LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 3/1 pp. 20-24
  • Grata Għal Wirt Kristjan Sod

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Grata Għal Wirt Kristjan Sod
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iż-​Żelu taʼ Missieri għall-​Verità tal-​Bibbja
  • L-​Isfida tas-​Snin tal-​Gwerra
  • Lesti li Nipprovdu Tweġiba
  • Stedina mhix Mistennija
  • Inkarigi Missjunarji
  • Bidliet fl-​Inkarigu
  • Xogħol fin-​Niġerja
  • Sostnuti bit-​Tama Tagħna
  • Ġeħova Saħħaħna Kemm fil-Gwerra u Kemm fil-Paċi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Jehovah Hu r-Refuġju u l-Qawwa Tiegħi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Nuru Gratitudni Lejn Jehovah—Permezz tas-Servizz Full-time!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Ġeħova Għallimni Nagħmel ir-Rieda Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 3/1 pp. 20-24

Grata Għal Wirt Kristjan Sod

KIF IRRAKKONTAT MINN GWEN GOOCH

L-​iskola kont inkanta innu bil-​kliem, ‘il-​Kbir Jehovah qiegħed fuq it-​tron fil-​glorja tiegħu.’ Taʼ spiss kont inberren, ‘Min hu dan Jehovah?’

IN-​NANNIET tiegħi kellhom il-​biżaʼ t’Alla. Kmieni f’dan is-​seklu, huma assoċjaw maʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja, bħalma kienu jissejħu dak iż-​żmien ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Missieri kien negozjant taʼ suċċess imma lit-​tliet uliedu m’għaddilhomx mill-​ewwel il-​wirt Kristjan li kien ġie offrut lilu.

Kien biss meta missieri ta l-​booklets intitolati His Works u Who Is God? lil ħija Douglas, lil oħti Anne, u lili li sirt naf li Jehovah huwa l-​isem tal-​veru Alla. (Salm 83:19 [Salm 83:18, NW]) Bqajt imbellha! Imma x’kien li reġaʼ kebbes l-​interess taʼ missieri?

Fl-1938, meta ra l-​ġnus ilestu għall-​gwerra, missieri rrealizza li l-​isforzi umani ma kinux biżżejjed biex isibu rimedju għall-​problemi tad-​dinja. In-​nanna tatu l-​ktieb Enemies, ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Meta qrah sar jaf li l-​veru għadu taʼ l-​umanità hu Satana x-​Xitan u li s-​Saltna t’Alla biss tistaʼ ġġib il-​paċi fid-​dinja.a—Danjel 2:44; 2 Korintin 4:4.

Hekk kif qorbot il-​gwerra, il-​familja tagħna bdiet tattendi għal-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’Wood Green, fit-​Tramuntana taʼ Londra. F’Ġunju taʼ l-​1939 aħna morna l-​Alexandra Palace, li kien qrib, biex nisimgħu t-​taħdita pubblika, “Gvern u Paċi,” mogħtija minn Joseph F. Rutherford, li dak iż-​żmien kien il-​president tal-​Watch Tower Society. It-​taħdita taʼ Rutherford fil-​Madison Square Garden taʼ New York City ġiet imxandra fuq ir-​radju f’Londra u fi bliet ewlenin oħrajn. Tant stajna nisimgħu t-​taħdita b’mod ċar li meta ċorma nies storbjużi fi New York ikkaġunaw frattarija, ħarist madwari biex nara jekk dan kienx qed jiġri fl-​awditorju tagħna!

Iż-​Żelu taʼ Missieri għall-​Verità tal-​Bibbja

Missieri insista li kull nhar taʼ Sibt fil-​għaxija l-​familja kollha tagħna tieħu sehem flimkien fi studju tal-​Bibbja. L-​istudju tagħna kien iċċentrat fuq is-​suġġett mill-​Bibbja fil-​Watchtower li kien imissu jiġi diskuss il-​ġurnata taʼ wara. Biex nagħti eżempju taʼ l-​impatt li kellhom dawn l-​istudji tal-​Bibbja, ir-​rakkont dwar Ġożwè u l-​assedju tal-​belt taʼ Għaj diskuss fil-​Watchtower taʼ l-​1 taʼ Mejju, 1939, għadu ċar f’moħħi sal-​lum. Dan ir-​rakkont tant qanqalli kurżità li ċċekkjajt ir-​referenzi kollha dwaru fil-​Bibbja tiegħi. Riċerka bħal din sibtha affaxxinanti​—u għadni nsibha hekk sal-​lum.

Li naqsmu m’oħrajn dak li konna qed nitgħallmu ġiegħel it-​tagħlim tal-​Bibbja jinżel iktar fil-​fond ġewwa qalbi. Darba waħda missieri tani fonografu bi priedka minn fuq il-​Bibbja rrekordjata, ktejjeb li konna nużaw għal studju tal-​Bibbja, u l-​indirizz taʼ waħda mara mdaħħla fiż-​żmien. Imbagħad qalli biex immur għandha.

“X’se ngħidilha, u x’se nagħmel?” staqsejtu jien.

“Kollox għandek hemm,” weġibni missieri. “Kemm iddoqq id-​diska, taqra l-​mistoqsijiet, tgħid lill-​inkwilin jaqra t-​tweġibiet, u mbagħad taqra l-​iskritturi.”

Għamilt kif qalli, u b’dan il-​mod tgħallimt nikkonduċi studju tal-​Bibbja. Billi kont nuża l-​Iskritturi b’dan il-​mod fil-​ministeru tiegħi, stajt nifhimhom aħjar.

L-​Isfida tas-​Snin tal-​Gwerra

It-​tieni Gwerra Dinjija faqqgħet fl-​1939, u s-​sena taʼ wara tgħammidt bħala simbolu tad-​dedikazzjoni tiegħi biex naqdi lil Jehovah. Kelli biss 13-il sena. Imbagħad iddeċidejt li nsir pijuniera, bħalma huma msejħin il-​ministri full-time. Spiċċajt l-​iskola fl-​1941 u fil-​konvenzjoni taʼ Leicester ngħaqadt maʼ Douglas fl-​attività taʼ l-​ippridkar full-time.

Is-sena taʼ wara, missieri ġie mitfugħ il-​ħabs talli rrifjuta li jieħu sehem fil-​gwerra. Aħna t-​tfal ngħaqadna biex ngħinu lil ommi tieħu ħsieb id-​dar tagħna matul dak iż-​żmien diffiċli tal-​gwerra. Imbagħad, eżatt wara li missieri ġie meħlus mill-​ħabs Douglas ġie msejjaħ għas-​servizz militari. Titlu f’gazzetta lokali qal, “Għala L-​Iben Bħal Missieru Għażel Il-​Ħabs.” Dan irriżulta f’xiehda tajba, hekk kif ġiet ipprovduta opportunità biex jiġi spjegat għala l-​Kristjani veri ma jiħdux sehem f’li joqtlu lill-​bnedmin sħabhom.—Ġwann 13:35; 1 Ġwann 3:10-12.

Matul dawk is-​snin taʼ gwerra, ħafna Xhieda fil-​ministeru full-time kienu jżuru d-​dar tagħna regolarment, u d-​diskussjonijiet li jibnu tagħhom ibbażati minn fuq il-​Bibbja ħallew impressjoni dejjiema. Fost dawn l-​aħwa Kristjani leali kien hemm John Barr u Albert Schroeder, li issa huma membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Il-​ġenituri tiegħi kienu verament ospitabbli, u għallmuna biex inkunu bħalhom.—Lhud 13:2.

Lesti li Nipprovdu Tweġiba

Ftit wara li bdejt ix-​xogħol taʼ pijunier, iltqajt maʼ Hilda fil-​ministeru minn bieb għal bieb. Hi b’rabja ddikjarat: “Żewġi qed jiġġieled għall-​benefiċċju taʼ nies bħalek! Għala m’intix qed tagħmel xi ħaġa int bħala appoġġ għall-​gwerra?”

“Int kemm taf dwar dak li qed nagħmel jien?” staqsejtha. “Taf għala ġejt għandek?”

“Insomma,” weġbitni, “aħjar tidħol u tgħidli.”

Stajt nispjegalha li aħna konna qegħdin nipprovdu tama vera lin-​nies li kienu qed isofru minħabba l-​għemejjel orribbli li kienu qed isiru​—taʼ spiss f’isem Alla. Hilda qagħdet tismaʼ b’apprezzament, u saret l-​ewwel studenta regulari tal-​Bibbja li studjat miegħi. Issa ilha Xhud attiva għal iktar minn 55 sena.

Fi tmiem il-​gwerra, irċevejt inkarigu ġdid taʼ pijuniera f’Dorchester, belt fil-​Lbiċ taʼ l-​Ingilterra. Din kienet l-​ewwel darba li għext barra mid-​dar. Il-​kongregazzjoni żgħira tagħna kienet tiltaqaʼ ġewwa restorant, bini tas-​seklu 16 imsejjaħ “The Old Tea House.” Kellna noqogħdu nirranġaw l-​imwejjed u s-​siġġijiet għal kull laqgħa tagħna. Kien differenti ferm mis-​Sala tas-​Saltna fejn kont imdorrija mmur. Minkejja dan, kien hemm l-​istess ikel spiritwali u sħubija taʼ mħabba taʼ l-​aħwa Kristjani rġiel u nisa.

Sadanittant il-​ġenituri tiegħi marru joqogħdu Tunbridge Wells, fin-​Nofs in-​Nhar taʼ Londra. Mort lura d-​dar sabiex missieri, Anne, u jien stajna nagħmlu x-​xogħol taʼ pijunier flimkien. Il-​kongregazzjoni tagħna malajr kibret minn 12 għal 70 Xhud, u għalhekk il-​familja tagħna ġiet mitluba biex tmur Brighton fil-​kosta tan-​Nofs in-​Nhar, fejn il-​bżonn għall-​proklamaturi tas-​Saltna kien akbar. Ħafna ngħaqdu b’mod żeluż fl-​ippridkar mal-​familja tagħna taʼ pijunieri, u rajna lil Jehovah jbierek bil-​kbir ix-​xogħol tagħna. Minn kongregazzjoni waħda malajr saru tlieta!

Stedina mhix Mistennija

Fis-​sajf taʼ l-​1950, il-​familja tagħna kienet fost it-​850 delegat mill-​Britannja li attendew għall-​Assemblea Internazzjonali Theocracy’s Increase fil-​Yankee Stadium taʼ New York City. Ħafna pijunieri li setgħu jiġu għal dik il-​konvenzjoni minn pajjiżi oħrajn irċevew applikazzjoni biex jattendu għall-​Watchtower Bible School of Gilead, li kienet tinsab ħdejn South Lansing, New York. Douglas, Anne, u jien konna fosthom! Niftakar xi ħsibt meta impostajt l-​applikazzjoni tiegħi fil-​kaxxa taʼ l-​ittri, ‘Issa li hemm, hemm! X’direzzjoni se tieħu ħajti?’ Madankollu, id-​determinazzjoni tiegħi kienet: “Hawn jien: ibgħat lili!” (Isaija 6:8) Kont eċċitata meta rċevejt stedina biex nibqaʼ hemm wara l-​konvenzjoni biex nattendi għas-​16-il klassi taʼ Gilead, flimkien maʼ Douglas u Anne. Ilkoll kemm aħna konna konxji li setgħu jibagħtuna bħala missjunarji fi kwalunkwe parti tad-​dinja.

Wara li gawdejna l-​konvenzjoni flimkien bħala familja, kien wasal il-​ħin għall-​ġenituri tagħna biex jirritornaw lejn l-​Ingilterra​—waħedhom. It-​tlieta li aħna xejjirnielhom hekk kif salpaw lejn id-​dar fuq il-​Mauritania. X’firda emozzjonali kienet dik!

Inkarigi Missjunarji

Is-​16-il klassi taʼ Gilead kienet ifformata minn 120 student mill-​partijiet kollha tad-​dinja, inklużi xi wħud li kienu sofrew fil-​kampijiet tal-​konċentrament tan-​Nazi. Ladarba l-​klassi tagħna ġiet mgħallma l-​Ispanjol, aħna stennejna li konna se nintbagħtu lejn xi pajjiż fl-​Amerka t’Isfel fejn jitkellmu bl-​Ispanjol. Immaġina s-​sorpriża tagħna fil-​ġurnata tal-​gradwazzjoni meta sirna nafu li Douglas ġie mibgħut il-​Ġappun u Anne u jien is-​Sirja. Għalhekk, aħna n-​nisa kellna nitgħallmu l-​Għarbi, u dan baqaʼ jgħodd saħansitra meta l-​inkarigu tagħna nbidel għal-​Libanu. Sakemm qgħadna nistennew għall-​visa tagħna, ġejna mogħtijin lezzjonijiet taʼ l-​Għarbi darbtejn fil-​ġimgħa minn George Shakashiri, dak li fil-​Watch Tower Society kien jissettja t-​Torri taʼ l-​Għassa bil-​Għarbi.

Kemm kien eċċitanti li konna sejrin ġo art Biblika li studjajna dwarha fil-​klassi! Keith u Joyce Chew, Edna Stackhouse, Olive Turner, Doreen Warburton, u Doris Wood akkumpanjawna hemmhekk. X’familja missjunarja ferħana sirna! Wieħed xhud lokali żar id-​dar missjunarja tagħna biex jgħinna iżjed fil-​lingwa. Matul il-​perijodu taʼ istruzzjoni taʼ kuljum tagħna, konna nipprattikaw preżentazzjoni qasira, u wara konna nużawha meta noħorġu fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tagħna.

Qattajna l-​ewwel ftit snin tagħna ġewwa Tripli, fejn kien hemm kongregazzjoni stabbilita. Joyce, Edna, Olive, Doreen, Doris, Anne, u jien għenna lin-​nisa u lit-​tfal bniet tax-​Xhieda lokali biex jieħdu sehem fil-​laqgħat kif ukoll fil-​ministeru pubbliku. Sa dak iż-​żmien, ħutna rġiel u nisa Kristjani, skond id-​drawwa lokali, ma kinux ipoġġu ħdejn xulxin fil-​laqgħat, u dawn l-​aħwa nisa Kristjani rari kienu jieħdu sehem fil-​ministeru minn dar għal dar. Kellna bżonn l-​għajnuna tagħhom minħabba l-​lingwa fl-​ippridkar pubbliku tagħna, u inkuraġġejniehom biex huma nfushom jieħdu sehem f’dan ix-​xogħol.

Imbagħad Anne u jien ġejna mibgħutin biex ngħinu lil grupp żgħir taʼ Xhieda fil-​belt antika taʼ Sidon. Ftit taż-​żmien wara, ġejna mitlubin biex nirritornaw lejn il-​belt kapitali, Bejrut. Żrieragħ tal-​verità tal-​Bibbja kienu ġew miżrugħin fost il-​komunità t’hemmhekk li kienu jitkellmu bl-​Armenjan, u għalhekk tgħallimna dik il-​lingwa biex ngħinuhom.

Bidliet fl-​Inkarigu

Qabel ma tlaqt mill-​Ingilterra kont iltqajt maʼ Wilfred Gooch. Kien ħu żeluż u qalbu tajba, li kien qeda fil-​Betel taʼ Londra. Wilf kien membru tal-​15-il klassi taʼ Gilead, li ggradwat matul il-​konvenzjoni tal-​Yankee Stadium fl-​1950. L-​inkarigu missjunarju tiegħu kien fl-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society fin-​Niġerja, u għal xi żmien konna niktbu lil xulxin. Fl-​1955 it-​tnejn li aħna attendejna għall-​konvenzjoni “Triumphant Kingdom” f’Londra, u ftit wara tgħarrasna. Is-​sena taʼ wara żżewwiġna f’Ghana, u jien ngħaqadt maʼ Wilf fl-​inkarigu missjunarju tiegħu f’Lagos, fin-​Niġerja.

Wara li ħallejt lil Anne fil-​Libanu, hi żżewġet ħu Kristjan mill-​aħjar li kien tgħallem il-​verità tal-​Bibbja f’Ġerusalemm. Il-​ġenituri tiegħi ma setgħux jattendu ż-​żwiġijiet tagħna, ladarba Douglas, Anne, u jien iżżewwiġna f’partijiet differenti tad-​dinja. Xorta waħda, huma kienu kuntenti meta saru jafu li aħna lkoll konna qed naqdu bil-​ferħ lil Alla tagħna, Jehovah.

Xogħol fin-​Niġerja

Fl-​uffiċċju tal-​fergħa taʼ Lagos, ġejt assenjata biex innaddaf il-​kmamar tat-​tmien membri tal-​familja tal-​fergħa tagħna kif ukoll nipprepara l-​ikliet tagħhom u naħslilhom ħwejjiġhom. Għalija deher li mhux biss akkwistajt raġel imma wkoll familja sħiħa!

Wilf u jien tgħallimna preżentazzjonijiet Bibliċi qosra fil-​lingwa Joruba, u ġejna mberkin għall-​isforzi tagħna. Student żagħżugħ li darba konna kkuntattjajna issa għandu lil ibnu u lil bintu jaqdu ġewwa l-​familja kbira taʼ Betel taʼ madwar 400 membru fin-​Niġerja.

Fl-1963, Wilf irċieva stedina biex jattendi għal kors t’għaxar xhur taʼ istruzzjoni speċjali fi Brooklyn, New York. Wara li spiċċah, reġaʼ ġie mibgħut bla ma kien mistenni lejn l-​Ingilterra. Jien kont bqajt fin-​Niġerja u tawni biss 14-il ġurnata biex niltaqaʼ maʼ Wilf f’Londra. Kont bejn ħalltejn meta tlaqt, għax in-​Niġerja tant kienet inkarigu taʼ ferħ. Wara li qdejt għal 14-il sena barra mill-​Ingilterra, ħadt iż-​żmien biex nerġaʼ nidra l-​ħajja t’hemmhekk. Madankollu, konna grati li erġajna konna qegħdin qrib tal-​ġenituri anzjani tagħna u li stajna nieħdu ħsiebhom.

Sostnuti bit-​Tama Tagħna

Mis-​sena 1980, kelli l-​privileġġ li nissieħeb maʼ Wilf hekk kif ivvjaġġa lejn ħafna pajjiżi bħala indokratur taż-​żona. Ħarist ’il quddiem b’mod speċjali lejn iż-​żjajjar lura li għamilna fin-​Niġerja. Iktar tard morna wkoll fl-​Iskandinavja, fil-​West Indies, u fil-​Lvant Nofsani​—inkluż il-​Libanu. Kien eċċitament speċjali li nerġaʼ nesperjenza memorji sbieħ u nara lil dawk li kont nafhom bħala żgħażagħ issa jaqdu bħala anzjani Kristjani.

Jiddispjaċini ngħid, l-​għażiż żewġi miet fir-​rebbiegħa taʼ l-​1992. Kellu biss 69 sena. Kienet diżgrazzja kbira għalija speċjalment minħabba li ġrat f’daqqa waħda. Wara 35 sena miżżewġin, kellu jgħaddi ż-​żmien biex naddatta ruħi. Imma rċevejt ħafna għajnuna u mħabba mill-​familja Kristjana mad-​dinja kollha. Kelli ħafna esperjenzi sbieħ fuq xiex nirrifletti.

Kemm missieri u kemm ommi pprovdew eżempju brillanti taʼ integrità Kristjana. Ommi mietet fl-​1981 u missieri miet fl-​1986. Douglas u Anne għadhom jaqdu lealment lil Jehovah. Douglas u martu, Kam, reġgħu qegħdin Londra, fejn baqgħu wara li ħadu ħsieb missieri. Anne u l-​familja tagħha qegħdin fl-​Istati Uniti. Ilkoll kemm aħna napprezzaw ħafna t-​tama u l-​wirt li Alla tana. Aħna nibqgħu ‘nittamaw fih,’ billi nħarsu ’l quddiem lejn dak iż-​żmien meta l-​ħajjin, flimkien mal-​maħbubin irxoxtati tagħhom, se jaqdu għal dejjem flimkien bħala membri tal-​familja taʼ Jehovah hawn fuq l-​art.—Lamentazzjonijiet 3:24.

[Nota taʼ taʼ taħt]

a L-istorja dwar il-​ħajja taʼ missieri, Ernest Beavor, dehret fil-​Watchtower tal-​15 taʼ Marzu, 1980.

[Stampi f’paġna 23]

Min-​naħa taʼ fuq tax-​xellug skond l-​arloġġ:

Gwen taʼ 13-il sena f’turija taʼ studju tal-​Bibbja fis-​Sala tas-​Saltna taʼ Enfield

Il-​familja missjunarja ġewwa Tripli, il-​Libanu, fl-​1951

Gwen maʼ żewġha Wilf

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja