LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w96 7/1 pp. 9-14
  • Barkiet jew Maledizzjonijiet—Eżempji Għalina Llum

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Barkiet jew Maledizzjonijiet—Eżempji Għalina Llum
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Twissija Kontra L-​Idolatrija
  • Twissija Kontra L-​Fornikazzjoni
  • Twissija Kontra Lmenti Ribellużi
  • Twissija Kontra T-​Tgergir
  • Tgħallem, u Gawdi L-​Barkiet
  • Issirux Uħud li Tisimgħu Biss u Tinsew
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • “Ibqgħu Agħmlu Kollox bla Tgergir”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Inwettqu d-Dedikazzjoni Tagħna “Jum Wara Jum”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Barkiet jew Maledizzjonijiet—Hemm Għażla!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
w96 7/1 pp. 9-14

Barkiet jew Maledizzjonijiet​—Eżempji Għalina Llum

“Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-​żminijiet.”—1 KORINTIN 10:11.

1. Saħansitra bħalma wieħed jispezzjona biċċa għodda, liema spezzjoni għandna nagħmlu aħna?

MINGĦAJR ma jidher taħt passata żebgħa, is-​sadid jistaʼ jibda jmermer biċċa għodda magħmula mill-​ħadid. Jistaʼ jgħaddi ftit taż-​ żmien qabel ma s-​sadid jibda jidher fil-​wiċċ. B’mod simili, l-​attitudnijiet u x-​xewqat tal-​qalb taʼ dak li jkun jistgħu jibdew jiddeterjoraw ħafna qabel ma dan jirriżulta f’konsegwenzi serji jew saħansitra qabel ma jiġi nnotat minn oħrajn. Bħalma kieku konna niflu bil-​għaqal biċċa għodda biex naraw jekk hux qiegħda tissaddad, hekk ukoll spezzjoni mill-​qrib u manutenzjoni taʼ qlubna fil-​ħin jistgħu jippreservaw l-​integrità Kristjana tagħna. Fi kliem ieħor, aħna nistgħu nirċievu l-​barkiet t’Alla u nevitaw maledizzjonijiet divini. Xi wħud jistgħu jaħsbu li l-​barkiet u l-​maledizzjonijiet ippronunzjati fuq Israel tal-​qedem għandhom ftit li xejn tifsir għal dawk li qed jiffaċċjaw it-​tmiem taʼ din is-​sistema t’affarijiet. (Ġożwè 8:34, 35; Mattew 13:49, 50; 24:3) Madankollu, dak mhux minnu. Aħna nistgħu nibbenefikaw bis-​sħiħ mill-​eżempji taʼ twissija li jinvolvu lil Israel, bħalma huma mniżżlin fl-​1 Korintin kapitlu 10.

2. 1 Korintin 10:5, 6 x’jgħid dwar l-​esperjenzi taʼ Israel fix-​xagħri?

2 L-​appostlu Pawlu jagħmel paralleli bejn l-​Israeliti taħt Mosè u l-​Kristjani taħt Kristu. (1 Korintin 10:1-4) Għalkemm il-​poplu taʼ Israel setaʼ daħal fl-​Art Imwiegħda, il-​“biċċa l-​kbira minnhom lil Alla ma għoġbuhx għax ġisimhom intaxar fid-​deżert.” Pawlu għalhekk qal lil Kristjani sħabu: “Dan ġara b’eżempju għalina, biex ma nixxennqux għal ħwejjeġ ħżiena, bħalma xxenqu huma.” (Korsiv tagħna.) (1 Korintin 10:5, 6) Ix-​xewqat ibejtu fil-​qalb, u għalhekk aħna għandna bżonn nagħtu kas taʼ l-​eżempji taʼ twissija li jsemmi Pawlu.

Twissija Kontra L-​Idolatrija

3. L-​Israeliti kif dinbu f’konnessjoni maʼ l-​għoġol tad-​deheb?

3 L-​ewwel twissija taʼ Pawlu hija: “Tmorrux wara l-​allat foloz, kif għamlu xi wħud minnhom, bħalma hemm miktub: ‘Il-​poplu qagħad bil-​qiegħda jiekol u jixrob, u qamu jixxalaw.’” (Korsiv tagħna.) (1 Korintin 10:7) Dan l-​eżempju taʼ twissija jirreferi għall-​mod kif l-​Israeliti daru lejn il-​mogħdijiet taʼ l-​Eġittu u għamlu għoġol idolatruż tad-​deheb. (Eżodu, kapitlu 32) Id-​dixxiplu Stiefnu indika l-​problema bażika: “[Lil Mosè, ir-​rappreżentant t’Alla] missirijietna ma ridux jisimgħu minnu, anzi warrbuh, u b’qalbhom reġgħu daru lejn l-​Eġittu meta qalu lil Aron, ‘Agħmlilna allat, biex jimxu huma quddiemna, għax aħna ma nafux x’sar minnu dan Mosè li ħariġna mill-​art taʼ l-​Eġittu!’ Dak in-​nhar għamlu għoġol u offrew sagrifiċċju lil l-​idolu; u ferħu b’dak li kienu għamlu b’idejhom.” (Atti 7:39-41) Innota li “b’qalbhom” l-​Israeliti żvijati żammew fihom infushom xewqat żbaljati li wasslu għal idolatrija. “Għamlu għoġol u offrew sagrifiċċju lil l-​idolu.” Iktar minn hekk, huma “ferħu b’dak li kienu għamlu b’idejhom.” Kien hemm mużika, kant, żfin, ikel, u xorb. Ovvjament, l-​idolatrija kienet tħajjar u taʼ divertiment.

4, 5. Liema prattiċi idolatrużi għandna bżonn nevitaw?

4 L-​Eġittu antitipiku​—id-​dinja taʼ Satana—​effettivament iqim lid-​divertiment. (1 Ġwann 5:19; Apokalissi 11:8) Huwa jidolizza lil atturi, kantanti, u stilel taʼ l-​isport, kif ukoll iż-​żfin tagħhom, il-​mużika tagħhom, il-​kunċetti tagħhom taʼ gost u pjaċir. Ħafna ġew ittantati biex jintefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom għad-​divertiment fil-​waqt li xorta jibqgħu jistqarru li jqimu lil Jehovah. Meta Kristjan ikollu jiġi mwiddeb għal għemil ħażin, l-​istat spiritwali mdgħajjef tiegħu jistaʼ taʼ spiss jiġi ttraċċat lura għal użu taʼ xorb alkoħoliku, żfin, u xalar li b’xi mod jistaʼ javviċina l-​idolatrija. (Eżodu 32:5, 6, 17, 18) Xi divertiment huwa bnin u taʼ pjaċir. Madankollu, illum il-​biċċa l-​kbira mill-​mużika taʼ din id-​dinja, iż-​żfin, il-​films, u l-​vidjos jinkuraġġixxu xewqat korrotti tal-​ġisem.

5 Kristjani veri ma jċedux għall-​qima taʼ idoli. (2 Korintin 6:16; 1 Ġwann 5:21) Jalla kull wieħed minna joqgħod daqstant attent biex ma jsirx ivvizzjat għal divertiment idolatruż u jirriskja li jsofri l-​effetti detrimentali taʼ li jkun mgħaddas fl-​akkwist taʼ pjaċiri tad-​dinja. Jekk nissottomettu rwieħna għal influwenzi dinjin, xewqat u attitudnijiet taʼ ħsara jistgħu bla ma nindunaw jgħammru fil-​moħħ u fil-​qalb. Meta ma jiġux ikkorreġuti, dawn jistgħu eventwalment jirriżultaw f’li ‘nintaxru fid-​deżert’ tas-​sistema taʼ Satana.

6. Liema azzjoni pożittiva nistgħu jkollna bżonn nieħdu rigward id-​divertiment?

6 Bħal Mosè fiż-​żmien taʼ l-​inċident taʼ l-​għoġol tad-​deheb, fil-​fatt “l-​irsir leali u diskret” qiegħed jgħid: “Min iżomm mal-​Mulej jiġi ħdejja.” Li nieħdu azzjoni pożittiva biex nuru li aħna weqfin sodi għall-​qima pura jistaʼ jsalvalna ħajjitna. It-​tribù Levita taʼ Mosè aġixxa mill-​ewwel biex ikeċċi ’l barra influwenzi li jbaxxu. (Mattew 24:45-47, NW; Eżodu 32:26-28) Għalhekk, mela, eżamina bir-​reqqa l-​għażla tiegħek taʼ divertiment, mużika, videos, u affarijiet bħal dawn. Jekk din hi korrotta b’xi mod, ħu l-​waqfa tiegħek għal Jehovah. Billi tistrieħ fuq Alla bit-​talb, agħmel bidliet fl-​għażla tiegħek taʼ divertiment u mużika, u eqred il-​materjal li hu taʼ ħsara spiritwalment, saħansitra bħalma Mosè qered l-​għoġol tad-​deheb.—Eżodu 32:20; Dewteronomju 9:21.

7. Kif nistgħu nipproteġu lill-​qalb figurattiva?

7 Kif nistgħu naġixxu kontra t-​tmermir tal-​qalb? Billi nistudjaw il-​Kelma t’Alla b’mod diliġenti, u nħallu l-​veritajiet tagħha jidħlu fil-​fond fi mħuħna u fi qlubna. (Rumani 12:1, 2) M’għandniex xi ngħidu, għandna nattendu għal laqgħat Kristjani regolarment. (Lhud 10:24, 25) Li nattendu għal-​laqgħat b’mod passiv jistaʼ jiġi mqabbel maʼ li tiżboħ fuq roqgħa msadda. Dan jistaʼ jissollevana għal ftit, imma ma jsolvix il-​problema bażika. Minflok, bi preparazzjoni bil-​quddiem, meditazzjoni, u parteċipazzjoni attiva fil-​laqgħat, nistgħu nneħħu b’mod aggressiv elementi li jmermru li jistgħu jitlajjaw fil-​fond tal-​qalb figurattiva tagħna. Dan se jgħinna biex inżommu sod mal-​Kelma t’Alla u se jsaħħaħna biex nissaportu provi taʼ fidi u nsiru “perfetti u sħaħ.”—Ġakbu 1:3, 4; Proverbji 15:28.

Twissija Kontra L-​Fornikazzjoni

8-10. (a) Liema eżempju taʼ twissija ssir referenza għalih fl-1 Korintin 10:8? (b) Il-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’Mattew 5:27, 28, kif jistaʼ jiġi applikat b’mod taʼ benefiċċju?

8 Fl-​eżempju li jmiss taʼ Pawlu, niġu mwissijin: “Anqas ma għandna niżnu, kif xi wħud minnhom żnew, u f’jum wieħed mietu tlieta u għoxrin elf ruħ.”a (1 Korintin 10:8) L-​appostlu kien qiegħed jirreferi għaż-​żmien meta l-​Israeliti mielu quddiem allat foloz u ‘waqgħu fiż-​żina mal-​bniet taʼ Mowab.’(Numri 25:1-9) Immoralità sesswali ġġib il-​mewt! Li nħallu ħsibijiet u xewqat immorali jiġru bina qisu bħal meta nħallu l-​qalb “tissaddad.” Ġesù stqarr: “Smajtu xi ntqal, ‘La tagħmilx adulterju.’ Imma jiena ngħidilkom li kull min [jibqaʼ] iħares lejn mara u jixtieqha jkun ġa għamel adulterju magħha f’qalbu.”—Mattew 5:27, 28.

9 Xiehda tal-​konsegwenzi taʼ li ‘tħares lejn mara u tixtieqha’ huwa r-​riżultat tal-​ħsieb baxx taʼ l-​anġli diżubbidjenti qabel id-​Dilluvju taʼ żmien Noè. (Ġenesi 6:1, 2) Ftakar, ukoll, li wieħed mill-​iktar inċidenti traġiċi fil-​ħajja tas-​Sultan David kien tqanqal mill-​fatt li hu baqaʼ jħares b’mod mhux xieraq lejn mara. (2 Samwel 11:1-4) F’kuntrast, ir-​raġel miżżewweġ u twajjeb Ġob ‘għamel patt maʼ għajnejh li fuq xebba ma jixħethomx,’ u b’hekk evita l-​immoralità u ta prova li kien wieħed li jżomm l-​integrità. (Ġob 31:1-3, 6-11) L-​għajnejn jistgħu jiġu mqabblin mat-​twieqi tal-​qalb. U huwa minn qalb korrotta li joħorġu ħafna affarijiet mill-​agħar.—Mark 7:20-23.

10 Jekk napplikaw il-​kliem taʼ Ġesù, m’aħniex se nħallu ħsibijiet żbaljati jiġru bina billi noqogħdu naraw materjal pornografiku jew billi nħaddnu ħsibijiet immorali rigward Kristjani sħabna, uħud li jaħdmu magħna, jew oħrajn. Is-​sadid ma jitneħħiex mill-​metall sempliċement billi tfarfar it-​tmermir. Għalhekk, twarrabx ħafif ħafif ideat u tendenzi immorali bħal li kieku kienu taʼ ftit sinjifikat. Ħu miżuri qawwijin biex teħles lilek innifsek minn ġibdiet immorali. (Qabbel Mattew 5:29, 30.) Pawlu jwiddeb lil kredenti sħabu: “Mewtu . . . dak kollu [fil-membri taʼ ġisimkom] li hu taʼ l-​art: żina, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u l-​idolatrija tar-​regħba. Minħabba dan tilħaq il-​korla taʼ Alla lil dawk li ma jobdux.” Iva, minħabba affarijiet bħalma hija l-​immoralità sesswali, “tilħaq il-​korla taʼ Alla”​—bħala l-​espressjoni tal-​maledizzjoni tiegħu. Għalhekk għandna bżonn ‘immewtu’ l-​membri taʼ ġisimna rigward dawn l-​affarijiet.—Kolossin 3:5, 6.

Twissija Kontra Lmenti Ribellużi

11, 12. (a) Liema twissija hi mogħtija fl-​1 Korintin 10:9, u liema inċident saret referenza għalih? (b) It-​twissija taʼ Pawlu kif għandha teffettwana?

11 Pawlu mbagħad iwissi: “Anqas ma għandna nġarrbu l-​Mulej, kif xi wħud minnhom ġarrbuh, u qerduhom is-​sriep.” (1 Korintin 10:9) Waqt li kienu qegħdin jivvjaġġaw fix-​xagħri ħdejn il-​fruntiera t’Edom, l-​Israeliti ‘bdew igergru kontra Alla u kontra Mosè: “Għala tellajtuna mill-​Eġittu biex immutu fid-​deżert? M’hawnx ħobż u lanqas ilma; aħna xbajna b’dan l-​ikel ħafif,”’ il-​manna li kienet ipprovduta mirakolożament. (Numri 21:4, 5) Aħseb ftit! Dawk l-​Israeliti ‘baqgħu jgergru kontra Alla,’ billi qalu li l-​provvedimenti tiegħu kienu taʼ min imaqdarhom!

12 Bl-​ilmenti tagħhom, l-​Israeliti kienu qegħdin jittestjaw il-​paċenzja taʼ Jehovah. Il-​kastig ma nżammx lura, għaliex Jehovah bagħat sriep velenużi fosthom, u ħafna mietu bil-​gdim tas-​sriep. Wara li l-​poplu nidem u Mosè interċeda għalih, il-​kastig inġieb fi tmiemu. (Numri 21:6-9) Żgur li dan l-​inċident għandu jservi bħala twissija għalina biex ma nurux spirtu ribelluż taʼ lmentar, speċjalment kontra Alla u l-​arranġamenti teokratiċi tiegħu.

Twissija Kontra T-​Tgergir

13. 1 Korintin 10:10 kontra liema ħaġa jwissi, u Pawlu liema ribelljoni kellu f’moħħu?

13 Billi jsemmi l-​eżempju finali tiegħu li jinvolvi l-​Israeliti fix-​xagħri, Pawlu jikteb: “Anqas ma għandkom tgergru, kif għamlu xi wħud minnhom, u qeridhom il-​qerried.” (1 Korintin 10:10) Ribelljoni sbroffat meta Kora, Datan, Abiram, u l-​imseħbin tagħhom aġixxew b’mod mhux teokratiku u sfidaw l-​awtorità taʼ Mosè u Aronne. (Numri 16:1-3) Wara l-​qerda tar-​ribelli, l-​Israeliti bdew igergru. Dan kien għaliex huma bdew jirraġunaw li l-​qerda tar-​ribelli ma kenitx ġusta. Numri 17:6 [Numri 16:41, NW] jistqarr: “Il-​għada l-​ġemgħa kollha taʼ wlied Israel bdew igemgmu kontra Mosè u Aron u jgħidu: ‘Intom qtiltu l-​poplu tal-​Mulej.’” Bħala riżultat tal-​kritika tagħhom għall-​mod kif ġiet amministrata l-​ġustizzja f’dik l-​okkażjoni, 14,700 Israelit inqerdu minn flaġell mibgħut b’mod divin.—Numri 17:14 [Numri 16:49, NW].

14, 15. (a) Liema kien wieħed mid-​dnubiet taʼ ‘l-​irġiel taʼ mingħajr Alla’ li ndiehsu fil-​kongregazzjoni? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​inċident li kien jinvolvi lil Kora?

14 Fl-​ewwel seklu E.K., ‘irġiel taʼ mingħajr Alla’ li ndiehsu fil-​kongregazzjoni Kristjana wrew li kienu għalliema foloz kif ukoll uħud li jgergru. Dawn l-​irġiel kienu “jiċħdu l-​awtorità taʼ Alla, iżebilħu l-​ħlejjaq glorjużi,” irġiel midlukin li f’dak iż-​żmien ġew fdati bl-​indokrar spiritwali tal-​kongregazzjoni. Rigward l-​apostati taʼ mingħajr Alla, id-​dixxiplu Ġuda qal ukoll: “Dawn huma dawk li jgergru, li jisħtu xortihom, jiġru wara l-​ġibdiet koroh tagħhom.” (Ġuda 3, 4, 8, 16) Illum, xi individwi jsiru gergiera għaliex iħallu attitudni li tmermer spiritwalment tiżviluppa f’qalbhom. Taʼ spiss jikkonċentraw fuq l-​imperfezzjonijiet taʼ dawk f’pożizzjoni taʼ indokrar fil-​kongregazzjoni u jibdew igergru kontra tagħhom. It-​tgergir u l-​ilmentar tagħhom jistaʼ saħansitra jwassal għal li jikkritikaw pubblikazzjonijiet taʼ “l-​irsir leali.”

15 Huwa xieraq li tistaqsi mistoqsijiet sinċieri dwar suġġett Skritturali. Imma xi ngħidu li kieku kellna niżviluppaw attitudni negattiva li tintwera f’diskussjonijiet kritiċi fost ċirku intimu taʼ ħbieb? Nagħmlu tajjeb kieku nistaqsu lilna nfusna, ‘Fejn x’aktarx se jwassal dan? Ma jkunx ħafna aħjar li nieqfu mit-​tgergir u nitolbu bl-​umiltà għall-​għerf?’ (Ġakbu 1:5-8; Ġuda 17-21) Kora u dawk li appoġġjawh, li rribellaw kontra l-​awtorità taʼ Mosè u Aronne, għandhom mnejn kienu tant konvinti li l-​perspettiva tagħhom kienet valida, li m’eżaminawx il-​motivi tagħhom. Minkejja dan, kienu żbaljati għalkollox. L-​istess kienu żbaljati l-​Israeliti li gergru dwar il-​qerda taʼ Kora u r-​ribelli l-​oħrajn. Kemm hu għaqli li nħallu eżempji bħal dawn iqanqluna biex neżaminaw il-​motivi tagħna, inwarrbu t-​tgergir jew l-​ilmentar, u nħallu lil Jehovah jirfinana!—Salm 17:1-3.

Tgħallem, u Gawdi L-​Barkiet

16. X’inhi s-​sustanza taʼ l-​eżortazzjoni taʼ l-1 Korintin 10:11, 12?

16 Taħt ispirazzjoni divina, Pawlu jikkonkludi l-​lista taʼ messaġġi taʼ twissija bl-​eżortazzjoni: “Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bi twiddiba għalina li fuqna wasal tmiem iż-​żminijiet. Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.” (1 Korintin 10:11, 12) Jalla ma jonqosniex l-​apprezzament għall-​waqfa tagħna fil-​kongregazzjoni Kristjana.

17. X’għandna nagħmlu jekk nindunaw b’xi motiv mhux xieraq f’qalbna?

17 Bħalma l-​ħadid għandu tendenza li jissaddad, l-​istess aħna d-​dixxendenti tal-​midneb Adam writna inklinazzjoni lejn il-​ħażen. (Ġenesi 8:21; Rumani 5:12) Għalhekk, m’għandniex niġu skuraġġiti jekk nindunaw b’xi motiv mhux xieraq f’qalbna. Minflok, ejjew nieħdu azzjoni deċiżiva. Meta l-​ħadid ikun espost għall-​arja umda jew ambjent kawstiku, it-​tmermir tiegħu jiżdied bil-​għaġla. Għandna bżonn nevitaw li niġu esposti għall-​“arja” tad-​dinja taʼ Satana, bid-​divertiment vili tagħha, immoralità bla rażan, u xejra negattiva tal-​moħħ.—Efesin 2:1, 2.

18. Jehovah x’għamel rigward it-​tendenzi żbaljati taʼ l-​umanità?

18 Jehovah forna lill-​umanità b’mezz biex iġib fix-​xejn tendenzi żbaljati li writna. Hu ta l-​Iben uniġenitu tiegħu sabiex dawk li jeżerċitaw fidi fih jistgħu jkollhom ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 3:16) Jekk insegwu l-​passi taʼ Ġesù mill-​qrib u nuru personalità bħal taʼ Kristu, se nkunu barka għal oħrajn. (1 Pietru 2:21) Se nirċievu wkoll, mhux maledizzjonijiet, imma barkiet divini.

19. Kif nistgħu nibbenefikaw milli nikkunsidraw eżempji Skritturali?

19 Għalkemm illum aħna suxxettibbli għall-​iżball daqskemm kienu l-​Israeliti tal-​qedem, għandna l-​Kelma t’Alla kompleta miktuba biex tiggwidana. Mill-​paġni tagħha nitgħallmu dwar l-​aġir taʼ Jehovah maʼ l-​umanità kif ukoll il-​kwalitajiet tiegħu murijin b’eżempju minn Ġesù, “[i]d-dija tal-​glorja taʼ Alla u x-​xbieha taʼ l-​essenza tiegħu.” (Lhud 1:1-3; Ġwann 14:9, 10) Permezz taʼ talb u studju diliġenti taʼ l-​Iskrittura, nistgħu jkollna “l-​ħsieb taʼ Kristu.” (1 Korintin 2:16) Meta nkunu ffaċċjati minn tentazzjonijiet u provi oħrajn tal-​fidi tagħna, nistgħu nibbenefikaw billi nikkunsidraw eżempji Skritturali tal-​qedem u speċjalment l-​eżempju superlattiv taʼ Ġesù Kristu. Jekk nagħmlu hekk, ma jkollniex għalfejn nesperjenzaw it-​twettiq taʼ maledizzjonijiet divini. Minflok, se ngawdu l-​favur taʼ Jehovah illum u l-​barkiet tiegħu għal dejjem. (w96 6/15)

[Nota taʼ taħt]

a Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’Ottubru, 1992, paġna 4.

Kif Twieġeb Int?

◻ Kif nistgħu napplikaw il-​parir taʼ Pawlu biex ma nsirux idolatri?

◻ X’nistgħu nagħmlu biex nagħtu kas tat-​twissija taʼ l-​appostlu kontra l-​fornikazzjoni?

◻ Għala għandna nevitaw it-​tgergir u l-​ilmentar?

◻ Kif nistgħu nirċievu barkiet divini u mhux maledizzjonijiet?

[Stampa f’paġna 10]

Jekk irridu barkiet divini, irridu nevitaw l-​idolatrija

[Stampi f’paġna 12]

Saħansitra bħalma s-​sadid għandu bżonn jitneħħa, ejjew nieħdu azzjoni pożittiva biex inneħħu xewqat mhux xierqa minn qlubna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja