LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w97 11/1 pp. 27-32
  • Fid-Dinja Imma Ebda Parti Minnha

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fid-Dinja Imma Ebda Parti Minnha
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Iżvilupp Taʼ Potenzi Dinjin
  • Il-​Ħakma Li Ġejja Tas-​Saltna T’Alla
  • Nevitaw “[I]l-Marka” Tal-​“Bhima”
  • Il-​“Bhima” u “Ċesari”
  • Ċittadini Kuxjenzjużi
  • Kristjani Newtrali fl-Aħħar Jiem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Alla u Ċesri
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Favur Id-Dinja Taʼ Satana, Jew Favur Is-Sistema Ġdida T’Alla?
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Il-Ktieb tar-Rivelazzjoni X’Jgħid li Se Jiġrilhom l-Għedewwa t’Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
w97 11/1 pp. 27-32

Fid-​Dinja Imma Ebda Parti Minnha

“Billi m’intomx tad-​dinja, . . . id-​dinja tobgħodkom.”—ĠWANN 15:19.

1. Il-​Kristjani x’relazzjoni għandhom mad-​dinja, u madankollu d-​dinja kif tħares lejhom?

FL-​AĦĦAR lejl mad-​dixxipli tiegħu, Ġesù qalilhom: “M’intomx tad-​dinja.” Dwar liema dinja kien qiegħed jitkellem? F’okkażjoni iktar qabel, ma kienx qal: “Għax Alla hekk ħabb lid-​dinja li ta lil Ibnu l-​waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-​ħajja taʼ dejjem”? (Ġwann 3:16) Id-​dixxipli kienu bla dubju parti minn dik id-​dinja għaliex kienu l-​ewwel li eżerċitaw fidi f’Ġesù għall-​ħajja taʼ dejjem. Allura, Ġesù għala issa qal li d-​dixxipli tiegħu kienu separati mid-​dinja? U għala qal ukoll: “Billi m’intomx tad-​dinja, . . . id-​dinja tobgħodkom”?—Ġwann 15:19.

2, 3. (a) Il-​Kristjani minn liema “dinja” ma kellhom ikunu ebda parti? (b) Il-​Bibbja x’tgħid dwar id-​“dinja” li minnha l-​Kristjani m’huma ebda parti?

2 It-​tweġiba hi li l-​Bibbja tuża l-​kelma “dinja” (bil-Grieg, koʹsmos) b’modi differenti. Bħalma ġie spjegat fl-​artiklu taʼ qabel, xi kultant fil-​Bibbja “d-​dinja” tirreferi għall-​umanità inġenerali. Din hija d-​dinja li Alla ħabb u li għaliha Ġesù miet. Madankollu, The Oxford History of Christianity jistqarr: “Id-​‘dinja’ hija wkoll terminu wżat mill-​Kristjani għal xi ħaġa mbiegħda minn Alla u ostili lejh.” Dan kif inhu veru? L-​awtur Kattoliku Roland Minnerath, fil-​ktieb tiegħu Les chrétiens et le monde (Il-Kristjani u d-​Dinja), jispjega: “Meħuda f’sens negattiv, id-​dinja b’hekk tidher bħala . . . d-​dominju fejn potenzi ostili lejn Alla jwettqu l-​attività tagħhom u bl-​oppożizzjoni tiegħu lejn il-​ħakma rebbieħa taʼ Kristu, dan jikkostitwixxi imperu avversarju taħt il-​kontroll taʼ Satana.” Din id-​“dinja” hija l-​massa taʼ l-​umanità li hija mbiegħda minn Alla. Kristjani veri m’huma ebda parti minn din id-​dinja, u din tobgħodhom.

3 Għall-​ħabta taʼ tmiem l-​ewwel seklu, Ġwanni kellu din id-​dinja f’moħħu meta kiteb: “Tħobbux id-​dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-​dinja, l-​imħabba tal-​Missier ma tgħammarx fih. Kull ma fiha d-​dinja, jiġifieri l-​ġibda tal-​ġisem u l-​ġibda taʼ l-​għajnejn u l-​kburija tal-​ħajja, dan m’huwiex ġej mill-​Missier imma mid-​dinja.” (1 Ġwann 2:15, 16) Hu kiteb ukoll: “Nafu li aħna ġejjin minn Alla u li d-​dinja kollha qiegħda taħt idejn il-​Ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Ġesù nnifsu sejjaħ lil Satana “l-​Prinċep taʼ din id-​dinja.”—Ġwann 12:31; 16:11.

L-​Iżvilupp Taʼ Potenzi Dinjin

4. Il-​potenzi dinjin kif bdew jeżistu?

4 Id-​dinja taʼ bnedmin imbiegħda minn Alla li teżisti issa bdiet tiżviluppa ftit wara d-​Dilluvju taʼ żmien Noè, meta ħafna mid-​dixxendenti taʼ Noè ma baqgħux iqimu lil Alla Jehovah. Prominenti fil-​jiem bikrin kien hemm Nimrod, bennej taʼ l-​ibliet u “kaċċatur qalbieni f’għajnejn [“f’oppożizzjoni lejn,” NW] il-​Mulej.” (Ġenesi 10:8-12) F’dawk is-​snin il-​biċċa l-​kbira tad-​dinja kienet organizzata f’saltniet żgħar taʼ bliet individwali, li minn żmien għal żmien ifformaw koalizzjonijiet u ggwerraw kontra xulxin. (Ġenesi 14:1-9) Xi saltniet taʼ bliet individwali kisbu dominju fuq oħrajn biex saru potenzi reġjonali. Xi potenzi reġjonali eventwalment kibru sa ma saru potenzi dinjin kbar.

5, 6. (a) Liema huma s-​sebaʼ potenzi dinjin taʼ l-​istorja Biblika? (b) Dawn il-​potenzi dinjin kif inhuma ssimbolizzati, u minn fejn tiġi l-​qawwa tagħhom?

5 Billi segwew il-​korsa taʼ Nimrod, il-​ħakkiema tal-​potenzi dinjin ma qimux lil Jehovah, fatt li ġie rifless fl-​għemejjel kefrin u vjolenti tagħhom. Dawn il-​potenzi dinjin fl-​Iskrittura huma ssimbolizzati minn bhejjem salvaġġi, u mal-​medda tas-​sekli, il-​Bibbja tidentifika sitta minnhom li kellhom impatt qawwi fuq il-​poplu taʼ Jehovah. Dawn kienu l-​Eġittu, l-​Assirja, il-​Babilonja, il-​Medo-Persja, il-​Greċja, u Ruma. Wara Ruma, ġie pprofetizzat li kellha tqum is-​sebaʼ potenza dinjija. (Danjel 7:3-7; 8:3-7, 20, 21; Apokalissi 17:9, 10) Din tat prova li kienet il-​Potenza Dinjija Anglo-Amerikana, li kkonsistiet mill-​Imperu Britanniku maʼ l-​alleat tiegħu l-​Istati Uniti, li eventwalment issupera lill-​Britannja fil-​qawwa. L-​Imperu Britanniku beda jiżviluppa wara li finalment sparixxiet l-​aħħar traċċa taʼ l-​Imperu Ruman.a

6 Is-​sebaʼ potenzi dinjin suċċessivi huma ssimbolizzati fil-​ktieb t’Apokalissi minn irjus taʼ bhima salvaġġa b’sebat irjus li tixref mill-​baħar taʼ umanità mqallba. (Isaija 17:12, 13; 57:20, 21; Apokalissi 13:1) Min jagħtiha l-​qawwa lil din il-​bhima li qiegħda taħkem? Il-​Bibbja twieġeb: “Id-​Dragun taha l-​qawwa tiegħu u t-​tron tiegħu u setgħa kbira.” (Apokalissi 13:2) Id-​dragun m’huwa ħadd ħlief Satana x-​Xitan.—Luqa 4:5, 6; Apokalissi 12:9.

Il-​Ħakma Li Ġejja Tas-​Saltna T’Alla

7. Il-​Kristjani f’liema ħaġa jittamaw, u dan kif jeffettwa r-​relazzjoni tagħhom mal-​gvernijiet tad-​dinja?

7 Għal kważi 2,000 sena, il-​Kristjani talbu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-​sema, hekkda fl-​art.” (Mattew 6:10) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jafu li s-​Saltna t’Alla waħedha tistaʼ ġġib paċi vera fuq l-​art. Billi huma osservaturi mill-​qrib tal-​profeziji Bibliċi, dawn huma konvinti li din it-​talba dalwaqt se tiġi mwieġba u li s-​Saltna f’qasir żmien se tieħu f’idejha l-​kwistjonijiet taʼ l-​art. (Danjel 2:44) L-​appoġġ tagħhom għal din is-​Saltna jagħmilhom newtrali fil-​kwistjonijiet tal-​gvernijiet tad-​dinja.

8. Il-​gvernijiet kif jirreaġixxu għall-​ħakma tas-​Saltna t’Alla, bħalma ġie mbassar f’Salm 2?

8 Xi nazzjonijiet isostnu li josservaw prinċipji reliġjużi. Minkejja dan, fil-​prattika jinjoraw il-​fatt li Jehovah hu s-​Sovran Universali u li hu poġġa lil Ġesù fuq it-​tron bħala Sultan tas-​sema b’awtorità għal fuq l-​art. (Danjel 4:14, [Danjel 4:17, NW]; Apokalissi 11:15) Salm profetiku jistqarr: “Is-​slaten taʼ l-​art iqumu, u l-​kbarat jiftiehmu bejniethom kontra l-​Mulej u l-​Midluk tiegħu; ‘Ħa nkissru l-​ktajjen tagħhom, u ntajjru minn fuqna l-​irbit tagħhom!’” (Salm 2:2, 3) Il-​gvernijiet ma jaċċettaw ebda “ktajjen” jew “irbit” divini li jillimitaw l-​eżerċitar tagħhom tas-​sovranità nazzjonali. Għaldaqstant, Jehovah jgħid lil Ġesù, is-​Sultan magħżul tiegħu: “Itlobni, u l-​ġnus nagħtik b’wirtek, u truf l-​art bi priża tiegħek. B’vir[g]a tal-​ħadid int tkissirhom, bħal ġarra tal-​fuħħar frak tagħmilhom.” (Salm 2:8, 9) Madankollu, id-​dinja taʼ bnedmin li għaliha miet Ġesù mhix se tiġi ‘mkissra’ kompletament.—Ġwann 3:17.

Nevitaw “[I]l-Marka” Tal-​“Bhima”

9, 10. (a) Dwar liema ħaġa niġu mwissijin fil-​ktieb t’Apokalissi? (b) X’inhu ssimbolizzat b’li wieħed iġorr ‘il-​marka tal-​bhima’? (ċ) Il-​qaddejja t’Alla liema marki jaċċettaw?

9 Ir-​Rivelazzjoni li rċieva l-​appostlu Ġwanni wissiet li d-​dinja taʼ bnedmin li hija mbiegħda minn Alla kellha tagħmel esiġenzi li dejjem jiżdiedu ftit qabel it-​tmiem tagħha, billi “ġġiegħel lil kulħadd, iż-​żgħar u l-​kbar, l-​għonja u l-​foqra, il-​ħielsa u l-​ilsiera, kulħadd issirlu marka fuq idu l-​leminija jew fuq ġbinu, biex ħadd ma jkun jistaʼ jixtri jew ibigħ jekk ma jkollux fuqu l-​marka.” (Apokalissi 13:16, 17) Dan x’ifisser? Marka fuq l-​id il-​leminija hija simbolu xieraq t’appoġġ attiv. Xi ngħidu għall-​marka fuq il-​ġbin? The Expositor’s Greek Testament jistqarr: “Din ir-​referenza ferm figurattiva hija għad-​drawwa taʼ mmarkar taʼ suldati u rsiera b’tatù jew marka li tkun fejn tidher . . . ; jew, jerġaʼ aħjar, għad-​drawwa reliġjuża li jintlibes isem taʼ xi alla bħala domna.” Ħafna bnedmin bl-​azzjonijiet u l-​kliem tagħhom iġorru fuqhom simbolikament din il-​marka, u jidentifikaw lilhom infushom bħala “rsiera” jew “suldati” tal-​“Bhima.” (Apokalissi 13:3, 4) Inkwantu għall-​futur tagħhom, it-​Theological Dictionary of The New Testament jgħid: “L-​għedewwa t’Alla jħallu l-​[marka] tal-​bhima, in-​numru misterjuż li jġorr isimha, tiġi ttimbrata fuq ġbinhom u fuq id waħda. Dan jagħtihom opportunitajiet kbar t’avvanz ekonomiku u kummerċjali, imma jġibhom taħt il-​korla t’Alla u jeskludihom mis-​saltna millennjali, Apok. 13:16; 14:9; 20:4.”

10 Jeħtieġ iktar u iktar kuraġġ u sabar fit-​tul biex wieħed jirreżisti pressjoni biex jirċievi “l-​marka.” (Apokalissi 14:9-12) Il-​qaddejja t’Alla għandhom din is-​saħħa, madankollu, u minħabba dan, huma spiss ikunu mibgħudin u mmalafamati. (Ġwann 15:18-20; 17:14, 15) Minflok ma jġorru l-​marka tal-​bhima, Isaija qal li huma kellhom jiktbu simbolikament fuq idhom, “Tal-​Mulej.” (Isaija 44:5) Iktar minn hekk, ladarba huma “jitniehdu u jitbikkew” minħabba l-​affarijiet taʼ min jistmerrhom li jsiru mir-​reliġjon apostata, huma jirċievu marka simbolika fuq ġbinhom li tidentifikahom bħala li jistħoqqilhom li jiġu meħlusin meta jiġu esegwiti l-​ġudizzji taʼ Jehovah.—Eżekjel 9:1-7.

11. Min jagħti permess lill-​gvernijiet umani biex jaħkmu sa ma s-​Saltna t’Alla tasal biex tieħu f’idejha l-​ħakma taʼ l-​art?

11 Alla jippermetti lill-​gvernijiet umani li jaħkmu saż-​żmien meta s-​Saltna tas-​sema taʼ Kristu tieħu f’idejha kompletament il-​ħakma taʼ din l-​art. Din it-​tolleranza divina taʼ stati politiċi jirreferi għaliha l-​Professur Oscar Cullmann fil-​ktieb tiegħu The State in the New Testament. Hu jikteb: “Il-​kunċett ikkumplikat tal-​karattru ‘temporanju’ taʼ l-​Istat huwa r-​raġuni għala l-​attitudni taʼ l-​ewwel Kristjani lejn l-​Istat m’hijiex konsistenti, imma x’aktarx li tidher li hi kontradittorja. B’enfasi ngħid li din tidher li hi hekk. Biżżejjed insemmu Rumani 13:1, ‘Ħalli kull bniedem ikun sottomess lejn l-​awtoritajiet li jeżistu . . . ,’ meta jitqabbel m’Apokalissi 13: l-​Istat bħala l-​bhima mill-​abbiss.”

Il-​“Bhima” u “Ċesari”

12. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah liema ħarsa bilanċjata għandhom dwar il-​gvernijiet umani?

12 Ma jkunx korrett li nikkonkludu li l-​bnedmin kollha f’awtorità governattiva huma l-​istrumenti taʼ Satana. Ħafna taw prova li kienu nies taʼ prinċipju, bħall-​prokonslu Serġju Pawlu li hu deskritt fil-​Bibbja bħala “raġel mogħni bid-​dehen.” (Atti 13:7) Xi ħakkiema b’kuraġġ iddefendew id-​drittijiet tal-​minoranzi, billi kienu ggwidati mill-​kuxjenza tagħhom mogħtija minn Alla avolja ma kinux jafu lil Jehovah u l-​iskopijiet tiegħu. (Rumani 2:14, 15) Ftakar, il-​Bibbja tuża l-​kelma “dinja” b’żewġ modi li huma f’kuntrast: id-​dinja taʼ bnedmin, li Alla jħobb u li aħna għandna nħobbu, u d-​dinja taʼ umanità mbiegħda minn Alla, li tagħha Satana huwa alla u li minnha għandna nkunu separati. (Ġwann 1:9, 10; 17:14; 2 Korintin 4:4; Ġakbu 4:4) B’hekk, il-​qaddejja taʼ Jehovah għandhom attitudni bilanċjata lejn il-​ħakma umana. Aħna newtrali fi kwistjonijiet politiċi ladarba naqdu bħala ambaxxaturi jew rappreżentanti tas-​Saltna t’Alla u ħajjitna hija ddedikata lil Alla. (2 Korintin 5:20) Mill-​banda l-​oħra, aħna sottomessi b’mod kuxjenzjuż lejn dawk f’awtorità.

13. (a) Jehovah kif iħares lejn il-​gvernijiet umani? (b) Is-​sottomissjoni Kristjana lejn il-​gvernijiet umani sa liema punt tasal?

13 Din il-​korsa bilanċjata tirrifletti l-​ħarsa t’Alla Jehovah nnifsu. Meta l-​potenzi dinjin, jew saħansitra Stati żgħar ħafna, jabbużaw mill-​awtorità tagħhom, jaħqru lin-​nies tagħhom, jew jippersegwitaw lil dawk li jqimu lil Alla, huma ċertament jistħoqqilhom id-​deskrizzjoni profetika bħala bhejjem feroċi. (Danjel 7:19-21; Apokalissi 11:7) Madankollu, meta l-​gvernijiet tal-​pajjiżi jaqdu l-​iskop t’Alla f’li jżommu l-​liġi u l-​ordni b’ġustizzja, hu jikkunsidrahom bħala “l-​uffiċjali taʼ Alla.” (Rumani 13:6) Jehovah jistenna li n-​nies tiegħu jirrispettaw lill-​gvernijiet umani u jkunu sottomessi lejhom, imma s-​sottomissjoni tagħhom m’hijiex mingħajr limiti. Meta xi bnedmin jeħtieġu mill-​qaddejja t’Alla affarijiet li huma pprojbiti mil-​liġi t’Alla, jew meta jipprojbixxu affarijiet li Alla jirrikjedi mill-​qaddejja tiegħu, dawn taʼ l-​aħħar isegwu l-​pożizzjoni adottata mill-​appostli, jiġifieri: “Jeħtieġ nobdu aktar lil Alla milli l-​bnedmin.”—Atti 5:29.

14. Is-​sottomissjoni Kristjana lejn il-​gvernijiet umani kif inhi spjegata minn Ġesù? minn Pawlu?

14 Ġesù qal li s-​segwaċi tiegħu kellhom ikollhom obbligi kemm lejn il-​gvernijiet u kemm lejn Alla meta ddikjara: “Mela agħtu li[l] Ċesari dak li hu taʼ Ċesari, u lil Alla dak li hu taʼ Alla.” (Mattew 22:21) L-​appostlu Pawlu b’ispirazzjoni kiteb: “Kull bniedem għandu jobdi lill-​awtorità taʼ fuqu . . . Jekk inti tagħmel il-​ħażin, ibżaʼ minnhom. Mhux għal xejn li l-​kap iġib ix-​xabla; hu l-​ministru taʼ Alla biex jikkastiga u jitħallas minn min jagħmel il-​ħażen. Għalhekk jeħtieġ li toqogħdu għall-​awtoritajiet, mhux biss minħabba l-​korla, imma wkoll minħabba l-​kuxjenza. Għalhekk ukoll ħallsu t-​taxxi.” (Rumani 13:1, 4-6) Mill-​ewwel seklu E.K. sal-​lum, il-​Kristjani kellhom jikkunsidraw esiġenzi magħmulin mill-​Istat. Kellhom bżonn jagħrfu jekk li jikkonformaw maʼ dawn l-​esiġenzi kienx se jwassal għal li jikkompromettu l-​qima tagħhom jew jekk esiġenzi bħal dawn kinux leġittimi u kellhomx jiġu obduti kuxjenzjożament.

Ċittadini Kuxjenzjużi

15. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah kif iħallsu lura kuxjenzjożament dak li għandhom jagħtu lil Ċesari?

15 L-​“awtoritajiet [“superjuri,” NW]” politiċi huma l-​“uffiċjali” t’Alla meta jwettqu l-​irwol tagħhom approvat minn Alla, li jinkludi awtorità li “jikkastigaw lil min jagħmel il-​ħażin u jfaħħru lil min jagħmel it-​tajjeb.” (1 Pietru 2:13, 14) Il-​qaddejja taʼ Jehovah kuxjenzjożament iħallsu lura lil Ċesari dak li jesiġi b’mod leġittimu fejn jidħlu t-​taxxi, u jaslu sa fejn tippermettilhom il-​kuxjenza tagħhom imħarrġa fuq il-​Bibbja f’li ‘jobdu lill-​maġistrati u lill-​awtorità, . . . u jkunu dejjem imħejjija għal kull opra tajba.’ (Titu 3:1) “Opra tajba” tinkludi li wieħed jgħin lil oħrajn, bħal meta tfaqqaʼ xi katastrofi. Ħafna kienu xhieda tal-​qalb tajba murija mix-​Xhieda taʼ Jehovah lejn bnedmin sħabhom f’dawn is-​sitwazzjonijiet.—Galatin 6:10.

16. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah liema opri tajbin iwettqu kuxjenzjożament għall-​gvernijiet u għall-​bnedmin sħabhom?

16 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jħobbu lill-​bnedmin sħabhom u jħossu li l-​aħjar opra tajba li jistgħu jagħmlu għalihom hija li jgħinuhom jiksbu għarfien eżatt taʼ l-​iskop t’Alla biex iġib “smewwiet ġodda u art ġdida” taʼ tjieba. (2 Pietru 3:13) Billi jgħallmu u jipprattikaw il-​prinċipji morali għoljin tal-​Bibbja, huma taʼ siwi kbir għas-​soċjetà umana, billi jsalvaw lil ħafna mid-​delinkwenza. Il-​qaddejja taʼ Jehovah joqogħdu għal-​liġijiet u juru rispett lejn ministri governattivi, uffiċjali, imħallfin, u awtoritajiet taʼ l-​ibliet, u jagħtu ġieħ “lil min imissu l-​ġieħ.” (Rumani 13:7) Ġenituri li huma Xhieda jikkoperaw minn qalbhom maʼ l-​għalliema tat-​tfal tagħhom u jgħinu lil uliedhom biex jistudjaw sew, sabiex iktar tard dawn ikunu kapaċi jaqilgħu l-​għajxien tagħhom u ma jkunux taʼ piż għas-​soċjetà. (1 Tessalonikin 4:11, 12) Ġewwa l-​kongregazzjonijiet tagħhom, ix-​Xhieda jopponu l-​preġudizzju razzjali u distinzjonijiet tal-​klassi, u jattribwixxu importanza kbira lit-​tisħiħ tal-​ħajja tal-​familja. (Atti 10:34, 35; Kolossin 3:18-21) Għalhekk, bl-​azzjonijiet tagħhom, dawn juru li l-​akkużi li huma jiħduha kontra l-​arranġament tal-​familja jew li ma jagħtux għajnuna lill-​komunità huma foloz. B’hekk, jiġi muri li l-​kliem taʼ l-​appostlu Pietru huwa veru: “Għax din hija r-​rieda taʼ Alla: li bl-​għemil tajjeb tagħkom issikktu fomm l-​injuranza taʼ nies bla għaqal.”—1 Pietru 2:15.

17. Il-​Kristjani kif jistgħu jkomplu ‘jimxu bil-​għaqal maʼ dawk li huma barranin għalihom’?

17 Għalhekk, waqt li s-​segwaċi ġenwini taʼ Kristu ‘m’humiex tad-​dinja,’ huma xorta waħda jinsabu fid-​dinja tas-​soċjetà umana u jridu jkomplu ‘jimxu bil-​għaqal maʼ dawk li huma barranin għalihom.’ (Ġwann 17:16; Kolossin 4:5) Sakemm Jehovah jippermetti li l-​awtoritajiet superjuri jaqdu bħala l-​uffiċjali tiegħu, aħna se nuru rispett xieraq lejhom. (Rumani 13:1-4) Waqt li nibqgħu newtrali fejn għandha x’taqsam il-​politika, aħna nitolbu ‘għas-​slaten u għal dawk kollha li għandhom xi awtorità,’ partikolarment meta jkun jeħtieġ li dawn jieħdu xi deċiżjoni li tistaʼ teffettwa l-​libertà tal-​qima. Se nibqgħu nagħmlu dan sabiex “inkunu nistgħu ngħaddu ħajja fil-​kwiet u fis-​sliem, fit-​tjieba u kif jixraq,” sabiex “[i]l-bnedmin kollha jsalvaw.”—1 Timotju 2:1-4. (w97 11/1)

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​ktieb Revelation​—Its Great Climax At Hand!, kapitlu 35, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Mistoqsijiet Bħala Reviżjoni

◻ Il-​Kristjani minn liema “dinja” huma parti, imma minn liema “dinja” ma jistgħu jkunu ebda parti?

◻ X’inhu ssimbolizzat bil-​“marka” tal-​“bhima” fuq id jew ġbin taʼ persuna, u l-​qaddejja leali taʼ Jehovah liema marki għandhom?

◻ Il-​Kristjani veri għandhom liema ħarsa bilanċjata lejn il-​gvernijiet umani?

◻ Liema huma xi modi li bihom ix-​Xhieda taʼ Jehovah jikkontribwixxu għall-​benesseri tas-​soċjetà umana?

[Stampi f’paġna 30]

Il-​Bibbja tidentifika lill-​gvernijiet umani kemm bħala qaddej t’Alla u kemm bħala bhima salvaġġa

[Stampa f’paġna 31]

Minħabba li juru tħassib b’imħabba għal oħrajn, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma taʼ siwi kbir għall-​komunitajiet tagħhom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja