Betel—Belt taʼ Tjieba u taʼ Ħażen
XI BLIET isiru famużi—jew infami—skond il-ġrajjiet li jseħħu fihom. Madankollu, Betel hija eċċezzjoni għall-fatt li saret magħrufa kemm għat-tjieba u kemm għall-ħażen. Kien il-patrijarka Ġakobb li semma lil din il-belt Betel, li tfisser “Dar Alla.” Imma elf sena wara, il-profeta Hosegħa sejħilha “Dar l-Uġigħ.” Din il-belt kif inbidlet mit-tajjeb għall-ħażin? U x’nistgħu nitgħallmu mill-istorja tagħha?
Betel bdiet tiġi assoċjata man-nies t’Alla mill-1943 Q.E.K. meta Abraham kien għadu ħaj. F’dak iż-żmien, il-belt kien jisimha Luz, l-isem oriġinali Kangħani tagħha. Kienet tinsab f’art mimlija għoljiet, madwar 17-il kilometru fit-Tramuntana taʼ Ġerusalemm. Ġib quddiem għajnejk lil Abraham u lin-neputi tiegħu Lot iħarsu ’l isfel lejn il-pjanuri fertili tan-naħa taʼ isfel tal-Wied tal-Ġordan minn xi punt għoli u vantaġġuż fuq il-muntanji taʼ madwar Betel. Bit-tattika, Abraham jiġbed l-attenzjoni taʼ Lot għad-diffikultà dwar fejn kienu se jirgħu l-imrieħel kbar tagħhom: “Ma għandux ikun hemm ġlied bejni u bejnek, u bejn ir-rgħajja tiegħi u r-rgħajja tiegħek, għax aħna aħwa. M’hix l-art kollha quddiemek? Tbiegħed minni, nitolbok. Jekk tiġbed lejn ix-xellug, jien immur lejn il-lemin, u jekk tiġbed lejn il-lemin, jien immur lejn ix-xellug.”—Ġenesi 13:3-11.
Abraham ma qagħadx iħaqqaqha li hu kellu d-dritt li jagħżel l-ewwel. Minflok, ħalla lill-ieħor, li kien iżgħar minnu fl-età, biex jagħżel l-aħjar parti. Taʼ min jimitaha l-attitudni eċċellenti t’Abraham. Argumenti sħan nistgħu nberrduhom billi nieħdu l-inizjattiva f’li nitkellmu b’mod kalm u billi naġixxu mingħajr egoiżmu.—Rumani 12:18.
Snin wara meta Ġakobb, in-neputi taʼ Abraham, ikkampja f’Luz, kellu ħolma straordinarja. “Ra sellum wieqaf fl-art bil-quċċata tiegħu fis-sema; u beda jara l-anġli telgħin u niżlin miegħu. U lemaħ il-Mulej wieqaf [“fuqu,” NW].” (Ġenesi 28:11-19; qabbel Ġwann 1:51.) Il-ħolma kellha sinjifikat importanti. L-anġli li Ġakobb ra kienu se jaqduh biex titwettaq il-profezija li għamillu Alla rigward iż-żerriegħa. Il-pożizzjoni elevata taʼ Jehovah fuq is-sellum turi li hu kien se jmexxi lill-anġli f’dan ix-xogħol.
Din l-assiguranza t’appoġġ divin qanqlitu waħda sew lil Ġakobb. Hekk kif stenbaħ mill-ħolma, lil dak il-post semmieh Betel, li tfisser “Dar Alla,” u ħalef lil Jehovah: “Minn kull ma tagħtini, nagħtik l-għexur.”a (Ġenesi 28:20-22) Billi għaraf li kull ma kellu kien ġej minn Alla, xtaq li jagħti lura porzjon ġeneruż bħala sinjal tal-gratitudni tiegħu.
Il-Kristjani llum ukoll għandhom anġli li jaqdu fl-interess tagħhom. (Salm 91:11; Lhud 1:14) Huma wkoll jistgħu juru l-apprezzament tagħhom għall-barkiet kollha li għandhom billi ‘jnisslu kotra taʼ radd il-ħajr lil Alla.’—2 Korintin 9:11, 12.
Maż-żmien, id-dixxendenti taʼ Ġakobb saru nazzjon. Il-mexxej tagħhom Ġożwè għeleb lis-sultan pagan taʼ Betel relattivament kmieni fil-konkwista taʼ Kangħan. (Ġożwè 12:16) Fi żmien l-Imħallfin, il-profetessa Debora għexet qrib Betel u kienet tgħarraf il-kelma taʼ Jehovah lill-poplu. Samwel ukoll kien taʼ spiss iżur Betel waqt li kien imħallef tal-ġens taʼ Iżrael.—Mħallfin 4:4, 5; 1 Samwel 7:15, 16.
Betel Issir Ċentru taʼ l-Apostasija
Imma wara l-firda fis-Saltna fis-sena 997 Q.E.K., Betel ma baqgħetx tiġi assoċjata mal-qima pura. Is-sultan Ġerobogħam għamel lil Betel ċentru għall-qima taʼ l-għoġol, l-għoġol li mingħalihom kien qed jirrappreżenta lil Jehovah. (1 Slaten 12:25-29) Mhux taʼ b’xejn li, meta kien qed jipprofetizza l-qerda taʼ Betel, Hosegħa rrefera għaliha bħala “Bet-awen,” li tfisser “Dar l-Uġigħ.”—Hosegħa 10:5, 8.
Għalkemm Betel kienet saret ċentru li jikkaġuna wġigħ spiritwali, ġrajjiet konnessi magħha komplew jipprovdu lezzjonijiet importanti. (Rumani 15:4) Lezzjoni minnhom tikkonċerna profeta, li ismu mhux magħruf. Dan intbagħat minn Ġuda għal Betel biex iħabbar il-qerda taʼ l-artali u l-qassisin tagħha. Jehovah qallu wkoll biex jerġaʼ jirritorna lejn Ġuda—li ma kinitx iktar minn ftit kilometri ’l bogħod lejn in-Nofsinhar—mingħajr ma jiekol u jixrob. Dan il-profeta bi qlubija lissen profezija quddiem Ġerobogħam, is-sultan taʼ Iżrael, billi seħet l-artal taʼ Betel. Imma mbagħad m’obdiex lil Alla billi kiel fid-dar taʼ wieħed profeta xiħ f’Betel. Għala? Il-profeta x-xiħ sostna b’mod falz li anġlu taʼ Jehovah kien ordnalu biex juri ospitalità lil sieħbu l-profeta. Din id-diżubbidjenza tal-profeta minn Ġuda wasslitu biex imut ħesrem.—1 Slaten 13:1-25.
Jekk wieħed li għandu l-istess twemmin tagħna jissuġġerilna li nagħmlu xi ħaġa li tidher dubjuża, kif għandna nirreaġixxu? Ftakar li parir mogħti saħansitra b’intenzjoni tajba jistaʼ jkun taʼ dannu jekk ikun ħażin. (Qabbel Mattew 16:21-23.) Billi nfittxu d-direzzjoni mingħand Jehovah permezz tat-talb u studju tal-Kelma tiegħu, se nevitaw l-iżball traġiku tal-profeta anonimu.—Proverbji 19:21; 1 Ġwann 4:1.
Xi 150 sena wara, il-profeta Għamos ukoll ivvjaġġa lejn it-Tramuntana biex jipprofetizza kontra Betel. Għamos b’mod sod iddenunzja lill-udjenza ostili tiegħu, inkluż il-qassis Amasija, li b’mod imkabbar qal lil Għamos biex “[j]itlaq lejn l-art taʼ Ġuda.” Imma Għamos mingħajr biżaʼ qal lil Amasija dwar l-hemm li kellu jiġi fuq id-dar taʼ dan il-qassis. (Għamos 5:4-6; 7:10-17) L-eżempju tiegħu jfakkarna li Jehovah jistaʼ jagħti l-qlubija meħtieġa lill-ministri umlin tiegħu.—1 Korintin 1:26, 27.
Maż-żmien, is-Sultan leali Ġosija taʼ Ġuda neħħa ‘l-artal li kien hemm f’Betel, ħaraq is-santwarju u kisser il-ġebel tiegħu, u għamlu trab, u ħaraq ix-xbihat taʼ l-Asera.’ (2 Slaten 23:15, 16) L-anzjani llum jistgħu jimitaw l-eżempju mill-aħjar tiegħu billi b’mod żeluż isegwu dejjem l-istruzzjonijiet t’Alla f’kollox u billi jaraw li l-kongregazzjoni tinżamm nadifa.
Dawn il-ġrajjiet fl-istorja taʼ Betel juru b’mod pittoresk il-konsegwenzi kemm tat-tjieba u kemm tal-ħażen, kemm taʼ li tobdi u kemm taʼ li ma tobdix lil Jehovah. Snin qabel, Mosè kien poġġa din l-għażla quddiem il-ġens taʼ Iżrael: “Jiena llum qegħedtlek quddiemek il-ħajja u l-ġid, il-mewt u d-deni.” (Dewteronomju 30:15, 16) Billi nimmeditaw fuq l-istorja taʼ Betel se niġu inkuraġġiti biex nidentifikaw ruħna maʼ “Dar Alla,” minflok maʼ “Dar l-Uġigħ.”
[Nota taʼ taħt]
a Kemm Ġakobb u kemm Abraham offrew l-għexur volontarjament.
[Stampa f’paġna 23]
Fdalijiet fuq is-sît taʼ Betel, fejn Ġerobogħam stabbilixxa ċentru għall-qima taʼ l-għoġol