Il-Verità Dwar Ġesù
DONNU li m’hemmx tmiem għal teoriji u spekulazzjonijiet dwar min kien Ġesù u x’wettaq. Imma xi ngħidu għall-Bibbja nfisha? Din x’tgħidilna dwar Ġesù Kristu?
Dak Li Tgħid Il-Bibbja
Billi taqra l-Bibbja bir-reqqa, se tinnota dawn il-fatti prinċipali:
◻ Ġesù hu l-Iben uniġenitu t’Alla, l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu.—Ġwann 3:16; Kolossin 1:15.
◻ Xi żewġ millennji ilu, Alla ttrasferixxa l-ħajja taʼ Ġesù għal ġol-ġuf taʼ verġni Lhudija biex jiġi mwieled bħala bniedem.—Mattew 1:18; Ġwann 1:14.
◻ Ġesù kien iktar minn sempliċement raġel tajjeb. Hu kien f’kull aspett riflessjoni leali tal-personalità sabiħa taʼ Missieru, Alla Jehovah.—Ġwann 14:9, 10; Lhud 1:3.
◻ Matul il-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù b’imħabba ħa ħsieb tal-bżonnijiet taʼ dawk maħqurin. Fejjaq mirakolożament lill-morda u saħansitra qajjem lill-mejtin.—Mattew 11:4-6; Ġwann 11:5-45.
◻ Ġesù pproklama s-Saltna t’Alla bħala l-unika tama għall-umanità mnikkta, u ħarreġ lid-dixxipli tiegħu biex ikomplu dan ix-xogħol taʼ l-ippridkar.—Mattew 4:17; 10:5-7; 28:19, 20.
◻ Fl-14 taʼ Nisan (madwar l-1 t’April), 33 E.K., Ġesù ġie arrestat, mgħoddi ġuri, issentenzjat, u maqtul fuq l-akkuża falza taʼ sedizzjoni.—Mattew 26:18-20; 26:48–27:50.
◻ Il-mewt taʼ Ġesù sservi bħala rahan, billi teħles lill-umanità kredenti mill-istat midneb tagħha u b’hekk tiftaħ il-mogħdija għall-ħajja eterna għal dawk kollha li jeżerċitaw fidi fih.—Rumani 3:23, 24; 1 Ġwann 2:2.
◻ Fis-16 taʼ Nisan, Ġesù ġie rxoxtat, u ftit żmien wara dan telaʼ lura lejn is-sema biex iħallas lil Missieru l-valur tar-rahan tal-ħajja umana perfetta tiegħu.—Mark 16:1-8; Luqa 24:50-53; Atti 1:6-9.
◻ Bħala s-Sultan maħtur taʼ Jehovah, Ġesù rxoxtat għandu awtorità sħiħa biex iwettaq l-iskop oriġinali t’Alla għall-bniedem.—Isaija 9:6, 7; Luqa 1:32, 33.
B’hekk, il-Bibbja tippreżenta lil Ġesù bħala l-figura prinċipali fit-twettiq taʼ l-iskopijiet t’Alla. Imma kif tistaʼ tkun ċert li dan hu dak Ġesù veru—Ġesù taʼ l-istorja, li kien imwieled ġewwa Betlehem u li mexa fuq din l-art xi 2,000 sena ilu?
Bażi Għall-Fiduċja
Ħafna dubji jistgħu jitneħħew sempliċement billi taqra l-Iskrittura Griega Kristjana b’moħħ mingħajr preġudizzji. F’li tagħmel hekk, se ssib li r-rakkont tal-Bibbja m’huwiex rakkont vag taʼ ġrajjiet, kif inhu fil-każ tal-mitoloġija. Minflok, ismijiet, żminijiet speċifiċi, u postijiet eżatti huma mniżżlin. (Per eżempju, ara Luqa 3:1, 2.) Iżjed minn hekk, id-dixxipli taʼ Ġesù huma deskritti b’onestà rimarkevoli, bi frankezza li tnissel fiduċja fil-qarrej. Il-kittieba ma ħbew il-ħtijiet taʼ ħadd—saħansitra lanqas tagħhom infushom—sabiex id-dokumentar ikun leali. Iva, int se tinduna li l-Bibbja hija l-verità.—Mattew 14:28-31; 16:21-23; 26:56, 69-75; Mark 9:33, 34; Galatin 2:11-14; 2 Pietru 1:16.
Ir-rakkonti ppreżentati fl-Iskrittura Griega Kristjana kienu aċċettati bla tlaqliq minn eluf li kienu jgħixu fl-ewwel seklu. Saħansitra l-għedewwa tal-Kristjanità ma ċaħdux il-verità taʼ dak li Ġesù ġie rrapportat li qal u li għamel. Inkwantu għall-possibiltà li l-karattru taʼ Ġesù kien mirqum mid-dixxipli tiegħu wara mewtu, il-Professur F. F. Bruce jikkummenta: “Ċertament li ma kinitx daqshekk faċli daqskemm xi kittieba jistgħu jaħsbu biex tivvinta kliem u għemejjel taʼ Ġesù f’dawk is-snin bikrin, meta daqstant dixxipli Tiegħu kienu għadhom ħajjin, li setgħu jiftakru x’kien u x’ma kienx seħħ. . . . Id-dixxipli ma setgħux jaffordjaw li jissograw ineżattezzi (aħseb u ara manipulazzjoni apposta tal-fatti), li kienu jiġu mikxufin mill-ewwel minn dawk li żgur li kienu jieħdu gost jagħmlu hekk.”
Għala Ma Jemmnux
Minkejja dan, xi studjużi jibqgħu xettiċi. Fil-waqt li jassumu li l-kitbiet Bibliċi huma fittizji, huma jiflu b’ħerqa kitbiet apokrifi u jaċċettawhom bħala li huma taʼ min jemminhom! Għala? Ovvjament, il-kitbiet tal-Bibbja fihom affarijiet li ħafna nies intellettwali moderni ma jridux jemmnuhom.
Xi xettiċi għandhom motivi ulterjuri f’li jwarrbu l-Iskrittura Griega Kristjana. Il-problema li għandhom m’hijiex minħabba l-kredibbiltà tagħha imma minħabba l-livelli tagħha. Per eżempju, Ġesù qal dwar is-segwaċi tiegħu: “Huma m’humiex tad-dinja, kif jiena m’iniex tad-dinja.” (Ġwann 17:14) Madankollu, ħafna li jgħidu li huma Kristjani huma involuti profondament fl-affarijiet politiċi taʼ din id-dinja, saħansitra billi huma involuti fi gwerer imdemmijin. Minflok ma jikkonformaw mal-livelli tal-Bibbja, ħafna nies kieku jixtiequ li l-Bibbja tikkonforma mal-livelli tagħhom stess.
Ikkunsidra, ukoll, il-kwistjoni tal-morali. Ġesù ta parir qawwi lill-kongregazzjoni taʼ Tijatira talli ttollerat il-prattika tal-fornikazzjoni. “Jiena hu dak li jifli l-ġewwieni [“kliewi,” New World Translation] u l-qalb,” qalilhom, “u li jagħti lil kull wieħed minnkom skond ma ħaqqu għall-opri tiegħu.”a (Apokalissi 2:18-23) Madankollu, m’huwiex dan veru li ħafna li jistqarru li huma Kristjani jwarrbu l-livelli morali fil-ġenb? Jippreferu jwarrbu dak li qal Ġesù milli jwarrbu l-korsa taʼ kondotta immorali tagħhom.
Insibu Lil Dak Ġesù Veru
Ġesù stinka biex iqanqal il-qlub taʼ dawk li sinċerament huma bil-ġuħ għall-verità u t-tjieba. (Mattew 5:3, 6; 13:10-15) Uħud bħal dawn iwieġbu għall-istedina taʼ Ġesù: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.”—Mattew 11:28-30.
Dan Ġesù veru ma jinstabx fil-kotba miktubin minn studjużi moderni; lanqas ma jinstab fil-knejjes tal-Kristjaneżmu, li saru art għammiela għal tradizzjonijiet magħmulin mill-bniedem. Tistaʼ ssib lil dak Ġesù storiku fil-kopja tiegħek tal-Bibbja. Tixtieq titgħallem iżjed dwaru? Ix-Xhieda taʼ Jehovah ikunu ferħanin li jgħinuk tagħmel dan.
[Nota taʼ taħt]
a Fil-Bibbja, il-kliewi xi kultant jirrappreżentaw il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet l-iktar profondi taʼ dak li jkun.