LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 5/1 pp. 7-11
  • Paċi Vera—Minn Liema Sors?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Paċi Vera—Minn Liema Sors?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Isforzi Falluti Tal-​Bniedem
  • Insibu R-​Raġuni Bażika
  • It-​Triq Lejn Il-​Paċi
  • Ħalli “l-Paċi t’Alla” Tgħasses lil Qalbek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Min Se Jmexxi lill-Bniedem Lejn il-Paċi?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Il-Paċi Dejjiema Meta Se Tiġi Tassew?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
  • Fittex Il-paċi Vera u Sus Warajha!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 5/1 pp. 7-11

Paċi Vera​—Minn Liema Sors?

“[Jehovah] iwaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art.”—SALM 46:10 [SALM 46:9, NW].

1. Liema wegħda meraviljuża taʼ paċi nsibu fil-​profezija taʼ Isaija?

“IS-​SLIEM ikun frott il-​ġustizzja, u l-​ħidma tal-​ġustizzja tkun serħan u tama għal dejjem. U l-​poplu tiegħi f’post tas-​sliem, jgħammar bla biżaʼ, mistrieħ fil-​kwiet.” (Isaija 32:17, 18) X’wegħda sabiħa dik! Hija wegħda taʼ paċi vera miġjuba minn Alla.

2, 3. Iddeskrivi l-​paċi vera.

2 X’inhi, iżda, il-​paċi vera? Hija din sempliċement in-​nuqqas taʼ gwerer? Jew hi biss perijodu li fih il-​ġnus iħejju għall-​gwerra li jmiss? Hija l-​paċi vera sempliċi ħolma? Dawn huma mistoqsijiet li għalihom neħtieġu tweġibiet taʼ min joqgħod fuqhom. L-​ewwel, il-​paċi vera hija wisq iżjed minn ħolma. Il-​paċi mwiegħda t’Alla tisboq lil kwalunkwe ħaġa li din id-​dinja tistaʼ timmaġina. (Isaija 64:3 [Isaija 64:4, NW]) Din m’hijiex paċi għal xi ftit snin jew ftit għexur taʼ snin. Din tibqaʼ għal dejjem! U m’hijiex paċi biss għal xi ftit uħud privileġġati​—tħaddan is-​sema u l-​art, l-​anġli u l-​bnedmin. Testendi għal nies taʼ kull ġens, grupp etniku, lingwa, u kulur. Ma tagħraf ebda fruntieri, ebda barrikati, ebda fallimenti.—Salm 72:7, 8; Isaija 48:18.

3 Paċi vera tfisser paċi kuljum. Tfisser li int tqum kull fil-​għodu mingħajr ħsieb taʼ gwerra, mingħajr ma jkollok tinkwieta dwar il-​futur tiegħek, il-​futur taʼ wliedek, saħansitra l-​futur taʼ wlied uliedek. Tfisser paċi sħiħa tal-​moħħ. (Kolossin 3:15) Tfisser qatt iktar kriminalità, qatt iktar vjolenza, qatt iktar familji mifrudin, qatt iktar nies bla djar, qatt iktar nies imutu bil-​ġuħ jew bil-​kesħa, u qatt iktar disperazzjoni u frustrazzjoni. Jerġaʼ aħjar, il-​paċi t’Alla tfisser dinja mingħajr mard, uġigħ, niket, jew mewt. (Apokalissi 21:4) X’tama meraviljuża għandna li ngawdu l-​paċi vera għal dejjem! M’huwiex dan it-​tip taʼ paċi u hena li lkoll kemm aħna nixxennqu għalih? M’huwiex dan it-​tip taʼ paċi li għandna nitolbu u naħdmu għalih?

L-​Isforzi Falluti Tal-​Bniedem

4. Il-​ġnus liema sforzi għall-​paċi għamlu, u b’liema riżultati?

4 Ilhom sekli sħaħ in-​nies u l-​ġnus jitkellmu dwar il-​paċi, jiddibattu dwar il-​paċi, jiffirmaw mijiet taʼ trattati taʼ paċi. X’kien ir-​riżultat? F’dawn l-​aħħar 80 sena, tistaʼ tgħid li qatt ma kien hemm mument wieħed meta xi ġens jew grupp ma kienx fil-​gwerra. Biċ-​ċar, il-​paċi ħarbitlu lill-​bniedem. Mela l-​mistoqsija hi, Għala fallew l-​isforzi kollha tal-​bniedem biex jistabbilixxi paċi internazzjonali, u l-​bniedem għala mhux kapaċi jġib paċi vera li tibqaʼ?

5. L-​isforzi taʼ l-​umanità għall-​paċi għala fallew konsistentement?

5 It-​tweġiba sempliċi hi li l-​umanità ma daritx lejn is-​sors it-​tajjeb għal paċi vera. Taħt l-​influwenza taʼ Satana x-​Xitan, il-​bnedmin ħolqu organizzazzjonijiet li jaqgħu vittmi tad-​dgħjufijiet u l-​vizzji tagħhom stess​—ir-​regħba u l-​ambizzjoni tagħhom, il-​leblieba tagħhom għall-​poter u l-​prominenza. Irrikorrew għal istituzzjonijiet taʼ tagħlim iktar għoli u stabbilew fondazzjonijiet u korporazzjonijiet, li vvintaw biss iktar mezzi t’oppressjoni u qerda. Il-​bnedmin lejn liema sors ġew iddireġuti? Fejn fittxew?

6, 7. (a) Il-​Lega tan-​Nazzjonijiet liema rekord għamlet għaliha nfisha? (b) X’inhu r-​rekord tal-​Ġnus Magħquda?

6 Lura fl-​1919 il-​ġnus poġġew il-​fiduċja tagħhom fil-​Lega tan-​Nazzjonijiet biex tistabbilixxi paċi permanenti. Dik it-​tama ġiet fix-​xejn meta Mussolini invada l-​Etjopja fl-​1935 u bil-​gwerra ċivili fi Spanja li bdiet fl-​1936. Il-​Lega spiċċat għal kollox meta faqqgħet it-​Tieni Gwerra Dinjija fl-​1939. L-​hekk imsejħa paċi lanqas biss damet 20 sena.

7 Xi ngħidu dwar il-​Ġnus Magħquda? Ipprovdiet din xi tama reali taʼ paċi dejjiema maʼ l-​art kollha? Xejn affattu. Minn mindu din bdiet topera fl-​1945 ġew miġġielda iktar minn 150 gwerra u konflitt bl-​armi! Mhux taʼ b’xejn li Gwynne Dyer, Kanadiż li jistudja dwar il-​gwerra u l-​oriġini tagħha, iddeskriva lill-​ĠM bħala “assoċjazzjoni taʼ ħallelin taʼ l-​annimali mibdulin fi protetturi tagħhom, mhux assemblea taʼ qaddisin,” u “fil-​biċċa l-​kbira istituzzjoni bla saħħa taʼ ħafna paroli fil-​vojt.”—Qabbel Ġeremija 6:14; 8:15.

8. Minkejja t-​taħditiet tagħhom favur il-​paċi, il-​ġnus x’kienu u għadhom qegħdin jagħmlu? (Isaija 59:8)

8 Minkejja l-​paroli tagħhom dwar il-​paċi, il-​ġnus ikomplu jivvintaw u jimmanifatturaw l-​armamenti. Il-​pajjiżi li jisponsorjaw konferenzi taʼ paċi taʼ spiss huma stess qegħdin fuq quddiem fil-​manifattura taʼ l-​armi. Interessi kummerċjali qawwija f’dawn il-​pajjiżi jippromwovu l-​produzzjoni t’armamenti qattiela, inklużi land mines djaboliċi li kull sena joqtlu jew jimmankaw madwar 26,000 nies ċivili kbar u żgħar. Ir-​regħba u l-​korruzzjoni huma forzi motivanti. It-​tixħim u l-​għotjiet taʼ flus imorru id f’id man-​negozju internazzjonali taʼ l-​armi. Xi politikanti jistagħnew minn dan is-​sors.

9, 10. Esperti dinjin x’osservaw rigward il-​gwerer u l-​isforzi umani?

9 F’Diċembru 1995, Joseph Rotblat, xjenzat Pollakk tal-​fiżika u rebbieħ tal-​Premju Nobel għall-​Paċi, appella lill-​ġnus biex iwaqqfu t-​tellieqa taʼ l-​armamenti. Hu qal: “L-​uniku mod biex ma ssirx [tellieqa ġdida taʼ l-​armamenti] huwa li l-​gwerra tiġi abolita għalkollox.” Taħseb int li dan x’aktarx li jseħħ? Mill-​1928 ’il quddiem, 62 ġens irratifikaw il-​Patt Kellogg-Briand li bih irrinunzjaw il-​gwerer bħala mod biex jissetiljaw id-​differenzi. It-​Tieni Gwerra Dinjija wriet biċ-​ċar li l-​patt lanqas biss kien jiswa l-​karta li nkiteb fuqha.

10 Mingħajr ebda dubju, il-​gwerer minn dejjem kienu ġebel taʼ tfixkil fil-​passaġġ taʼ l-​istorja taʼ l-​umanità. Bħalma kiteb Gwynne Dyer, “il-​gwerra hija istituzzjoni ċentrali fiċ-​ċivilizzazzjoni umana, u għandha storja twila daqs iċ-​ċivilizzazzjoni nfisha.” Iva, tistaʼ tgħid li kull ċivilizzazzjoni u imperu kellhom l-​eroj militari meqjumin tagħhom, l-​armati tagħhom dejjem għal-​lest, il-​battalji famużi tagħhom, l-​akkademji militari sagrosanti tagħhom, u l-​ħażna t’armi tagħhom. Madankollu, is-​seklu tagħna huwa kkaratterizzat bi gwerer iktar minn kwalunkwe seklu ieħor, kemm fil-​qerda u kemm fit-​telf taʼ ħajja.

11. Il-​mexxejja dinjin liema fattur bażiku injoraw fit-​tfittxija tagħhom għall-​paċi?

11 Huwa ovvju li l-​mexxejja dinjin injoraw l-​għerf bażiku taʼ Ġeremija 10:23: “Jien naf, Mulej, triq il-​bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-​passi tiegħu.” Jekk Alla jiġi injorat, ma jistax ikun hemm paċi vera. Ifisser dan kollu, allura, li l-​gwerer huma inevitabbli f’soċjetà ċivilizzata? Ifisser dan li l-​paċi​—il-​paċi vera—​hija ħolma impossibbli?

Insibu R-​Raġuni Bażika

12, 13. (a) Il-​Bibbja x’tirrivela rigward il-​kaġun bażiku, inviżibbli tal-​gwerer? (b) Satana kif dawwar l-​attenzjoni taʼ l-​umanità lil hinn mis-​soluzzjoni reali għall-​problemi tad-​dinja?

12 Biex inwieġbu dawk il-​mistoqsijiet, għandna bżonn nifhmu x’jikkaġuna l-​gwerer. Il-​Bibbja tistqarr b’mod ċar li l-​anġlu ribelluż Satana hu l-​“qattiel” u l-​“giddieb” oriġinali u li “d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (Ġwann 8:44; 1 Ġwann 5:19) X’għamel dan biex javanza l-​iskemi tiegħu? Naqraw fit-2 Korintin 4:3, 4: “Jekk imbagħad l-​Evanġelju tagħna jibqaʼ mistur, jibqaʼ mistur għal dawk li jintilfu; dawk li l-​alla taʼ din id-​dinja dallmilhom il-​moħħ tagħhom nieqes mill-​fidi, biex ma jarawx jiddi d-​dawl taʼ l-​Evanġelju glorjuż taʼ Kristu, li hu xbieha taʼ Alla.” Satana jagħmel dak kollu possibbli biex idawwar l-​attenzjoni tal-​bnedmin ’il bogħod mis-​Saltna t’Alla bħala s-​soluzzjoni għall-​problemi tad-​dinja. Hu jagħmi u jiżvija lin-​nies bi kwistjonijiet soċjali, politiċi, u reliġjużi diviżivi, sabiex dawn jidhru li huma iżjed importanti mit-​tmexxija t’Alla. Il-​mewġa dinjija riċenti taʼ nazzjonaliżmu hija eżempju f’waqtu.

13 Satana x-​Xitan jippromwovi n-​nazzjonaliżmu u t-​tribwaliżmu, it-​twemmin fis-​superjorità taʼ xi ġens, razza, jew tribù fuq oħrajn. Mibegħda b’għeruq fil-​fond li ilha tiġi mrażżna għal sekli sħaħ qiegħda tingħata l-​ħajja mill-​ġdid biex tkebbes iżjed gwerer u konflitti. Federico Mayor, direttur ġenerali tal-​UNESCO, wissa dwar din it-​tendenza: “Saħansitra fejn it-​tolleranza kienet prevalenti, bidla lejn ix-​xenofobja [biżaʼ mill-​barranin] qiegħda ssir iżjed evidenti, u rimarki parzjali jew razzisti li kienu qishom spiċċaw qegħdin jinstemgħu iżjed u iżjed taʼ spiss.” X’kien ir-​riżultat? Il-​massakri makabri fl-​ex Jugoslavja u t-​tixrid taʼ demm bejn it-​tribujiet fl-​Irwanda huma biss żewġ żviluppi bħal dawn li smajna dwarhom fl-​aħbarijiet.

14. Apokalissi 6:4 kif jagħti stampa tal-​gwerer u l-​effetti tagħhom fi żmienna?

14 Il-​Bibbja bassret li fiż-​żmien tat-​tmiem taʼ din is-​sistema żiemel lewn in-​nar, li jissimbolizza l-​gwerer, kellu jiggaloppja maʼ l-​art kollha. Naqraw f’Apokalissi 6:4: “Ħareġ żiemel ieħor, taʼ lewn aħmar nar, u lil dak li kien riekeb fuqu ngħatatlu s-​setgħa li jeqred il-​paċi minn fuq wiċċ l-​art, ħalli b’hekk il-​bnedmin jitqatlu bejniethom; u għalhekk ingħatatlu xabla kbira.” Mill-​1914 ’l hawn rajna lil dan ir-​rikkieb simboliku “jeqred il-​paċi,” u l-​ġnus komplew jiġġieldu u jiggwerraw.

15, 16. (a) X’kien u għadu l-​irwol tar-​reliġjon fil-​gwerer u l-​qtil? (b) Jehovah kif iqisu dak li għamlu r-​reliġjonijiet?

15 Dak li ma rridux ninsew hu l-​irwol tar-​reliġjon f’dawn il-​gwerer u l-​qtil. L-​istorja mdemmija taʼ l-​umanità tistaʼ tiġi attribwita fil-​parti l-​kbira lill-​influwenza li tiżvija tar-​reliġjon falza. It-​teologu Kattoliku Hans Küng kiteb: “Ħadd ma jistaʼ jiċħad li f’termini negattivi u distruttivi [r-reliġjonijiet] taw u għadhom jagħtu kontribut enormi. Hemm tant u tant taqbid, konflitti mdemmija, tabilħaqq ‘gwerer reliġjużi,’ li huma jridu jagħtu kont tagħhom; . . . u dan japplika wkoll għaż-​żewġ gwerer dinjin.”

16 Alla Jehovah kif iqis l-​irwol tar-​reliġjon falza fil-​qtil u l-​gwerer? L-​akkuża minn Alla fuq ir-​reliġjon falza, iddokumentata f’Apokalissi 18:5, tistqarr: “Dnubietha saru ħemel għoli sas-​sema, u Alla ftakar fl-​għemejjel ħżiena tagħha.” Il-​kompliċità tar-​reliġjon falza mal-​mexxejja politiċi tad-​dinja tammonta għal tant ħtija taʼ demm, ħemel tant kbir taʼ dnubiet miġmugħa, li Alla sempliċement ma jistax jinjorah. Hu dalwaqt jelimina kompletament lil dan ix-​xkiel fil-​mogħdija tal-​paċi vera.—Apokalissi 18:21.

It-​Triq Lejn Il-​Paċi

17, 18. (a) Għala m’hijiex biss ħolma fiergħa li temmen li paċi għal dejjem hi possibbli? (b) Jehovah liema ħaġa diġà għamel biex jiżgura li paċi vera se tiġi?

17 Jekk il-​bnedmin, permezz t’aġenziji bħall-​Ġnus Magħquda, ma jistgħux iġibu paċi vera u dejjiema, il-​paċi vera minn liema sors se tiġi, u kif? Hi biss ħolma mhix realistika li temmen li paċi għal dejjem hi possibbli? Mhux jekk induru lejn is-​sors it-​tajjeb taʼ paċi. U dan min hu? Salm 46:10 jwieġeb billi jgħidilna li Jehovah “iwaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art; l-​ark jaqsam u l-​lanza jkisser, jaħraq it-​tarka bin-​nar.” U Jehovah diġà beda l-​proċess biex itemm il-​gwerer u jistabbilixxi paċi vera. Kif? Billi poġġa lil Kristu Ġesù fuq it-​tron leġittimu tiegħu tas-​Saltna fl-​1914 u billi ppromwova l-​akbar kampanja edukattiva għall-​paċi fl-​istorja taʼ l-​umanità. Il-​kliem profetiku taʼ Isaija 54:13 jiżgurana: “Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-​Mulej, kbir għad ikun ġid uliedek.”

18 Din il-​profezija tagħti stampa tal-​prinċipju tal-​kawża u l-​effett​—jiġifieri, kull effett għandu l-​kawża tiegħu. F’dan il-​każ, it-​tagħlim taʼ Jehovah​—il-​kawża—​ibiddel lil nies li jħobbu jiggwerraw f’nies li jħobbu l-​paċi u li huma paċi m’Alla. L-​effett huwa l-​bidla fil-​qalb li tagħmel lin-​nies uħud li jħobbu l-​paċi. Dan it-​tagħlim li jbiddel il-​qlub u l-​imħuħ tan-​nies qiegħed saħansitra issa jinfirex mad-​dinja kollha hekk kif miljuni jsegwu l-​eżempju tal-​“Prinċep tas-​sliem,” Ġesù Kristu.—Isaija 9:5 [Isaija 9:6, NW].

19. Ġesù x’għallem dwar il-​paċi vera?

19 U Ġesù x’għallem dwar il-​paċi vera? Hu tkellem mhux biss dwar paċi bejn il-​ġnus imma dwar paċi bejn in-​nies fir-​relazzjonijiet tagħhom u dwar il-​paċi ġewwinija li tiġi minn kuxjenza tajba. Fi Ġwann 14:27, naqraw il-​kliem taʼ Ġesù lis-​segwaċi tiegħu: “Jiena nħallilkom is-​sliem; nagħtikom is-​sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-​dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżżaʼ.” Il-​paċi taʼ Ġesù kif kienet differenti minn dik tad-​dinja?

20. Ġesù permezz taʼ liema ħaġa se jġib paċi vera?

20 L-​ewwel, il-​paċi taʼ Ġesù kienet marbuta mill-​qrib mal-​messaġġ tiegħu tas-​Saltna. Hu kien jaf li l-​gvern taʼ tjieba tas-​sema, ifformat minn Ġesù u 144,000 mexxejja mseħbin, kellu jġib fi tmiem il-​gwerer u lil dawk li joħolquhom. (Apokalissi 14:1, 3) Kien jaf li dan kellu jġib il-​kundizzjonijiet sereni taʼ Ġenna li hu kien offra lil dak il-​kriminal li miet maġenbu. Ġesù m’offrilux post fis-​Saltna tas-​sema, imma qallu: “Tassew ngħidlek, . . . tkun fil-​Ġenna miegħi.”—Luqa 23:43.

21, 22. (a) Il-​paċi vera tinkludi liema tama taʼ l-​għaġeb li ssostnik? (b) X’għandna nagħmlu biex nixhdu dik il-​barka?

21 Ġesù kien jaf ukoll li s-​Saltna tiegħu kellha ġġib faraġ lil dawk kollha li jeżerċitaw fidi fih u li huma mnikktin minħabba t-​telfa taʼ xi ħadd maħbub. Il-​paċi tiegħu tinkludi t-​tama taʼ l-​irxoxt li ssostni b’mod taʼ l-​għaġeb lil dak li jkun. Ftakar fil-​kliem inkuraġġanti tiegħu li jinsab fi Ġwann 5:28, 29: “Tistagħġbux b’dan: tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-​oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-​tajjeb iqumu għall-​ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-​ħażin iqumu għall-​kundanna.”

22 Tħares int ’il quddiem lejn dak iż-​żmien? Tlift int lil xi maħbubin għeżież fil-​mewt? Tixxennaq int biex tarahom mill-​ġdid? Allura aċċetta l-​paċi li joffri Ġesù. Ħa jkollok fidi bħal dik taʼ Marta, oħt Lażżru, li qalet lil Ġesù: “Jiena naf li jerġaʼ jqum, fil-​qawmien mill-​imwiet fl-​aħħar jum.” Imma innota t-​tweġiba li thennik li Ġesù ta lil Marta: “Jien hu l-​qawmien u l-​ħajja. Kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt. Temmnu inti dan?”—Ġwann 11:24-26.

23. Għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla għala hu essenzjali biex niksbu l-​paċi vera?

23 Int ukoll tistaʼ temmen f’dik il-​wegħda u tibbenefika minnha. Kif? Billi tikseb għarfien eżatt tal-​Kelma t’Alla. Innota kif l-​appostlu Pawlu enfasizza l-​importanza taʼ l-​għarfien eżatt: “Aħna . . . ma hedejniex nitolbu għalikom, u nibqgħu nitolbu li tagħrfu sewwa r-​rieda taʼ Alla bl-​għerf kollu u d-​dehen spiritwali, Hekk tkunu tistgħu tgħixu sewwa kif jixraq lill-​Mulej u togħġbuh f’kollox bil-​frott taʼ kull opra tajba, u tikbru fl-​għarfien taʼ Alla.” (Kolossin 1:9, 10) Dan l-​għarfien eżatt se jikkonvinċik li Alla Jehovah hu s-​sors tal-​paċi vera. Dan se jgħidlek ukoll x’għandek tagħmel issa biex tistaʼ tingħaqad mas-​salmista f’li tgħid: “Nimtedd u norqod minnufih fis-​sliem, għax int waħdek, Mulej, fis-​sod tqegħedni.”—Salm 4:8. (w97 4/15)

Tistaʼ Tispjega?

◻ L-​isforzi umani għall-​paċi għala fallew konsistentement?

◻ X’inhi r-​raġuni bażika tal-​gwerra?

◻ Paċi dejjiema għala m’hijiex ħolma fiergħa?

◻ X’inhu s-​sors taʼ paċi vera?

[Stampa f’paġna 7]

Il-​paċi vera m’hijiex ħolma. Hija l-​wegħda t’Alla

[Stampa f’paġna 8]

Mill-​1914 ’l hawn ir-​rikkieb simboliku taż-​żiemel lewn in-​nar neħħa l-​paċi minn fuq l-​art

[Stampa f’paġna 9]

Jistgħu r-​reliġjon u l-​ĠM jġibu l-​paċi?

[Sors]

Ritratt ĠM

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja