Jehovah—Is-Sors tal-Ġustizzja Vera u tat-Tjieba
“Il-Blata, perfetta hija l-attività tiegħu, għax il-mogħdijiet kollha tiegħu huma ġustizzja. Alla taʼ fedeltà, li miegħu m’hemm ebda inġustizzja.”—DEWTERONOMJU 32:4, NW.
1. Għala nħossu ġewwa fina l-bżonn għall-ġustizzja?
SEWWA sew bħalma kulħadd iħoss ġo fih il-bżonn li jkun maħbub, hekk ukoll kulħadd jixxennaq li jiġi ttrattat bil-ġustizzja. Bħalma kiteb l-istatista Amerikan Thomas Jefferson, “[il-ġustizzja] hija istintiva u naturali, . . . u hija parti minn kif aħna magħmulin bħalma huma s-sensi li bihom inħossu, naraw u nisimgħu.” Dan m’għandux għalfejn jissorprendina, ladarba Jehovah ħalaqna fix-xbieha tiegħu stess. (Ġenesi 1:26) Tabilħaqq, hu tana kwalitajiet li jirriflettu l-personalità tiegħu stess, u waħda minnhom hija l-ġustizzja. Huwa għalhekk li nħossu ġewwa fina l-bżonn għall-ġustizzja, u għalhekk nixxennqu biex ngħixu f’dinja mimlija b’ġustizzja vera u bit-tjieba.
2. Il-ġustizzja kemm hija importanti għal Jehovah, u għala għandna bżonn nifhmu verament xi tfisser il-ġustizzja divina?
2 Rigward Jehovah, il-Bibbja tassigurana: “Il-mogħdijiet kollha tiegħu huma ġustizzja.” (Dewteronomju 32:4, NW) Imma f’dinja li fiha tant inġustizzji, m’huwiex faċli li tifhem verament xi tfisser il-ġustizzja divina. Madankollu, permezz tal-paġni tal-Kelma t’Alla, nistgħu nifhmu kif Alla jamministra l-ġustizzja, u l-mogħdijiet taʼ l-għaġeb t’Alla nistgħu nibdew napprezzawhom saħansitra iktar. (Rumani 11:33) Huwa importanti li nifhmu x’inhi l-ġustizzja fis-sens Bibliku għaliex l-idea tagħna tal-ġustizzja tistaʼ tkun qed tiġi influwenzata minn konċetti umani. Mil-lat uman, wieħed jistaʼ jħoss li l-ġustizzja m’hijiex ħlief applikar imparzjali tar-regola tal-liġi. Jew kif kiteb il-filosfu Francis Bacon, “il-ġustizzja tikkonsisti f’li kull bniedem jingħata dak li ħaqqu.” Il-ġustizzja taʼ Jehovah, madankollu, tinvolvi ferm iktar.
Il-Ġustizzja taʼ Jehovah Tqawwilek Qalbek
3. X’nistgħu nitgħallmu billi nikkunsidraw il-kelmiet bil-lingwa oriġinali wżati fil-Bibbja għal ġustizzja u tjieba?
3 L-iskop tal-ġustizzja t’Alla nistgħu nifhmuh iktar jekk nikkunsidraw il-mod kif inhu wżat fil-Bibbja l-kliem fil-lingwa oriġinali.a Interessanti li fl-Iskrittura m’hemm ebda differenza sinjifikanti bejn il-ġustizzja u t-tjieba. Fil-fatt, il-kelmiet Ebrajċi xi drabi jintużaw f’parallel, kif naraw f’Għamos 5:24 fejn Jehovah jwissi lill-poplu tiegħu: “Ħallu l-ġustizzja tgelgel bħall-ilma, u s-sewwa [“t-tjieba,” NW] bħal wied taʼ dejjem.” Iktar minn hekk, diversi drabi t-termini “l-ġustizzja u s-sewwa” jidhru flimkien biex ikun hemm enfasi.—Isaija 33:5; Ġeremija 33:15; Eżekjel 18:21; 45:9; ara wkoll Salm 33:5, NW.
4. X’ifisser li wieħed jeżerċita l-ġustizzja, u x’inhu l-ogħla livell tal-ġustizzja?
4 F’liema sens irridu niħduhom dawn il-kelmiet bl-Ebrajk u bil-Grieg? Biex jeżerċita l-ġustizzja fis-sens Skritturali wieħed irid jagħmel dak li hu sewwa u imparzjali. Ladarba Jehovah hu dak li jistabbilixxi l-liġijiet u l-prinċipji morali, jew dak li hu sewwa u imparzjali, il-mod kif Jehovah jagħmel l-affarijiet huwa l-ogħla livell taʼ ġustizzja. It-Theological Wordbook of the Old Testament jispjega li l-kelma Ebrajka mogħtija tjieba (tseʹdheq) “tirreferi għal livell etiku u morali, u m’għandniex xi ngħidu, fit-T[estment il-]Q[adim] dak il-livell huwa l-essenza u r-rieda t’Alla.” B’hekk, il-mod kif Alla japplika l-prinċipji tiegħu, u speċjalment il-mod kif jittratta maʼ bnedmin imperfetti, jirrivela x’verament jissinjifikaw il-ġustizzja vera u t-tjieba.
5. Liema kwalitajiet huma assoċjati mal-ġustizzja t’Alla?
5 L-Iskrittura turi ċar li l-ġustizzja divina tqawwi l-qalb u la hi ħarxa u lanqas inflessibbli. David kanta: “Għax il-Mulej iħobb is-sewwa [“il-ġustizzja,” NW], u ma jitlaqx it-twajbin tiegħu.” (Salm 37:28) Il-ġustizzja t’Alla tqanqlu biex juri fedeltà u mogħdrija lejn il-qaddejja tiegħu. Il-ġustizzja divina hija sensittiva għall-ħtiġijiet tagħna u tqis l-imperfezzjonijiet tagħna. (Salm 103:14) Dan ma jfissirx li Alla jħalli l-ħażen għaddej qisu ma ġara xejn, għax jekk jagħmel hekk ikun qed jinkuraġġixxi l-inġustizzja. (1 Samwel 3:12, 13; Koħèlet 8:11) Jehovah spjega lil Mosè li Hu “jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà.” Waqt li Hu lest li jaħfer l-iżbalji u n-nuqqasijiet, lil dawk li ħaqqhom il-kastig Alla ma jeħlishomx minnu.—Eżodu 34:6, 7.
6. Jehovah kif jittratta maʼ wliedu fuq l-art?
6 Meta nimmeditaw fuq kif Jehovah jeżerċita l-ġustizzja, m’għandniex inqisuh bħala xi mħallef aħrax, li moħħu biss f’li jaqtaʼ s-sentenza fuq dawk li jiżbaljaw. Għall-kuntrarju, għandna nqisuh bħala missier li jħobb imma sod, li dejjem jittratta maʼ wliedu bl-aħjar mod possibbli. “Mulej, int missierna,” qal il-profeta Isaija. (Isaija 64:7 [Isaija 64:8, NW]) Bħala Missier ġust u twajjeb, Jehovah jibbilanċja s-sodizza tiegħu għal dak li hu sewwa bil-mogħdrija tenera lejn uliedu fuq l-art, li għandhom bżonn l-għajnuna jew il-maħfra minħabba ċirkustanzi diffiċli jew dgħjufijiet tal-ġisem.—Salm 103:6, 10, 13.
Juri biċ-Ċar x’Inhi l-Ġustizzja
7. (a) Il-profezija taʼ Isaija x’tgħallimna dwar il-ġustizzja divina? (b) Xi rwol kellu Ġesù f’li jgħallem lill-ġnus dwar il-ġustizzja?
7 Il-kwalità tal-mogħdrija fil-ġustizzja taʼ Jehovah ġiet enfasizzata bil-miġja tal-Messija. Ġesù għallem il-ġustizzja divina u għex fi qbil magħha, bħalma kien imbassar mill-profeta Isaija. Jidher ċar li l-ġustizzja t’Alla tinkludi li Hu jittratta b’tenerezza lin-nies li huma maħqurin. B’hekk, ma jaqtgħux qalbhom għalkollox. Ġesù, il-“qaddej” taʼ Jehovah, ġie fuq l-art biex ‘ixandar [‘juri biċ-ċar,’ NW] lill-ġnus’ dan l-aspett tal-ġustizzja t’Alla. Dan għamlu, fuq kollox, billi tana eżempju ħaj taʼ x’verament tfisser il-ġustizzja divina. Bħala r-“rimja tas-sewwa” tas-Sultan David, Ġesù kien ħerqan li ‘jfittex id-dritt [“il-ġustizzja,” NW], u jkun ħafif biex jagħmel il-ġustizzja [“tjieba,” NW].’—Isaija 16:5; 42:1-4; Mattew 12:18-21; Ġeremija 33:14, 15.
8. Il-ġustizzja vera u t-tjieba għala kienu saru mċajprin fl-ewwel seklu?
8 Kjarifika bħal din taʼ l-essenza tal-ġustizzja taʼ Jehovah kienet neċessarja partikolarment fl-ewwel seklu E.K. L-irġiel ixjeħ u l-mexxejja reliġjużi Lhud—l-iskribi, il-Fariżej, u oħrajn—xandru u eżemplifikaw opinjoni mgħawġa taʼ x’inhuma l-ġustizzja u t-tjieba. Bħala riżultat, in-nies komuni, li sabuha impossibbli li jgħixu fi qbil mal-ħtiġijiet stabbiliti mill-iskribi u l-Fariżej, x’aktarx immaġinaw li t-tjieba t’Alla ħadd ma setaʼ jiksibha. (Mattew 23:4; Luqa 11:46) Ġesù wera li dan m’huwiex veru. Hu għażel lid-dixxipli tiegħu minn fost in-nies komuni, u għallimhom il-livelli taʼ tjieba t’Alla.—Mattew 9:36; 11:28-30.
9, 10. (a) L-iskribi u l-Fariżej kif ipprovaw juru t-tjieba tagħhom? (b) Ġesù kif u għala rrivela li l-prattiċi taʼ l-iskribi u l-Fariżej kienu għalxejn?
9 Il-Fariżej, mill-banda l-oħra, fittxew opportunitajiet biex juru t-“tjieba” tagħhom billi talbu jew taw kontribuzzjonijiet fejn jarahom kulħadd. (Mattew 6:1-6) Huma pprovaw ukoll juru t-tjieba tagħhom billi żammew partita liġijiet u preċetti—li ħafna minnhom ivvintawhom huma stess. Sforzi bħal dawn wassluhom biex ‘iħallu l-ġustizzja u l-imħabba t’Alla għaddejjin.’ (Luqa 11:42) Minn barra forsi kienu jidhru twajbin, imma minn ġewwa kienu ‘kollhom ħażen,’ jew nuqqas taʼ tjieba. (Mattew 23:28) Ngħiduha kif inhi, ma kienu jafu assolutament xejn dwar it-tjieba t’Alla.
10 Għal din ir-raġuni, Ġesù wissa lis-segwaċi tiegħu: “Jekk il-ħajja tajba [“it-tjieba,” NW] tagħkom ma tkunx ħafna aħjar minn dik tal-kittieba u l-Fariżej, ma tidħlux fis-Saltna tas-Smewwiet.” (Mattew 5:20) Il-kuntrast kbir bejn il-ġustizzja divina eżemplifikata minn Ġesù u t-tjieba li kienu jippretendu li kellhom l-iskribi u l-Fariżej intolleranti, kien il-kaġun għat-tilwim spiss taʼ bejniethom.
Il-Ġustizzja Divina Versus il-Ġustizzja Mgħawġa
11. (a) Il-Fariżej għala staqsew lil Ġesù dwar il-kwistjoni taʼ li wieħed ifejjaq f’jum is-Sabat? (b) It-tweġiba taʼ Ġesù x’irrivelat?
11 Matul il-ministeru tiegħu fil-Galilija fir-rebbiegħa tas-sena 31 E.K., f’sinagoga Ġesù lemaħ raġel b’idu niexfa. Peress li kien is-Sabat, il-Fariżej staqsew lil Ġesù: “Jiswa li wieħed ifejjaq nhar taʼ Sibt?” Minflok ma kienu mħassbin b’mod ġenwin dwar is-sofferenzi taʼ dan il-povru raġel, dawn kellhom ix-xewqa li jsibu skuża biex jikkundannaw lil Ġesù, bħalma wriet il-mistoqsija tagħhom. Mhux taʼ b’xejn li Ġesù kien imnikket minħabba l-qalb iebsa tagħhom! Imbagħad, hu fajrilhom mistoqsija simili lill-Fariżej: ‘Jiswa li tagħmel il-ġid nhar taʼ Sibt?’ Meta ma qalu xejn, Ġesù wieġeb il-mistoqsija tiegħu stess billi staqsiehom jekk huma kinux isalvaw nagħġa li tkun waqgħet f’ħofra f’jum is-Sabat.b “Kemm jiswa bniedem aktar minn nagħġa?” Ġesù rraġuna, b’loġika li ma tistax tmeriha. “Mela jiswa [jew, huwa sewwa] nhar taʼ Sibt tagħmel il-ġid,” ikkonkluda hu. Il-ġustizzja t’Alla qatt m’għandha tiġi mxekkla minħabba t-tradizzjoni tal-bniedem. Wara li kien iċċara dan il-punt, Ġesù qabad u fejjaq id ir-raġel.—Mattew 12:9-13; Mark 3:1-5.
12, 13. (a) B’kuntrast maʼ l-iskribi u l-Fariżej, Ġesù kif wera interess f’li jgħin lill-midinbin? (b) X’inhi d-differenza bejn il-ġustizzja divina u t-tjieba li wieħed jippretendi li għandu?
12 Jekk il-Fariżej ma tantx kien jimpurtahom minn dawk li kellhom xi diżabilità fiżika, kemm iktar ma kienx jimpurtahom minn dawk li kienu ftaqru spiritwalment. L-opinjonijiet mgħawġin li kellhom dwar it-tjieba wassluhom biex jinjoraw u jżebilħu lill-kolletturi tat-taxxi u lill-midinbin. (Ġwann 7:49) Minkejja dan, ħafna minn dawn wieġbu għat-tagħlim taʼ Ġesù, u bla dubju indunaw li hu kellu xewqa li jgħinhom minflok ma jiġġudikahom. (Mattew 21:31; Luqa 15:1) Il-Fariżej, madankollu, malajr stmerrew l-isforzi taʼ Ġesù biex ifejjaq lil dawk morda spiritwalment. “Nies midinba jilqaʼ għandu dan u jiekol magħhom,” qalu huma b’ton taʼ tmaqdir. (Luqa 15:2) Bi tweġiba għall-akkuża tagħhom, Ġesù reġaʼ uża tixbieha pastorali. Sewwa sew bħalma ragħaj jifraħ meta jsib in-nagħġa l-mitlufa, hekk ukoll l-anġli jifirħu meta midneb jindem. (Luqa 15:3-7) Ġesù nnifsu feraħ li setaʼ jgħin lil Żakkew jindem mill-ħajja midinba taʼ qabel tiegħu. Hu qal: “Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.”—Luqa 19:8-10.
13 Dawn il-konfrontazzjonijiet jirrivelaw b’mod ċar id-distinzjoni bejn il-ġustizzja divina, li dejjem lesta li tfejjaq u ssalva, u t-tjieba li wieħed jippretendi li għandu, li tipprova teżalta lil dawk il-ftit u tikkundanna lill-ħafna. Ritwal vojt u tradizzjoni magħmula mill-bniedem kienu wasslu lill-iskribi u lill-Fariżej sabiex ikunu arroganti u jħossuhom importanti, imma Ġesù, kif jixraq, wera li kienu ‘għalqu għajnejhom għal dak li hu l-aqwa fil-Liġi, jiġifieri l-ġustizzja, il-ħniena u s-sinċerità.’ (Mattew 23:23) Jalla nimitaw lil Ġesù f’li neżerċitaw il-ġustizzja vera f’kulma nagħmlu u noqogħdu attenti wkoll għan-nassa taʼ li nidhru tajbin f’għajnejna stess.
14. Wieħed mill-mirakli taʼ Ġesù kif juri li l-ġustizzja divina tqis iċ-ċirkustanzi taʼ dak li jkun?
14 Fil-waqt li Ġesù injora r-regoli arbitrarji tal-Fariżej, il-Liġi Mosajka hu obdieha. (Mattew 5:17, 18) Imma biex jagħmel dan, ma ħalliex il-kelma taʼ dik il-Liġi taʼ tjieba toħnoq il-prinċipji tagħha stess. Meta waħda mara li kienet ilha 12-il sena tbati minn tnixxija taʼ demm messet il-libsa taʼ Ġesù u fieqet, hu qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek salvatek; mur bis-sliema.” (Luqa 8:43-48) Il-kliem kollu mogħdrija li qalilha Ġesù kkonferma li l-ġustizzja t’Alla kienet qieset iċ-ċirkustanzi tagħha. Għalkemm ċerimonjalment ma kinitx nadifa, u b’hekk kienet teknikament kisret il-Liġi Mosajka minħabba li kienet tinsab qalb il-folla, il-fidi tagħha kien jistħoqqilha tiġi ppremjata.—Levitiku 15:25-27; qabbel Rumani 9:30-33.
It-Tjieba Qiegħda għal Kulħadd
15, 16. (a) It-tixbieha taʼ Ġesù dwar is-Samaritan it-tajjeb x’tgħallimna dwar il-ġustizzja? (b) Għala għandna nevitaw li nkunu ‘twajbin iżżejjed’?
15 Barra milli enfasizza l-kwalità tal-mogħdrija fil-ġustizzja divina, Ġesù għallem ukoll lid-dixxipli tiegħu li din għandha tħaddan lin-nies kollha. Kienet ir-rieda taʼ Jehovah li hu ‘jġib il-ġustizzja lill-ġnus.’ (Isaija 42:1) Dan kien il-punt taʼ waħda mill-iktar tixbihat famużi li għamel Ġesù, dik tas-Samaritan it-tajjeb. It-tixbieha kienet bi tweġiba għall-mistoqsija li qajjem wieħed raġel li kien mgħallem sew fil-Liġi u li ried ‘juri kemm kellu raġun [“kien twajjeb,” NW].’ “U l-proxxmu tiegħi min hu?” staqsieh hu, bla dubju billi xtaq jillimita r-responsabbiltajiet tiegħu lejn il-proxxmu għall-poplu Lhudi biss. Is-Samaritan fit-tixbieha taʼ Ġesù wera tjieba li togħġob lil Alla, għax kien lest li jieħu l-ħin u jidħol fi spejjeż biex jgħin lil wieħed minn taʼ ġens ieħor li lanqas biss kien jafu. Ġesù kkonkluda t-tixbieha tiegħu billi, lil dak li staqsieh, tah il-parir: “Agħmel hekk int ukoll.” (Luqa 10:25-37) Jekk aħna bl-istess mod nagħmlu l-ġid lin-nies kollha, ikunu minn liema razza u sfond etniku jkunu, se nkunu qegħdin nimitaw il-ġustizzja t’Alla.—Atti 10:34, 35.
16 Mill-banda l-oħra, l-eżempju taʼ l-iskribi u l-Fariżej ifakkarna li jekk aħna rridu neżerċitaw il-ġustizzja divina, m’għandniex inkunu ‘ġusti [“twajbin,” NW] iżżejjed.’ (Koħèlet 7:16) Billi nipprovaw nimpressjonaw lill-oħrajn biex niffanfraw kemm aħna twajbin jew nagħtu importanza żejda lir-regoli magħmulin mill-bniedem, dan mhux se jġibilna l-approvazzjoni t’Alla.—Mattew 6:1.
17. Għala huwa daqshekk importanti għalina li nuru ġustizzja divina?
17 Raġuni waħda għala Ġesù għamilha ċara lill-ġnus x’inhi l-essenza tal-ġustizzja t’Alla kienet sabiex id-dixxipli tiegħu kollha setgħu jitgħallmu kif juru din il-kwalità. Dan għala huwa daqshekk importanti? L-Iskrittura twissina biex insiru ‘nixbhu lil Alla,’ u l-mogħdijiet t’Alla huma kollha ġustizzja. (Efesin 5:1) Bl-istess mod, Mikea 6:8 jispjega li waħda mill-affarijiet li Jehovah jeħtieġ minna hija li ‘nagħmlu dak li hu ġust’ hekk kif nimxu m’Alla tagħna. Barra minn hekk, Sofonija 2:2, 3, ifakkarna li jekk nixtiequ li niġu moħbijin matul jum il-korla taʼ Jehovah, irridu ‘nfittxu l-ġustizzja’ qabel ma jasal dak il-jum.
18. Liema mistoqsijiet se jiġu mweġbin fl-artiklu li jmiss?
18 Dawn l-aħħar jiem kritiċi huma għalhekk iż-“żmien it-tajjeb” biex neżerċitaw il-ġustizzja. (2 Korintin 6:2) Nistgħu nibqgħu ċerti li jekk, bħal Ġob, nagħmlu ‘t-tjieba bħala l-ilbies tagħna’ u ‘l-ġustizzja bħala s-sidrija tagħna,’ Jehovah se jberikna. (Ġob 29:14, NW) Il-fidi fil-ġustizzja taʼ Jehovah kif se tgħinna nħarsu lejn il-futur b’fiduċja sħiħa? Iktar minn hekk, hekk kif nistennew l-“art ġdida” taʼ tjieba, il-ġustizzja divina kif se tgħin biex tipproteġina spiritwalment? (2 Pietru 3:13) L-artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet.
[Noti taʼ taħt]
a Fl-Iskrittura Ebrajka, hemm tliet kelmiet prinċipali li huma involuti. Waħda minnhom (mish·patʹ) tiġi tradotta taʼ spiss bħala “ġustizzja.” It-tnejn l-oħra (tseʹdheq u l-kelma rrelatata tsedha·qahʹ) jiġu tradotti fil-biċċa l-kbira bħala “tjieba.” Il-kelma Griega tradotta “tjieba” (di·kai·o·syʹne) hija mfissra bħala l-“kwalità taʼ li tkun sewwa jew ġust.”
b L-eżempju taʼ Ġesù kien verament f’loku minħabba li l-liġi orali tal-Lhud b’mod speċifiku ħalliethom jgħinu lil xi annimal li jkun jinsab f’diffikultà f’jum is-Sabat. F’diversi okkażjonijiet oħrajn, kien hemm konfrontazzjonijiet fuq din l-istess kwistjoni, jiġifieri, jekk kienx kontra l-liġi illi wieħed ifejjaq f’jum is-Sabat.—Luqa 13:10-17; 14:1-6; Ġwann 9:13-16.
Tistaʼ Tispjega?
◻ Xi tfisser il-ġustizzja divina?
◻ Ġesù kif għallem il-ġustizzja lill-ġnus?
◻ It-tjieba tal-Fariżej għala kienet mgħawġa?
◻ Għala għandna bżonn neżerċitaw il-ġustizzja?
[Stampa f’paġna 8]
Ġesù wera biċ-ċar x’kien l-iskop tal-ġustizzja divina