LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w98 3/15 pp. 18-23
  • Ngħixu fi Qbil mad-Dedikazzjoni Kristjana fil-Libertà

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ngħixu fi Qbil mad-Dedikazzjoni Kristjana fil-Libertà
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Ispirtu t’Alla Jnaqqas il-​Ħtieġa għal Regoli
  • Iridu Jagħtu Kont lil xi Ġemgħa li Tiggverna?
  • Studenti u Suldati
  • Min qed imexxi l-​poplu t’Alla llum?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Nikkoperaw mal-Ġemgha li Tiggverna Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1990
  • Min Hu “l-Ilsir Leali u Għaqli” u X’Jagħmel?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Kif Taħdem il-Ġemgħa li Tiggverna Llum?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
w98 3/15 pp. 18-23

Ngħixu fi Qbil mad-​Dedikazzjoni Kristjana fil-​Libertà

“Fejn hemm l-​Ispirtu tal-​Mulej hemm il-​ħelsien.”—2 KORINTIN 3:17.

1. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah lil min huma ddedikati, u għala jużaw aġenziji legali?

IX-​XHIEDA TAʼ JEHOVAH jemmnu li r-​reliġjon tagħhom se tibqaʼ għal dejjem. Għalhekk, huma jħarsu ’1 quddiem biex jaqdu lil Alla “fl-​ispirtu u l-​verità” għall-​eternità kollha. (Ġwann 4:23, 24) Bħala aġenti morali ħielsa, dawn il-​Kristjani għamlu dedikazzjoni bla riżerva lil Alla Jehovah u huma ddeterminati li jgħixu fi qbil magħha. Għal dan l-​għan, huma jistrieħu fuq il-​Kelma t’Alla u fuq l-​ispirtu qaddis tiegħu. Hekk kif b’qalbhom kollha jsegwu l-​korsa taʼ dedikazzjoni Kristjana fil-​libertà li tahom Alla, ix-​Xhieda juru rispett mistħoqq lejn l-​irwol taʼ l-​“awtorità” governattiva taʼ fuqhom u jagħmlu użu xieraq minn mezzi u provvedimenti legali. (Rumani 13:1; Ġakbu 1:25) Per eżempju, ix-​Xhieda jużaw il-​Watch Tower Society bħala strument legali —wieħed minn ħafna f’diversi pajjiżi—biex jgħinhom iwettqu x-​xogħol tagħhom li jgħinu lill-​bnedmin sħabhom, speċjalment bˈmodi spiritwali. Imma x-​Xhieda huma ddedikati lil Alla, mhux lil xi aġenzija legali, u d-​dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah se tibqaʼ għal dejjem.

2. Il-​Watch Tower Society u aġenziji legali simili għala huma apprezzati ħafna mix-​Xhieda taʼ Jehovah?

2 Bħala qaddejja ddedikati lil Alla, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma obbligati li jsegwu l-​istruzzjonijiet taʼ Ġesù: “Agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom.”(Mattew 28:19, 20) Dan ix-​xogħol se jkompli sat-​tmiem tas-​sistema taʼ affarijiet, għax Ġesù qal ukoll: “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24: 3, 14) Kull sena, faċilitajiet taʼ l-​istampar tal-​Watch Tower Society u korporazzjonijiet legali simili jissupplixxu lix-​Xhieda taʼ Jehovah b’miljuni taʼ Bibbji, kotba, brochures, u rivisti għall-​użu fl-​attività tagħhom taʼ ppridkar mad-​dinja kollha. Għalhekk, dawn l-​entitajiet legali huma imprezzabbli biex jgħinu lill-​qaddejja dedikati t’Alla jgħixu fi qbil mad-​dedikazzjoni tagħhom lejh.

3. Ix-​Xhieda taˈ Jehovah fˈliema sens qabel kienu jużaw it-​terminu, “is-​Soċjetà“?

3 Xi ħadd jistaʼ jsostni li l-​mod kif ix-​Xhieda jitkellmu dwar il-​Watch Tower Society—jew iżjed spiss sempliċement “is-​Soċjetà”—jindika li huma jħarsu lejha bħala iktar minn strument legali. Ma jqisuhiex huma bħala l-​awtorità finali fuq kwistjonijiet taʼ qima? Il-​ktieb Jehovah’s Witnesses —Proclaimers of God’s Kingdom jiċċara dan il-​punt billi jispjega: “Meta The Watch tower [taʼ l-​1 taʼ Ġunju, 1938] irrefera għas-​‘Soċjetà,’ dan kien ifisser, mhux sempliċement strument legali, imma l-​ġemgħa taʼ Kristjani midlukin li kienet ifformat dik l-​entità legali u kienet qiegħda tużaha.”a L-​espressjoni għalhekk kienet tirrappreżenta “l-​irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45, NW) Huwa f’dan is-​sens li x-​Xhieda kienu ġeneralment jużaw it-​terminu, “is-​Soċjetà.” M’għandniex xi ngħidu, il-​korporazzjoni legali u “l-​irsir leali u diskret” m’humiex termini li jirreferu għall-​istess ħaġa. Id-​diretturi tal-​Watch Tower Society jiġu eletti, fil-​waqt li x-​Xhieda li jifformaw “l-​irsir leali” huma midlukin bl-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah.

4. (a) Ħafna Xhieda kif jesprimu ruħhom sabiex jevitaw li jiġu mifhumin ħażin? (b) Għala għandna nkunu bbilanċjati rigward it-​terminoloġija?

4 Sabiex jevitaw li jiġu mifhumin ħażin, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jipprovaw joqogħdu attenti dwar il-​mod kif jesprimu ruħhom. Minflok ma jgħidu, “is-​Soċjetà tgħallem,” ħafna Xhieda jippreferu jużaw espressjonijiet bħalma huma, “il-​Bibbja tgħid” jew, “fil-​fehma tiegħi l-​Bibbja tgħallem.” B’dan il-​mod huma jenfasizzaw id-​deċiżjoni persunali li jieħu kull Xhud meta jaċċetta t-​tagħlim tal-​Bibbja u wkoll jevitaw li jagħtu l-​impressjoni falza li x-​Xhieda huma b’xi mod marbutin maʼ dak li tiddetta xi setta reliġjuża. M’għandniex xi ngħidu, suġġerimenti rigward terminoloġija m’għandhom qatt isiru suġġett taʼ kontroversja. Wara kollox, it-​terminoloġija hija taʼ importanza biss sal-​punt li tevita xi nuqqas taʼ ftehim. Il-​bilanċ Kristjan huwa meħtieġ. Il-​Bibbja tammonina biex ‘ma nintilfux fi kwistjonijiet dwar kliem.’ (2 Timotju 2:14,15) L-​Iskrittura tistqarr ukoll dan il-​prinċipju: “Jekk bi lsienkom ma tlissnux kliem li jinftiehem, kif jistaʼ wieħed jifhem xi tkunu tgħidu?”—1 Korintin 14:9.

L-​Ispirtu t’Alla Jnaqqas il-​Ħtieġa għal Regoli

5. L-​ewwel Korintin 10:23 kif għandu jiġi mifhum?

5 “L-​affarijiet kollha huma leċiti; imma mhux l-​affarijiet kollha huma vantaġġużi,” innota l-​appostlu Pawlu. U żied: “L-​affarijiet kollha huma leċiti; imma mhux l-​affarijiet kollha jedifikaw.” (1 Korintin 10:23, NW) Ovvjament Pawlu ma riedx ifisser li huwa leċitu li tagħmel affarijiet ikkundannati b’mod ċar mill-​Kelma t’Alla. Imqabblin mal-​madwar 600 liġi mogħtija lil Iżrael tal-​qedem, hemm komparattivament ftit kmandi espliċiti li jirregolaw il-​ħajja Kristjana. Għalhekk, ħafna kwistjonijiet jitħallew għall-​kuxjenza taʼ l-​individwu. Wieħed li jkun għamel dedikazzjoni lil Jehovah jgawdi l-​libertà li tirriżulta permezz taʼ gwida mill-​ispirtu t’Alla. Billi jkun ħalla l-​verità ssir parti minnu, il-​Kristjan isegwi l-​kuxjenza tiegħu mħarrġa fuq il-​Bibbja u jistrieħ fuq id-​direzzjoni t’Alla permezz taʼ l-​ispirtu qaddis. Dan jgħin lill-​Kristjan dedikat biex jiddetermina dak li ‘jedifika’ u li jkun ‘vantaġġuż’ għalih u għal oħrajn. Hu jirrealizza li d-​deċiżjonijiet li jieħu se jeffettwaw ir-​relazzjoni persunali tiegħu m’Alla, li lilu hu ddedikat.

6. Fil-​laqgħat Kristjani, kif nistgħu nuru li l-​verità saret parti minna?

6 Wieħed li hu Xhud juri li jkun ħalla l-​verità ssir parti minnu billi jikkummenta fil-​laqgħat Kristjani. Għall-​ewwel għandu mnejn jaqra kelma b’kelma dak li jkun hemm miktub fil-​pubblikazzjoni li tkun qed tiġi studjata. Iżda maż-​żmien jipprogressa sal-​punt li jibda jesprimi t-​tagħlim bibliku fi kliemu stess. B’hekk, jagħti evidenza li hu jkun qed jiżviluppa l-​abbiltà tal-​ħsieb mhux ikun sempliċement qed jirrepeti dak li jkunu qalu oħrajn. Meta l-​ħsibijiet jibnihom fi kliemu stess u jesprimi kliem korrett taʼ verità mill-​qalb dan se jġiblu ferħ u juri li hu konvint f’moħħu.—Koħèlet 12:10; qabbel Rumani 14:5b.

7. Qaddejja taʼ Jehovah liema deċiżjonijiet ħadu minn jeddhom?

7 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma mmotivati mill-​imħabba għal Alla u għall-​bnedmin sħabhom. (Mattew 22:36-40) Veru, huma magħqudin flimkien bir-​rabta taʼ mħabba bħal taʼ Kristu fi sħubija taʼ aħwa mad-​dinja kollha. (Kolossin 3:14; 1 Pietru 5:9) Imma bħala aġent morali ħieles, kull wieħed minnhom iddeċieda personalment li jiddikjara l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla, li jibqaʼ newtrali politikament, li jastjeni mid-​demm, li jevita ċerti tipi taʼ divertiment, u li jgħix fi qbil mal-​livelli tal-​Bibbja. Dawn m’humiex deċiżjonijiet li jiġu sforzati fuqhom. Dawn huma deċiżjonijiet li jifformaw parti minn mod taʼ ħajja li jintgħażel volontarjament minn Xhieda potenzjali qabel saħansitra ma jieħdu l-​pass tad-​dedikazzjoni Kristjana.

Iridu Jagħtu Kont lil xi Ġemgħa li Tiggverna?

8. Liema mistoqsija trid tiġi ċċarata?

8 Il-​Bibbja turi ċar li l-​Kristjani veri ma jaqdux lil Alla bilfors. Din tgħid: “Il-​Mulej huwa l-​Ispirtu, u fejn hemm l-​Ispirtu tal-​Mulej hemm il-​ħelsien.” (2 Korintin 3:17) Imma kif jistaʼ dan il-​fatt ikun fi qbil maʼ l-​idea taʼ “rsir leali u diskret” bil-​Ġemgħa li Tiggverna tiegħu?—Mattew 24:45-47, NW.

9, 10. (a) Il-​prinċipju taʼ l-​istat taʼ kap kif japplika fil-​kongregazzjoni Kristjana? (b) Li jiġi segwit il-​prinċipju taʼ l-​istat taʼ kap x’kien jirrikjedi fil-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu?

9 Biex inwieġbu din il-​mistoqsija, irridu nżommu f’moħħna l-​prinċipju Skritturali taʼ l-​istat taʼ kap. (1 Korintin 11:3) F’Efesin 5: 2l-24, Kristu huwa identifikat bħala “ras il-​Knisja,” dak li lejh din “hija sottomessa” (NW). Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jifhmu li l-​irsir leali u diskret huwa fformat mill-​aħwa spiritwali taʼ Ġesù. (Lhud 2:10-13) Din il-​klassi taʼ l-​irsir leali ġiet maħtura biex tipprovdi lin-​nies t’Alla ‘b’ikel spiritwali fiż-​żmien xieraq.’ F’dan iż-​żmien tat-​tmiem, Kristu ħatar lil dan l-​irsir “fuq dak kollu li jippossiedi.” Għalhekk, il-​pożizzjoni tiegħu jixirqilha r-​rispett taʼ kull min jgħid li hu Kristjan.

10 L-​iskop taʼ l-​istat taʼ kap huwa biex tiġi ppreservata l-​unità u jiġi żgurat li “jsir kollox kif imur u bl-​ordni.” (1 Korintin 14:40) Biex jinkiseb dan fl-​ewwel seklu, għadd taʼ Kristjani midlukin mill-​klassi taʼ l-​irsir leali u diskret ġew magħżulin biex jirrappreżentaw lill-​grupp kollu kemm hu. Bħalma wrew il-​ġrajjiet li seħħew wara, l-​indokrar eżerċitat minn din il-​ġemgħa li tiggverna taʼ l-​ewwel seklu kellu l-​approvazzjoni u l-​barka taʼ Jehovah. Il-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu aċċettaw bil-​ferħ dan l-​arranġament. Iva, fil-​fatt huma laqgħuh u kienu grati għar-​riżultati mill-​aħjar li kien ipproduċa.—Atti 15:l-32.

11. Il-​Ġemgħa li Tiggverna taʼ żmienna kif għandha titqies?

11 Il-​valur taʼ dan l-​arranġament għadu jeżisti. Fil-​preżent, il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah hija komposta minn għaxar Kristjani midlukin, kollha b’għaxriet taʼ snin taʼ esperjenza Kristjana warajhom. Huma joffru direzzjoni spiritwali lix-​Xhieda taʼ Jehovah, bħalma kienet tagħmel il-​ġemgħa li tiggverna taʼ l-​ewwel seklu. (Atti 16:4) Bħall-​Kristjani bikrin, ix-​Xhieda bil-​ferħ iħarsu lejn l-​aħwa maturi tal-​Ġemgħa li Tiggverna għal direzzjoni u gwida bbażati fuq il-​Bibbja fejn jidħlu kwistjonijiet taʼ qima. Għalkemm membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna huma rsiera taʼ Jehovah u taʼ Kristu, bħalma huma l-​Kristjani sħabhom, il-​Bibbja tistruwina: “Oqogħdu għal dawk li jmexxukom, u obduhom, għax huma jgħassu fuqkom għall-​ġid tagħkom, bħala nies li għad iridu jagħtu kont tagħkom. Hekk huma jaqdu dan id-​dmir bil-​ferħ, u mhux bi swied il-​qalb; għax dan ma jkun jiswielkom taʼ ebda ġid.”—Lhud 13:17.

12. Kull Kristjan individwali lil min irid jagħti kont?

12 Ifisser dan li kull wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah jrid jagħti kont taʼ xogħlijietu lill-​Ġemgħa li Tiggverna minħabba l-​pożizzjoni taʼ indokrar li l-​Iskrittura tassenjalha? Skond il-​kliem taʼ Pawlu lill-​Kristjani f’Ruma dan m’huwiex il-​każ: “Imma int, għax għandek tagħmel ħaqq minn ħuk? Jew lil ħuk, għaliex għandek tmaqdru? Aħna lkoll għad nidhru quddiem it-​tribunal taʼ Alla;... kull wieħed minna għad jagħti kont tiegħu nnifsu lil Alla.”—Rumani 14:10-12.

13. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għala jirrapportaw l-​attività tagħhom taʼ ppridkar?

13 Madankollu, m’huwiex minnu li Xhieda individwali huma mistennija li jirrapportaw l-​attività tagħhom taʼ ppridkar? Iva, imma l-​iskop taʼ dan huwa spjegat ċar f’manwâl li għandhom ix-​Xhieda, li jgħid: “Segwaċi bikrin taʼ Ġesù Kristu ħadu interess f’rapporti taʼ progress fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. (Mark 6:30) Hekk kif ix-​xogħol gawda prosperità, ġew miġburin rapporti statistiċi flimkien maʼ rakkonti taʼ esperjenzi impressjonanti taʼ dawk li kienu jieħdu sehem fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba.... (Atti 2:5-11, 41, 47; 6:7; 1:15; 4:4) . . . Kemm kien inkuraġġanti għal dawk il-​ħaddiema Kristjani leali li jisimgħu rapporti dwar dak li kien qed jitwettaq!. . . Bl-​istess mod, l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah fi żmienna tipprova żżomm rekords preċiżi tax-​xogħol li qed isir bi twettiq taʼ Mattew 24:14.”

14, 15. (a) It-​Tieni Korintin 1:24 kif japplika għall-​Ġemgħa li Tiggverna? (b) Kristjani individwali fuq liema bażi jridu jieħdu deċiżjonijiet persunali, waqt li jirrikonoxxu liema fatt?

14 Il-​Ġemgħa li Tiggverna hija provvediment taʼ mħabba u eżempju taʼ fidi li jixraqlu jiġi imitat. (Filippin 3:17; Lhud 13:7) Billi jagħtu l-​lealtà tagħhom lil Kristu u jsegwuh bħala mudell, huma jistgħu jidwu kliem Pawlu: “Mhux għax irridu nġegħlukom temmnu iżda li naħdmu flimkien għall-​ferħ tagħkom, billi intom qegħdin iżżommu sħaħ fil-​fidi.” (2 Korintin 1:24) Billi tosserva xejriet, il-​Ġemgħa li Tiggverna tiġbed l-​attenzjoni lejn kemm jistgħu jinkisbu benefiċċji meta jiġu aċċettati l-​pariri tal-​Bibbja, toffri suġġerimenti dwar kif jiġu applikati l-​liġijiet u l-​prinċipji tal-​Bibbja, twissi dwar perikli moħbija, u tipprovdi l-​inkuraġġiment meħtieġ lill-​ħaddiema sħabha. Din b’hekk twettaq l-​inkarigu Kristjan tagħha taʼ amministrar, tgħinhom iżommu l-​ferħ tagħhom, u tibnihom fil-​fidi sabiex ikunu jistgħu jżommu sod.—1 Korintin 4:1, 2; Titu 1:7-9.

15 Jekk wieħed li hu Xhud jieħu xi deċiżjonijiet fuq il-​bażi taʼ pariri tal-​Bibbja offruti mill-​Ġemgħa li Tiggverna, dan jagħmel hekk għax irid hu peress li l-​istudju persunali tiegħu tal-​Bibbja kkonvinċieh li din hija l-​korsa xierqa. Kull Xhud huwa influwenzat mill-​Kelma t’Alla stess biex japplika pariri Skritturali validi offruti mill-​Ġemgħa li Tiggverna, billi jaf tajjeb li d-​deċiżjonijiet li jieħu se jeffettwaw ir-​relazzjoni persunali tiegħu m’Alla, li lilu hu ddedikat.—1 Tessalonikin 2:13.

Studenti u Suldati

16. Għalkemm deċiżjonijiet dwar kondotta huma kwistjoni persunali, għala xi wħud jiġu maqtugħin mis-​sħubija?

16 Imma jekk deċiżjonijiet dwar kondotta huma kwistjoni persunali, għala xi Xhieda taʼ Jehovah jiġu maqtugħin mis-​sħubija? Ħadd ma jiddetermina b’mod arbitrarju li l-​prattika taʼ dnub partikulari tirrikjedi qtugħ mis-​sħubija. Minflok, din l-​azzjoni hija meħtieġa Skritturalment biss meta membru tal-​kongregazzjoni jieħu sehem f’xi dnubiet serji, bħal dawk imsemmijin fil-​ħames kapitlu taʼ l-​Ewwel Korintin, u jibqaʼ ma jindimx. B’hekk, fil-​waqt li Kristjan jistaʼ jiġi maqtugħ mis-​sħubija talli jkun ipprattika l-​fornikazzjoni, dan jiġri biss jekk l-​individwu jirrifjuta li jaċċetta l-​għajnuna spiritwali mingħand rgħajja taʼ mħabba. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah m’humiex l-​uniċi li jsegwu din il-​prattika Kristjana. The Encyclopedia of Religion tinnota: “Kull komunità tinsisti fuq id-​dritt li tipproteġi lilha nfisha minn membri ribellużi li jistgħu jheddu l-​benesseri komuni. Fi sfond reliġjuż dan id-​dritt taʼ spiss ġie msaħħaħ mit-​twemmin li s-​sanzjoni [taʼ skomunika] teffettwa l-​qagħda taʼ l-​individwu m’Alla.”

17, 18. Li l-​qtugħ mis-​sħubija għandu postu kif jistaʼ jingħata stampa tiegħu?

17 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma studenti tal-​Bibbja. (Ġożwè 1:8; Salm 1:2; Atti 17:11) II-programm taʼ edukazzjoni biblika pprovdut mill-​Ġemgħa li Tiggverna jistaʼ jitqabbel maʼ kurrikulu skolastiku maħruġ minn bord taʼ l-​edukazzjoni. Għalkemm il-​bord innifsu m’huwiex is-​sors tal-​materjal li jiġi studjat, però huwa dan li jistabbilixxi l-​kurrikulu, jiddetermina l-​metodu taʼ istruzzjoni, u joħroġ id-​direttivi neċessarji. Jekk xi ħadd jirrifjuta b’mod ovvju li jgħix fi qbil mal-​ħtiġijiet taʼ l-​istituzzjoni, joħloq diffikultajiet għal studenti sħabu, jew iġib diżunur fuq l-​iskola, dan jistaʼ jitkeċċa. L-​awtoritajiet skolastiċi għandhom id-​dritt li jaġixxi għall-​benefiċċju taʼ l-​istudenti inġenerali.

18 Minbarra li huma studenti, ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma suldati taʼ Ġesù Kristu, istruwiti biex ‘jitqabdu t-​taqbida t-​tajba tal-​fidi.’ (1 Timotju 6:12; 2 Timotju 2:3) Naturalment, kondotta persistenti li ma tixraqx lil suldat Kristjan tistaʼ ġġib id-​diżapprovazzjoni divina. Bħala individwu mżejjen bil-​libertà taʼ l-​għażla, suldat Kristjan jistaʼ jiddeċiedi kif jixtieq hu, imma mbagħad irid jassumi l-​konsegwenzi tad-​deċiżjoni tiegħu. Pawlu jirraġuna: “Ebda suldat taħt l-​armi, jekk irid jogħġob lil min daħħlu fis-​servizz, ma jindaħal f’dak li għandu x’jaqsam mal-​ħajja ċivili. Hekk ukoll l-​atleta ma jiħux il-​premju jekk ma jkunx mexa skond ir-​regoli.” (2 Timotju 2:4, 5) Kristjani maturi, inklużi dawk tal-​Ġemgħa li Tiggverna, jibqgħu kompletament għad-​dispożizzjoni tal-​Mexxej tagħhom, Ġesù Kristu, billi jimxu skond “ir-​regoli” sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-​premju taʼ ħajja bla tmiem.—Ġwann 17:3; Apokalissi 2:10.

19. Wara li eżaminajna l-​fatti dwar id-​dedikazzjoni Kristjana, dwar liema ħaġa nistgħu nkunu żguri?

19 Ma jurux ċar il-​fatti li x-​Xhieda taʼ Jehovah huma qaddejja t’Alla, mhux irsiera tal-​bnedmin? Bħala Kristjani dedikati li jgawdu l-​libertà li għaliha Kristu għamilhom ħelsin, huma jħallu l-​ispirtu t’Alla u l-​Kelma tiegħu jiggvernaw il-​ħajjiet tagħhom hekk kif jaqdu f’unità maʼ ħuthom fil-​kongregazzjoni t’Alla. (Salm 133:1) L-​evidenzi taʼ dan għandhom ineħħu wkoll kwalunkwe dubju dwar is-​sors tal-​qawwa tagħhom. Mas-​salmista, jistgħu jkantaw: “Il-​Mulej hu l-​qawwa tiegħi u t-​tarka tiegħi, fih ittamat qalbi; ksibt l-​għajnuna u ferħet qalbi; nroddlu ħajr bil-​għana tiegħi.”—Salm 28:7.

[Nota taʼ taħt]

a Ippubblikat fl-​1993 mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

Int Kif Twieġeb?

◻ Il-​Watch Tower Society u aġenziji legali simili kif jgħinu lix-​Xhieda taʼ Jehovah?

◻ Il-​Kristjani kif jibbenefikaw mill-​irwol tal-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

◻ In-​nies taʼ Jehovah għala jirrapportaw l-​attività tagħhom taʼ ppridkar?

◻ Il-​qtugħ mis-​sħubija taʼ Kristjan dedikat taħt liema ċirkostanzi għandu postu?

[Stampa f’paġna 19]

Il-​ġemgha li tiggverna fl-​ewwel seklu ppreservat l-​unità fit-​tagħlim

[Stampa f’paġna 23]

Madwar id-​dinja, ix-​Xhieda taʼ Jehovah jgawdu l-​libertà li għaliha Kristu għamilhom ħelsin

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja