Segretezza f’Isem il-Mulej
ATTAKK b’gass velenuż fuq is-subway taʼ Tokjo, fil-Ġappun, f’Marzu taʼ l-1995 qatel 12-il persuna, marrad eluf iżjed, u għen biex jinkixef sigriet. Setta reliġjuża magħrufa bħala Aum Shinrikyo (Verità Suprema) kienet akkumulat bil-moħbi ħażna taʼ gass sarin ħalli tużah biex tilħaq għanijiet misterjużi.
Xahar wara, splużjoni taʼ bomba farrket bini federali fil-belt taʼ Oklahoma, l-Istati Uniti, u qatlet 167 ruħ. L-evidenza donnha indikat li l-attakk kien b’xi mod konness mat-tilwima tal-gvern mal-kult reliġjuż tal-Branch Davidian ġewwa Waco, Texas, eżattament sentejn qabel. F’dak iż-żmien mietu madwar 80 membru tal-kult. L-isplużjoni tal-bomba kixfet ukoll dak li kien sigriet għall-biċċa l-kbira tan-nies: Partita gruppi tal-milizzja paramilitari issa qegħdin joperaw fl-Istati Uniti, u mill-inqas xi wħud minnhom huma ssuspettati li qegħdin jippjanaw segretament azzjoni kontra l-gvern.
Iktar tard, hekk kif waslet biex tintemm l-1995, l-iġsma maħruqin taʼ 16-il persuna nstabu ġewwa foresta żgħira ħdejn Grenoble, fi Franza. Dawn kienu membri taʼ l-Ordni tat-Tempju Solari, kult reliġjuż żgħir li f’Ottubru taʼ l-1994 issemma fuq l-aħbarijiet ġewwa l-Isvizzera u l-Kanada meta 53 mill-membri tiegħu jew ikkommettew suwiċidju jew ġew maqtulin. Imma saħansitra wara din it-traġedja, is-setta baqgħet tiffunzjona. Sal-lum il-motivazzjoni u l-għanijiet tagħha għadhom misturin fis-segretezza.
Il-Perikli Tas-Segretezza Reliġjuża
Meta tqis ġrajjiet bħal dawn, huwa taʼ sorpriża li ħafna nies jissuspettaw lill-gruppi reliġjużi? Ċertament li ħadd ma jkun irid jappoġġja organizzazzjoni sigrieta—kemm dik reliġjuża u kemm dik li m’hijiex—li tuża ħażin il-fiduċja tiegħu u ġġagħlu jsegwi għanijiet li ma jaqbilx magħhom. X’jistgħu jagħmlu n-nies, iżda, biex jevitaw li jaqgħu fin-nassa taʼ involviment maʼ soċjetajiet sigrieti taʼ natura dubjuża?
Ovvjament, kull min qed jikkunsidra li jsir membru f’soċjetà sigrieta jkun għaqli li jkun żgur mill-objettivi veri tiegħu. Hu jrid jgħasses kontra pressjoni mill-ħbieb jew min-nies li jaf u jibbaża kull deċiżjoni mhux fuq l-emozzjoni imma fuq il-fatti. Ftakar, x’aktarx li se jkun l-individwu nnifsu—mhux l-oħrajn—li se jiġi mitlub biex ibati kwalunkwe konsegwenzi li jinqalgħu.
Li ssegwi l-prinċipji tal-Bibbja huwa l-iżjed metodu żgur biex tevita gruppi perikolużi li l-motivi tagħhom m’humiex onorabbli. (Isaija 30:21) Dan jinvolvi li nżommu newtralità politika, nuru mħabba lejn oħrajn, saħansitra lejn għedewwa, nevitaw “l-għemejjel tal-ġisem,” u nikkultivaw il-frott taʼ l-ispirtu t’Alla. Fuq kollox, Kristjani veri ma jridu jkunu ebda parti mid-dinja, saħansitra bl-istess mod li Ġesù ma kienx, u din il-korsa teskludi li wieħed jipparteċipa f’soċjetajiet sigrieti dinjin.—Galatin 5:19-23; Ġwann 17:14, 16; 18:36; Rumani 12:17-21; Ġakbu 4:4.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma studenti serji tal-Bibbja li l-fidi tagħhom jiħduha bis-serjetà u bil-miftuħ jipprovaw jgħixu skond ma jemmnu. Madwar id-dinja, huma magħrufin sew bħala grupp reliġjuż li ‘jfittex is-sliem u jqis li jiksbu.’ (1 Pietru 3:11) Il-ktieb tagħhom Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom jinnota b’mod korrett: “Ix-Xhieda taʼ Jehovah m’huma fl-ebda sens soċjetà sigrieta. It-twemmin tagħhom ibbażat fuq il-Bibbja huwa spjegat għal kollox f’pubblikazzjonijiet li huma disponibbli għal kulħadd. Barra minn hekk, huma jagħmlu sforz speċjali biex jistiednu lill-pubbliku ħalli jattendi l-laqgħat biex jara u jismaʼ għalih innifsu x’jiġri u x’ma jiġrix.”
Ir-reliġjon vera bl-ebda mod ma tipprattika s-segretezza. Adoraturi taʼ dak Alla veru ġew struwiti biex ma jaħbux l-identità tagħhom jew joskuraw l-iskop tagħhom bħala Xhieda taʼ Jehovah. Id-dixxipli bikrin taʼ Ġesù mlew lill-Ġerusalemm bit-tagħlim tagħhom. It-twemmin u l-attività tagħhom wettquhom fil-beraħ. L-istess huwa veru għax-Xhieda taʼ Jehovah llum. Taʼ min jifhem li, meta reġimi dittatorjali b’mod żbaljat irażżnu l-libertà tal-qima, il-Kristjani jridu b’attenzjoni u b’kuraġġ ikomplu bl-attività tagħhom, billi jobdu “aktar lil Alla milli l-bnedmin.” Sitwazzjoni li hija inforzata fuqhom minħabba x-xiehda pubblika kuraġġuża tagħhom.—Atti 5:27-29; 8:1; 12:1-14; Mattew 10:16, 26, 27.
Jekk xi darba għaddielek minn moħħok li x-Xhieda taʼ Jehovah għandhom mnejn huma xi kult jew setta sigrieti, dak kien x’aktarx għaliex int kont taf ftit wisq dwarhom. Dik bil-fors li kienet is-sitwazzjoni fil-każ taʼ ħafna fl-ewwel seklu.
Atti kapitlu 28 jgħidilna dwar laqgħa li l-appostlu Pawlu kellu f’Ruma mal-“kapijiet tal-Lhud.” Huma qalulu: “[I]rridu nisimgħu mingħandek kif taħsibha int; għax dwar din is-setta nafu li kullimkien qegħdin jeħduha kontra tagħha.” (Atti 28:16-22) Bi tweġiba, Pawlu “qagħad jagħtihom xhieda u jfissrilhom x’inhi s-Saltna taʼ Alla,” u “xi wħud emmnu dak li qalilhom.” (Atti 28:23, 24) Ċertament li kien għall-benefiċċju dejjiemi tagħhom li jiksbu l-fatti attwali dwar il-Kristjanità vera.
Iddedikati kif inhuma għas-servizz t’Alla, bil-miftuħ u fil-pubbliku, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma lesti li bil-qalb kollha jiżvelaw il-fatti kif inhuma taʼ l-attivitajiet u t-twemmin tagħhom lil kull min jimpurtah li jkun jaf il-fatti. Għala ma tinvestigax għalik innifsek, u b’hekk tkun f’pożizzjoni li tkun informat b’mod xieraq inkwantu għall-fidi tagħhom? (w97 6/1)
[Stampa f’paġna 6]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah huma lesti li bil-qalb kollha jiżvelaw min huma u x’qegħdin jagħmlu