Mgħallmin Minn Jehovah Sa dan il-Jum
“Jehovah innifsu tani l-ilsien taʼ l-uħud mgħallmin.”—ISAIJA 50:4.
1, 2. (a) Jehovah għal liema ħaġa pprepara lill-istudent favorit tiegħu, u x’kien ir-riżultat? (b) Ġesù kif irrikonoxxa s-Sors tat-tagħlim tiegħu?
ALLA JEHOVAH ilu Għalliem minn mindu sar Missier. Xi żmien wara li xi wħud mit-tfal tiegħu rribellaw, hu pprepara lill-istudent favorit tiegħu, l-Ewwel Imwieled tiegħu, għal ministeru fuq l-art. (Proverbji 8:30) Isaija kapitlu 50 profetikament jippreżenta lil dan l-istudent bħala li jgħid: “Il-Mulej Sovran Jehovah innifsu tani l-ilsien taʼ l-uħud mgħallmin, sabiex inkun nistaʼ naf kif inwieġeb lill-wieħed għajjien b’kelma.” (Isaija 50:4) Bħala riżultat taʼ l-applikar tat-tagħlim taʼ Missieru meta kien fuq l-art, Ġesù kien sors taʼ serħan għal dawk kollha li kienu ‘għajjenin u mtaqqlin.’—Mattew 11:28-30.
2 Ġesù għamel ħafna xogħlijiet potenti matul l-ewwel seklu. Fetaħ għajnejn l-għomja u saħansitra qajjem il-mejtin, u madankollu hu kien primarjament magħruf mill-kontemporanji tiegħu bħala għalliem. Is-segwaċi tiegħu kif ukoll l-opponenti tiegħu hekk sejħulu. (Mattew 8:19; 9:11; 12:38; 19:16; Ġwann 3:2) Ġesù qatt ma ħa l-kredtu għal dak li għallem imma b’umiltà rrikonoxxa: “Dak li ngħallem m’huwiex tiegħi, imma jappartjeni lil dak li bagħatni.” “Sewwa sew bħalma l-Missier għallem lili jien nitkellem dawn l-affarijiet.”—Ġwann 7:16; 8:28; 12:49.
Relazzjoni Ideali Bejn L-Għalliem u L-Istudent
3. Il-profezija taʼ Isaija kif tindika l-interess taʼ Jehovah f’dawk li lilhom jgħallem?
3 Għalliem eċċellenti jieħu interess persunali, kuxjenzjuż, u taʼ mħabba fl-istudenti tiegħu. Isaija kapitlu 50 jirrivela li Alla Jehovah għandu dak it-tip taʼ interess f’dawk li lilhom jgħallem. “Hu jqajjem għodwa wara għodwa,” tinnota l-profezija, ‘iqajjem lil widinti biex nismaʼ bħall-uħud mgħallmin.’ (Isaija 50:4) Il-lingwaġġ hawnhekk jissuġġerixxi għalliem li jqajjem lill-istudenti tiegħu kmieni fil-għodu sabiex jgħallimhom. Billi kkummenta fuq l-applikar tal-profezija, wieħed studjuż tal-Bibbja osserva: “L-idea hija li l-Feddej kellu jkun . . . wieħed li kien, biex ngħidu hekk, fl-iskola t’Alla; u li kellu jkun ikkwalifikat biex jagħti struzzjoni lil oħrajn. . . . Il-Messija kellu jkun ikkwalifikat b’mod eminenti, b’tagħlim Divin, biex ikun l-għalliem taʼ l-umanità.”
4. Ġesù kif wieġeb għat-tagħlim taʼ Missieru?
4 Idealment, l-istudenti jirreaġixxu għat-tagħlim taʼ l-għalliem tagħhom. Ġesù kif irreaġixxa għat-tagħlim taʼ Missieru? Ir-reazzjoni tiegħu kienet fi qbil maʼ dak li naqraw f’Isaija 50:5: “Il-Mulej Sovran Jehovah innifsu fetaħ lil widinti, u jien, min-naħa tiegħi, ma kontx ribelluż. Ma dortx fid-direzzjoni opposta.” Iva, Ġesù kien ħerqan biex jitgħallem. Kien, skond ma jgħid il-qawl, widnejh miftuħin. Iżjed minn hekk, kien lest li jagħmel kwalunkwe ħaġa li staqsieh Missieru. Ma kienx ribelluż; minflok, qal: “Ħalli sseħħ, mhux ir-rieda tiegħi, imma tiegħek.”—Luqa 22:42.
5. (a) X’jindika li Ġesù kien jaf bil-quddiem dwar il-provi li kellu jsofri fuq l-art? (b) Il-profezija f’Isaija 50:6 kif twettqet?
5 Il-profezija tindika li l-Iben kien informat dwar il-konsegwenzi li setgħu jiġu jekk jagħmel ir-rieda t’Alla. Dan huwa muri minn dak li jgħid il-wieħed mgħallem: “Dahri tajt lil dawk li jsawtu, u ħaddejja lil dawk li qegħdin iqaċċtu x-xagħar. Wiċċi ma ħbejtux minn affarijiet umiljanti u bżieq.” (Isaija 50:6) Bħalma tindika l-profezija, Ġesù kien stmat bi krudeltà fuq l-art. “Beżqulu f’wiċċu,” kiteb l-appostlu Mattew. “Oħrajn tawh bil-ħarta f’wiċċu.” (Mattew 26:67) Dan seħħ taħt idejn mexxejja reliġjużi fil-lejl tal-Qbiż tat-33 E.K. L-għada Ġesù ta dahru lil dawk li jsawtu, hekk kif is-suldati Rumani sawtuh bla ħniena qabel ma dendluh maʼ zokk biex imut.—Ġwann 19:1-3, 16-23.
6. X’juri li Ġesù qatt ma tilef il-fiduċja fl-Għalliem tiegħu, u l-fiduċja tiegħu kif ġiet ippremjata?
6 L-Iben, mgħallem tajjeb minn qabel, qatt ma tilef il-fiduċja fl-Għalliem tiegħu. Dan huwa muri minn dak li jgħid wara skond il-profezija: “[I]l-Mulej Sovran Jehovah innifsu se jgħinni. Dak huwa għala mhux se jkolli nħossni umiljat.” (Isaija 50:7) Il-fiduċja taʼ Ġesù fl-għajnuna taʼ l-Għalliem tiegħu ġiet ippremjata b’mod għani. Missieru eżaltah, billi bierku b’pożizzjoni superjuri ’l fuq minn dik tal-qaddejja l-oħrajn kollha t’Alla. (Filippin 2:5-11) Barkiet grandjużi huma maħżunin għalina wkoll jekk b’ubbidjenza nżommu mat-tagħlim taʼ Jehovah u ma ‘ndurux fid-direzzjoni opposta.’ Ejjew inħarsu lejn kif dak it-tagħlim intgħamel disponibbli sa żmienna.
Programm Taʼ Tagħlim Espandut
7. Jehovah kif wettaq it-tagħlim tiegħu fuq l-art?
7 Bħalma nnotajna qabel, Jehovah uża lir-Rappreżentant tiegħu fuq l-art, Ġesù Kristu, biex iwettaq tagħlim divin matul l-ewwel seklu. (Ġwann 16:27, 28) Ġesù kontinwament irrefera għall-Kelma t’Alla bħala l-awtorità għat-tagħlim tiegħu, billi ta l-eżempju lil dawk li lilhom għallem. (Mattew 4:4, 7, 10; 21:13; 26:24, 31) Wara dan, it-tagħlim taʼ Jehovah ġie mmexxi fuq l-art permezz tal-ministeru taʼ wħud mgħallmin bħal dawn. Ftakar li Ġesù kkmandahom: “Morru għalhekk u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, . . . billi tgħallmuhom josservaw l-affarijiet kollha li kkmandajtkom.” (Mattew 28:19, 20) Meta saru xi dixxipli, dawn saru parti mid-“dar t’Alla, . . . [i]l-kongregazzjoni taʼ dak Alla ħaj.” (1 Timotew 3:15) Kienu fformati wkoll f’kongregazzjonijiet individwali li fihom kienu jiġu mgħallmin minn Jehovah. (Atti 14:23; 15:41; 16:5; 1 Korintin 11:16) Kompla t-tagħlim divin b’dak il-mod sa żmienna?
8. Ġesù kif indika li x-xogħol taʼ l-ippridkar kellu jiġi ddireġut fuq l-art qabel ma kellu jiġi t-tmiem?
8 Tabilħaqq li kompla! Tlett ijiem qabel mewtu, Ġesù bassar li qabel it-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet, kellu jkun hemm xogħol kbir taʼ ppridkar. “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha,” qal, “u mbagħad se jiġi t-tmiem.” Ġesù ssokta jiddeskrivi l-mezz li bih dan il-programm dinji taʼ ppridkar u tagħlim kellu jiġi ddireġut. Tkellem dwar “l-irsir leali u diskret” li kellu jaqdi bħala mezz taʼ komunikazzjoni, jew strument, biex jipprovdi lill-qaddejja Tiegħu b’ikel spiritwali. (Mattew 24:14, 45-47) Alla Jehovah uża lil dan l-“irsir” biex jindokra l-interessi tas-Saltna maʼ l-art kollha.
9. Min jifforma l-irsir leali u diskret?
9 Illum, l-irsir leali u diskret huwa fformat mill-fdal taʼ werrieta tas-Saltna. Dawn huma Kristjani midlukin, l-uħud li baqaʼ fuq l-art mill-144,000, li “jappartjenu lil Kristu” u li huma parti miż-“żerriegħa t’Abraham.” (Galatin 3:16, 29; Rivelazzjoni 14:1-3) Kif tistaʼ int tidentifika l-irsir leali u diskret? Partikolarment mix-xogħol li jagħmlu u miż-żamma mill-qrib tagħhom mal-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
10. Liema strumenti huma wżati mill-klassi taʼ l-irsir biex jippromwovu t-tagħlim taʼ Jehovah?
10 Jehovah juża lil dan l-“irsir” bħala l-mezz tiegħu biex jgħallem lin-nies illum. Dawk tal-klassi taʼ l-irsir adottaw l-isem Xhieda taʼ Jehovah fl-1931. Minn dak iż-żmien ’l hawn miljuni assoċjaw magħhom u aċċettaw dak l-isem u ngħaqdu f’li jipproklamaw is-Saltna t’Alla. Din ir-rivista, It-Torri Taʼ L-Għassa Jħabbar Is-Saltna Taʼ Jehovah, hija l-istrument prinċipali wżat mill-“irsir” fix-xogħol taʼ tagħlim. Madankollu, pubblikazzjonijiet oħrajn huma wżati wkoll, inklużi kotba kbar u żgħar, libretti, fuljetti, u r-rivista Awake!
11. L-“irsir” liema skejjel sponsorja, u kull waħda minn dawn l-iskejjel liema skop taqdi?
11 Jerġaʼ, l-“irsir” jisponsorja diversi skejjel. Dawn jinkludu l-Watchtower Bible School of Gilead, li huwa kors taʼ ħames xhur li jħejji lil ministri żgħażagħ għal servizz missjunarju barrani, u l-kors taʼ xahrejn taʼ l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali, li jħarreġ lil anzjani u qaddejja ministerjali li m’humiex miżżewġin għal xogħlijiet teokratiċi speċjali. Hemm ukoll l-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna, li fiha anzjani u qaddejja ministerjali Kristjani jiġu perjodikament struwiti fir-responsabbiltajiet kongregazzjonali tagħhom, u l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier, li tforni lil evanġelizzaturi full-time biex isiru iżjed effettivi fl-attività tagħhom taʼ l-ippridkar.
12. Liema huwa fattur taʼ kull ġimgħa tal-programm taʼ tagħlim?
12 Fattur ieħor tal-programm taʼ tagħlim huwa l-ħames laqgħat fil-ġimgħa li jinżammu fl-iktar minn 75,000 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah mad-dinja kollha. Tibbenefika int bis-sħiħ kemm jistaʼ jkun minn dawn il-laqgħat? Bl-attenzjoni li tagħti għall-istruzzjoni mogħtija, turi int li tassew temmen li qiegħed, biex ngħidu hekk, fl-iskola t’Alla? Il-progress spiritwali tiegħek jagħmilha ovvja għal oħrajn li int għandek “l-ilsien taʼ l-uħud mgħallmin”?—Isaija 50:4; 1 Timotew 4:15, 16.
Mgħallmin Fil-Laqgħat Tal-Kongregazzjoni
13. (a) Liema huwa mod importanti li bih Jehovah jgħallem lin-nies tiegħu llum? (b) Kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għal It-Torri Taʼ L-Għassa?
13 Jehovah jgħallem partikolarment lin-nies tiegħu permezz taʼ studju taʼ kull ġimgħa tal-Bibbja, bl-użu taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa bħala għajnuna għat-tagħlim. Tqis int din il-laqgħa bħala post fejn tistaʼ tiġi mgħallem minn Jehovah? Għalkemm Isaija 50:4 japplika primarjament għal Ġesù, jistaʼ japplika wkoll għal dawk kollha li jieħdu vantaġġ mill-provvedimenti t’Alla biex jirċievu “l-ilsien taʼ l-uħud mgħallmin.” Mod wieħed kif tistaʼ turi li tgħożż It-Torri Taʼ L-Għassa huwa billi taqra kull ħarġa kemm jistaʼ jkun malajr wara li tirċeviha. Imbagħad, meta It-Torri Taʼ L-Għassa jiġi studjat fil-kongregazzjoni, tistaʼ turi l-apprezzament tiegħek lejn Jehovah billi tkun preżenti u wkoll billi tkun ippreparat biex tagħmel dikjarazzjoni pubblika tat-tama tiegħek.—Ebrej 10:23.
14. (a) Li nikkummentaw fil-laqgħat għala huwa privileġġ daqshekk importanti? (b) Liema xorta taʼ kummenti miż-żgħar huma l-iktar inkuraġġanti?
14 Tapprezza int li bil-kummenti tiegħek fil-laqgħat, tistaʼ jkollok parti fil-programm grandjuż taʼ tagħlim taʼ Jehovah? Bla dubju, li nikkummentaw fil-laqgħat huwa mod importanti li bih nistgħu nqanqlu lil xulxin għall-“imħabba u xogħlijiet mill-aħjar.” (Ebrej 10:24, 25) Jistgħu t-tfal ikollhom parti wkoll f’dan il-programm taʼ struzzjoni? Iva, jistgħu. Kummenti mill-qalb minn uħud żgħar huma taʼ spiss inkuraġġanti għal uħud akbar. Xi drabi, uħud ġodda fil-laqgħat tagħna ġew immotivati bil-kummenti taʼ tfal biex jieħdu interess iżjed serju fil-verità tal-Bibbja. Xi żgħażagħ spiss jagħmluha drawwa li jaqraw il-kummenti tagħhom direttament mill-paragrafu jew li jirrepetu wara xi adult li jkun qiegħed ifesfsilhom f’widnejhom. Madankollu, huwa l-iktar inkuraġġanti meta l-kummenti tagħhom jkunu ppreparati tajjeb. Ikkummentar bħal dan verament iġib unur lill-Għalliem Grandjuż tagħna u lill-programm taʼ tagħlim eżaltat tiegħu.—Isaija 30:20, 21.
15. Il-ġenituri x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lit-tfal jikkummentaw b’mod iżjed effettiv?
15 Huwa ħaġa taʼ ferħ li tara lit-tfal iridu jieħdu sehem f’li jfaħħru lil Alla tagħna. Ġesù apprezza espressjonijiet taʼ tifħir minn uħud żgħar. (Mattew 21:15, 16) Wieħed anzjan Kristjan jagħmel l-osservazzjoni: “Meta kont tifel, ridt nikkummenta fl-Istudju taʼ It-Torri Taʼ L-Għassa. Wara li kien jgħinni nipprepara xi kumment, missieri kien ikun iridni li nipprattika l-kumment minn taʼ l-inqas sebaʼ darbiet.” Forsi matul l-istudju tagħkom tal-Bibbja mal-familja, intom il-ġenituri tistgħu tgħinu lit-tfal tagħkom jippreparaw xi kummenti fi kliemhom stess fuq paragrafi magħżulin f’It-Torri Taʼ L-Għassa. Għinuhom japprezzaw il-privileġġ kbir li għandhom f’li jieħdu sehem fil-programm taʼ tagħlim taʼ Jehovah.
16. X’kien il-benefiċċju taʼ l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, u min jistaʼ jinkiteb fl-iskola?
16 It-tagħlim f’laqgħat Kristjani oħrajn għandu wkoll jingħata konsiderazzjoni serja, kemm minn dawk li huma pprivileġġati li jwasslu l-informazzjoni kif ukoll minn dawk li jisimgħu l-istruzzjoni ppreżentata. Għal iktar minn 50 sena issa, Jehovah uża l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku taʼ kull ġimgħa biex iħarreġ miljuni taʼ rġiel u nisa biex jippreżentaw il-messaġġ tas-Saltna b’mod iżjed effettiv. Dawk li jassoċjaw b’mod attiv mal-kongregazzjoni jistgħu jinkitbu, inklużi nies li bdew riċentement jattendu għal-laqgħat, dment li qegħdin jgħixu ħajja li hija f’armonija maʼ prinċipji Kristjani.
17. (a) Il-Laqgħa Pubblika għal liema skop kienet partikolarment stabbilita? (b) Kelliema pubbliċi liema affarijiet għandhom iżommu f’moħħhom?
17 Aspett ieħor tal-programm taʼ tagħlim li ilu għaddej snin sħaħ huwa l-Laqgħa Pubblika. Bħalma huwa indikat mill-isem, il-laqgħa kienet stabbilita partikolarment biex tiffamiljarizza lil uħud li m’humiex Xhieda maʼ tagħlim bażiku tal-Bibbja. B’hekk, il-wieħed li jkun qiegħed jagħti t-taħdita jeħtieġ li jippreżenta l-informazzjoni sabiex tkun tiftiehem minn dawk li jkunu qegħdin jisimgħu l-messaġġ għall-ewwel darba. Dan ifisser li jispjega termini bħalma huma “ngħaġ oħrajn,” “aħwa,” u “fdal,” termini li wħud li m’humiex Xhieda jistgħu ma jifhmux. Ladarba n-nies li jattendu għal-Laqgħa Pubblika jistgħu jkollhom twemmin jew stili taʼ ħajja li huma forsi kuntrarju għall-Iskrittura—għalkemm aċċettabbli fis-soċjetà tal-lum—il-kelliemi għandu dejjem juri tattika u qatt ma jwaqqaʼ għaċ-ċajt twemmin jew stili taʼ ħajja bħal dawn.—Qabbel 1 Korintin 9:19-23.
18. Liema laqgħat tal-kongregazzjoni oħrajn hemm kull ġimgħa, u xi skopijiet jaqdu?
18 L-Istudju tal-Ktieb fil-Kongregazzjoni huwa laqgħa li fiha pubblikazzjonijiet ippreparati taħt id-direzzjoni taʼ l-irsir leali u diskret jiġu studjati kull ġimgħa flimkien mal-Bibbja. Il-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand! huwa dak li fil-preżent qiegħed jiġi studjat f’ħafna pajjiżi. Il-Laqgħa tas-Servizz hija mfassla biex tforni lin-nies taʼ Jehovah biex ikollhom sehem sħiħ f’li jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u biex jagħmlu dixxipli.—Mattew 28:19, 20; Mark 13:10.
Mgħallmin F’Laqgħat Akbar
19. L-“irsir” liema laqgħat akbar iħejji kull sena?
19 Għal iktar minn 50 sena, ‘l-irsir leali’ ħejja konvenzjonijiet u assembleat għat-tagħlim u inkuraġġiment speċjali tal-veri Kristjani. Tliet laqgħat akbar bħal dawn issa jinżammu kull sena. Hemm l-assemblea taʼ ġurnata li jattendu għaliha grupp taʼ kongregazzjonijiet li jifformaw circuit. Matul is-sena, kull circuit għandu wkoll ġbir taʼ jumejn imsejjaħ circuit assembly. Jerġaʼ, hemm ġbir imsejjaħ konvenzjoni distrettwali, li jattendu għalih għadd taʼ circuits. F’xi snin jistaʼ jkun hemm konvenzjonijiet internazzjonali. Dawn il-laqgħat kbar b’Xhieda mistednin minn ħafna pajjiżi huma verament taʼ tisħiħ taʼ fidi għan-nies taʼ Jehovah!—Qabbel Dewteronomju 16:16.
20. X’ġie enfasizzat b’mod konsistenti f’laqgħat akbar tax-Xhieda taʼ Jehovah?
20 Fl-1922, meta madwar 10,000 iltaqgħu f’Cedar Point, Ohio, fl-Istati Uniti, id-delegati ġew spirati bl-inkuraġġiment tal-kelliemi: “Dan huwa l-jum minn fost il-jiem kollha. Araw, is-Sultan jirrenja! Intom l-aġenti tiegħu taʼ pubbliċità. Għalhekk irriklamaw, irriklamaw, irriklamaw, lis-Sultan u lis-saltna tiegħu.” Konvenzjonijiet kbar bħal dawn b’mod konsistenti poġġew enfasi fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar. Per eżempju, fil-konvenzjoni internazzjonali fil-belt taʼ New York fl-1953, ġie annunzjat it-twaqqif taʼ programm taʼ taħriġ minn dar għal dar fil-kongregazzjonijiet kollha. L-attwar tiegħu kellu effett pożittiv ħafna fuq l-ippridkar tas-Saltna f’ħafna pajjiżi.
Mgħallmin Minn Alla Biex Ngħallmu
21. Liema privileġġ irridu naċċettaw, billi ma nitilfux l-iskop tiegħu?
21 Ċertament, Jehovah għandu programm taʼ tagħlim meraviljuż fuq l-art illum! Dawk kollha li jieħdu vantaġġ minnu jistgħu jiġu mgħallmin minn Alla, iva, jistgħu jkunu fost dawk li ngħataw “l-ilsien taʼ l-uħud mgħallmin.” Xi privileġġ li tkun, biex ngħidu hekk, fl-iskola t’Alla! Madankollu, meta naċċettaw dan il-privileġġ, ma rridux nitilfu l-iskop tiegħu. Jehovah għallem lil Ġesù sabiex ikun jistaʼ jgħallem lil oħrajn, u Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-istess xogħol li kien qiegħed jagħmel hu imma fuq skala saħansitra akbar. B’mod simili, aħna qegħdin niġu mħarrġin fil-programm taʼ tagħlim grandjuż taʼ Jehovah għall-iskop li ngħallmu lil oħrajn.—Ġwann 6:45; 14:12; 2 Korintin 5:20, 21; 6:1; 2 Timotew 2:2.
22. (a) Mosè u Ġeremija liema problema kellhom, imma kif ġiet solvuta? (b) Liema assiguranza jistaʼ jkollna li Alla se jieħu ħsieb li l-ippridkar tas-Saltna jiġi mwettaq?
22 Tgħid int, bħalma qal Mosè, “Jien m’inix kelliemi fluwenti,” jew bħalma qal Ġeremija, “Jien attwalment ma nafx kif nitkellem”? Jehovah se jgħin lilek bħalma għen lilhom. “Jien innifsi se nagħti prova li nkun maʼ fommok,” qal lil Mosè. U lil Ġeremija qallu: “Tibżax . . . jien miegħek.” (Eżodu 4:10-12; Ġeremija 1:6-8) Meta mexxejja reliġjużi riedu jsikktu lid-dixxipli tiegħu, Ġesù qal: “Kieku dawn baqgħu siekta, il-ġebel kien jgħajjat.” (Luqa 19:40) Imma l-ġebel ma kellux għalfejn jgħajjat f’dak iż-żmien, u lanqas għandu bżonn jagħmel hekk issa għaliex Jehovah qiegħed juża l-ilsien taʼ l-uħud mgħallmin tiegħu biex iwasslu l-messaġġ tiegħu tas-Saltna. (w95 8/1)
Tistaʼ Twieġeb Int?
◻ Liema relazzjoni ideali bejn l-Għalliem u l-istudent hija enfasizzata f’Isaija kapitlu 50?
◻ Jehovah kif mexxa programm taʼ tagħlim estensiv?
◻ X’inhuma xi aspetti tat-tagħlim taʼ Jehovah?
◻ Għala huwa privileġġ grandjuż li tieħu sehem fil-programm taʼ tagħlim taʼ Jehovah?
[Stampa f’paġna 28]
Kummenti mill-qalb mit-tfal huma taʼ spiss inkuraġġanti għal uħud akbar