu kontra Jehovah u r-rappreżentant tiegħu Mosè dwar skarsezzi taʼ ikel u ilma. Jehovah bagħat is-summien, tafaʼ xita taʼ manna, u ġagħal l-ilma joħroġ igelgel minn ġo blata f’Meriba. (Eżodu 16:2-5, 12-15, 31; 17:2-7) Jehovah ħeles ukoll lill-Iżraeliti mill-attakk taʼ l-Amalekiti. (Eżodu 17:8-13) Bl-ebda mod l-Iżraeliti ma setgħu jiċħdu dak li Jehovah iktar tard iddikjara lil Mosè: “Jehovah, Jehovah, Alla mimli ħniena u grazzjuż, bil-mod biex jirrabja u abbundanti fil-qalb tajba bl-imħabba u fil-verità, jerfaʼ qalb tajba bl-imħabba għal eluf, jaħfer l-iżball u n-nuqqas u d-dnub.” (Eżodu 34:6, 7) Tabilħaqq, Jehovah ta prova tiegħu nnifsu li kien oġġett denju tad-devozzjoni tagħhom.
9. Jehovah għala ta lill-Iżraeliti l-opportunità li jesprimu d-dedikazzjoni tagħhom biex jaqduh, u kif wieġbu?
9 Għalkemm Jehovah kellu d-dritt taʼ proprjetarju fuq l-Iżraeliti għaliex kien fdiehom mill-Eġittu, hu, bħala dak Alla taʼ qalb tajba u mimli ħniena, tahom l-opportunità li volontarjament jesprimu x-xewqa tagħhom biex jaqduh. (Dewteronomju 7:7, 8; 30:15-20) Ħejja wkoll il-kundizzjonijiet għall-patt bejnu u l-Iżraeliti. (Eżodu 19:3-8; 20:1–23:33) Meta dawn il-kundizzjonijiet ġew irrakkontati minn Mosè, l-Iżraeliti ddikjaraw: “Kulma Jehovah tkellem aħna lesti li nagħmluh u nkunu ubbidjenti.” (Eżodu 24:3-7) Bir-rieda ħielsa tagħhom stess, saru ġens iddedikat lill-Mulej Sovran Jehovah.
Apprezzament Iwassal Għal Dedikazzjoni
10. Id-dedikazzjoni tagħna lil Jehovah fuq liema ħaġa għandha tkun ibbażata?
10 Jehovah, il-Ħallieq, ikompli jkun denju tad-devozzjoni tagħna b’ruħna kollha. (Malakija 3:6; Mattew 22:37; Rivelazzjoni 4:11) Madankollu, id-dedikazzjoni tagħna m’għandhiex tkun ibbażata fuq kredulità, emozzjonijiet tal-mument, jew imbottar minn oħrajn—saħansitra minn ġenituri. Trid tkun ibbażata fuq għarfien eżatt tal-verità dwar Jehovah u apprezzament għal dak li Jehovah għamel għalina. (Rumani 10:2; Kolossin 1:9, 10; 1 Timotew 2:4) Sewwa sew bħalma Jehovah ta lill-Iżraeliti l-opportunità biex jesprimu volontarjament id-dedikazzjoni tagħhom, hekk jagħti lilna ċans biex volontarjament niddedikaw lilna nfusna u nagħmlu dik id-dedikazzjoni pubblika.—1 Pietru 3:21.
11. L-istudju tagħna tal-Bibbja x’irrivela dwar Jehovah?
11 Permezz taʼ studju tal-Bibbja, insiru nafu lil Alla bħala persuna. Il-Kelma tiegħu tgħinna nagħrfu l-kwalitajiet tiegħu kif riflessi fil-ħolqien. (Salm 19:1-4) Nistgħu naraw mill-Kelma tiegħu li hu mhux xi Trinità misterjuża li ma jistax jiġi mifhum. Ma jitlifx gwerer u b’hekk ma jkollux jirrenunzja d-Divinità tiegħu. (Eżodu 15:11; 1 Korintin 8:5, 6; Rivelazzjoni 11:17, 18) Għaliex wettaq il-wegħdi tiegħu, niġu mfakkrin f’dak li l-isem sabiħ tiegħu, Jehovah, jissinjifika. Hu l-Wieħed Grandjuż taʼ Skop. (Ġenesi 2:4, nota taʼ taħt; Salm 83:18; Isaija 46:9-11) Billi nistudjaw il-Bibbja, insiru nifhmu b’mod ċar kemm hu leali u taʼ min jafdah.—Dewteronomju 7:9; Salm 19:7, 9; 111:7.
12. (a) X’inhuwa li jattirana lejn Jehovah? (b) Esperjenzi li ġraw vera mniżżlin fil-Bibbja kif iqanqlu lil individwu biex ikun irid jaqdi lil Jehovah? (ċ) Kif tħossok int dwar li taqdi lil Jehovah?
12 Dak li speċjalment jattirana lejn Jehovah huwa l-personalità taʼ mħabba tiegħu. Il-Bibbja turi kemm hu taʼ mħabba, li jaħfer, u mimli ħniena f’li jittratta mal-bnedmin. Aħseb dwar kif ipprosperixxa lil Ġob wara li Ġob bil-fedeltà żamm l-integrità tiegħu. L-esperjenza taʼ Ġob tenfasizza li “Jehovah hu teneru ferm fl-affezzjoni u mimli ħniena.” (Ġakbu 5:11; Ġob 42:12-17) Aħseb dwar kif Jehovah ittratta maʼ David meta kkommetta adulterju u qtil. Iva, Jehovah lest li jaħfer saħansitra dnubiet serji meta l-midneb javviċinah b’“qalb miksura u mgħaffġa.” (Salm 51:3-11, 17) Aħseb dwar il-mod kif Jehovah ittratta maʼ Sawl taʼ Tarsus, li għall-ewwel kien persekutur determinat tan-nies t’Alla. Dawn l-eżempji jenfasizzaw il-ħniena t’Alla u kemm hu lest b’mod ġeneruż li juża wħud li jindmu. (1 Korintin 15:9; 1 Timotew 1:15, 16) Pawlu ħass li setaʼ jissogra l-istess ħajtu f’li jaqdi lil dan Alla taʼ mħabba. (Rumani 14:8) Tħossok int bħalu?
13. Liema espressjoni kbira taʼ mħabba min-naħa taʼ Jehovah tqanqal lil uħud b’qalb disposta biex jiddedikaw lilhom infushom lilu?
13 Għall-Iżraeliti, Jehovah ipprovda salvazzjoni mill-jasar fl-Eġittu, u ħejja mezz biex isalvana mill-jasar għad-dnub u l-mewt—is-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù Kristu. (Ġwann 3:16) Pawlu jgħid: “Alla jirrikmanda l-imħabba tiegħu stess lilna billi, waqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina.” (Rumani 5:8) Dan l-arranġament taʼ mħabba jqanqal lil uħud b’qalb disposta biex jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu. “Għax l-imħabba li l-Kristu għandu ġġegħilna, għaliex dan huwa dak li aħna ġġudikajna, li bniedem wieħed miet għal kulħadd; mela, allura, kollha kienu mietu; u hu miet għal kulħadd biex dawk li jgħixu jistgħu jgħixu mhux iktar għalihom infushom, imma għal dak li miet għalihom u ġie mqajjem.”—2 Korintin 5:14, 15; Rumani 8:35-39.
14. L-għarfien waħdu dwar kif Jehovah jittratta m’oħrajn huwa biżżejjed biex iqanqalna sabiex niddedikaw il-ħajjiet tagħna lilu? Spjega.
14 Xorta, li jkollok għarfien dwar il-personalità taʼ Jehovah u l-mod kif jittratta maʼ l-umanità m’huwiex biżżejjed. Apprezzament persunali għal Jehovah irid jiġi kkultivat. Dak kif jistaʼ jsir? Billi napplikaw il-Kelma t’Alla fil-ħajjiet tagħna u naraw għalina nfusna li l-prinċipji li jinsabu fiha tassew jaħdmu. (Isaija 48:17) Irridu nħossuna li Jehovah salvana mill-ħama taʼ did-dinja mill-agħar taħt il-ħakma taʼ Satana. (Qabbel 1 Korintin 6:11.) Fit-taqbida tagħna biex nagħmlu dak li huwa sewwa, nitgħallmu biex nistrieħu fuq Jehovah, u nesperjenzaw għalina nfusna li Jehovah hu dak Alla l-ħaj, “Semmiegħ it-talb.” (Salm 62:8; 65:2) Malajr inħossuna qrib ħafna tiegħu u nkunu nistgħu nafdaw miegħu s-sentimenti l-iktar ġewwinin tagħna. Is-sentiment kordjali taʼ mħabba għal Jehovah jikber fina. Dan bla dubju jwassalna biex niddedikaw il-ħajjiet tagħna lilu.
15. X’kien li qanqal lil wieħed raġel, li qabel kien iddedikat għax-xogħol sekulari, biex jaqdi lil Jehovah?
15 Ħafna saru jafu lil dan Alla taʼ mħabba, Jehovah, u ddedikaw il-ħajjiet tagħhom biex jaqdu lilu. Ikkunsidra bħala eżempju lil wieħed elektrixin li kellu negozju li jrendi. Kien hemm waqtiet meta kien jibda jaħdem fil-għodu u jibqaʼ sejjer matul il-ġurnata kollha u saħansitra matul il-lejl kollu, billi jasal id-dar fil-ħamsa taʼ l-għada fil-għodu. Wara li jistrieħ għal xi siegħa, kien jerġaʼ joħroġ biex jibda biċċa xogħol oħra. “Kont iddedikat għax-xogħol tiegħi,” jiftakar. Meta martu bdiet tistudja l-Bibbja, ingħaqad magħha. Jgħid: “L-allat kollha li kont naf sa dak iż-żmien kienu qegħdin jistennew li jiġu moqdijin, waqt li ma jagħmlu xejn biex jibbenefikaw lilna. Imma Jehovah ħa l-inizjattiva u bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fuq l-art b’sagrifiċċju persunali kbir.” (1 Ġwann 4:10, 19) Fi żmien għaxar xhur, dan ir-raġel kien iddedikat lil Jehovah. Wara dak, ikkonċentra fuq li jaqdi lil dak Alla l-ħaj. Beda jieħu sehem fil-ministeru full-time u mar jaqdi fejn il-ħtieġa kienet akbar. Hu, bħall-appostli, ‘ħalla kollox u segwa lil Ġesù.’ (Mattew 19:27) Wara xahrejn, hu u martu ġew mitlubin biex jaqdu fil-fergħa tal-Watch Tower Bible and Tract Society fil-pajjiż fejn kienu joqogħdu, sabiex ikun jistaʼ jgħin f’xogħol taʼ l-elettriku. Għal iktar minn 20 sena, ilu jaħdem fil-fergħa, billi jagħmel ix-xogħol li jħobb—mhux għalih innifsu—imma għal Jehovah.
Agħmel Id-Dedikazzjoni Tiegħek Pubblika
16. Liema huma xi passi li wieħed irid jieħu f’li jagħmel dedikazzjoni lil Jehovah?
16 Wara li jkunu studjaw il-Bibbja għal xi żmien, kemm żgħażagħ kif ukoll xjuħ se jsiru japprezzaw lil Jehovah u dak li għamel għalihom. Dan għandu jqanqalhom biex jagħtu lilhom infushom lil Alla. Forsi int wieħed minn dawn. Kif tistaʼ tiddedika lilek innifsek lil Jehovah? Wara li tkun ħadt għarfien eżatt mill-Bibbja, għandek taġixxi fuq dak l-għarfien u teżerċita fidi f’Jehovah u f’Ġesù Kristu. (Ġwann 17:3) Indem u dur lura minn xi korsa midinba tal-passat. (Atti 3:19) Imbagħad se tasal għall-pass tad-dedikazzjoni, billi tesprimiha fi kliem solenni taʼ talb lil Jehovah. Din it-talba bla dubju se tħalli impressjoni dejjiema f’moħħok, għax se tkun il-bidu taʼ relazzjoni ġdida maʼ Jehovah.
17. (a) L-anzjani għala jirrevedu mistoqsijiet ippreparati maʼ wħud iddedikati ġodda? (b) Liema pass importanti għandu jittieħed malajr wara d-dedikazzjoni taʼ l-individwu, u għal liema skop?
17 Sewwa sew bħalma Mosè spjega lill-Iżraeliti l-kundizzjonijiet biex jidħlu f’relazzjoni taʼ patt maʼ Jehovah, l-anzjani fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah jgħinu lil dawk li riċentement ikunu għamlu dedikazzjoni biex jeżaminaw eżattament x’inhuwa nvolut. Jużaw mistoqsijiet ippreparati biex jikkonfermaw li kull wieħed jifhem bis-sħiħ it-tagħlim bażiku tal-Bibbja u li hu konxju taʼ x’inhuwa involut f’li jkun Xhud taʼ Jehovah. Imbagħad, ċerimonja biex tagħmel id-dedikazzjoni pubblika hija tassew xierqa. M’għandniex xi ngħidu, wieħed li għadu kif iddedika lilu nnifsu hu ħerqan biex juri lil oħrajn li daħal f’din ir-relazzjoni pprivileġġjata maʼ Jehovah. (Qabbel Ġeremija 9:24.) Dan isir b’mod xieraq billi jieħu l-magħmudija taʼ l-ilma bħala simbolu tad-dedikazzjoni. Li jiġi mgħaddas fl-ilma u mbagħad imtellaʼ jissimbolizza li hu jmut għall-korsa taʼ ħajja egoistika taʼ qabel u jiġi mqajjem għal mod ġdid taʼ ħajja, dak li jagħmel ir-rieda t’Alla. M’hijiex sagrament, lanqas xi ritwal bħar-rit Xinto taʼ misogi li fih il-persuna huwa mifhum li titnaddaf bl-ilma.a Minflok, il-magħmudija hija d-dikjarazzjoni pubblika taʼ dedikazzjoni li diġà saret permezz tat-talb.
18. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li d-dedikazzjoni tagħna ma tkunx għal xejn?
18 Din l-okkażjoni solenni hija esperjenza li ma tintesiex, billi tfakkar lill-qaddej il-ġdid t’Alla dwar ir-relazzjoni dejjiema li issa għandu maʼ Jehovah. Kuntrarju għad-dedikazzjoni li l-pilota kamikaze kien jagħmel lil pajjiżu u lill-imperatur tiegħu, din id-dedikazzjoni lil Jehovah ma tkunx għal xejn, għaliex hu dak Alla li jistaʼ kollox u etern li jwettaq kulma għandu f’moħħu li jagħmel. Hu, u hu biss, denju tad-devozzjoni tagħna b’ruħna kollha.—Isaija 55:9-11.
19. X’se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss?
19 Madankollu, iżjed huwa nvolut f’dedikazzjoni. Per eżempju, id-dedikazzjoni kif teffettwa l-ħajja tagħna minn jum għal jum? Dan se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss. (w95 3/1)
[Nota taʼ taħt]
a Ara Mankind’s Search for God, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., paġni 194-5.
Tiftakar Int?
◻ Id-dedikazzjoni bħalma tidher fid-dinja għala spiċċat f’diżappunt?
◻ X’qanqal lill-Iżraeliti sabiex jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah?
◻ Xi jqanqal lilna biex niddedikaw lilna nfusna lil Jehovah illum?
◻ Kif niddedikaw lilna nfusna lil Alla?
◻ X’inhuwa s-sinjifikat tal-magħmudija taʼ l-ilma?
[Stampa f’paġna 24]
Iżrael fis-Sinaj jiddedika lilu nnifsu lil Jehovah