Inqimu lil Alla bil-Verità
Biex il-qima tkun aċċettabbli għal Alla, trid tkun ibbażata fuq il-verità. (Ġwann 4:23) Il-Bibbja tidentifika lill-adoraturi veri bħala li jappartjenu lill-“Knisja taʼ Alla l-ħaj, kolonna u pedament tal-verità.” (1 Timotju 3:15) Dawk li jifformaw il-kongregazzjoni t’Alla mhux biss jemmnu l-verità tal-Kelma t’Alla imma wkoll jgħixu fi qbil magħha u jiddefenduha, billi jagħmluha magħrufa mad-dinja kollha.—Mattew 24:14; Rumani 10:9-15.
IX-XHIEDA TAʼ JEHOVAH huma magħrufin sew għax-xogħol tagħhom f’li jgħallmu l-Bibbja, u dan issa qed isir f’iktar minn 200 pajjiż. Huma jistudjaw il-Bibbja u jgħallmuha bħala l-verità, mingħajr ma jinkorporaw l-influwenza li ddgħajjef tal-filosofiji tal-bniedem. Familjari int mat-tagħlim tagħhom ibbażat fuq il-Bibbja? Ħafna jżommu lura milli jisimgħu lix-Xhieda taʼ Jehovah minħabba l-informazzjoni negattiva li tiġi ċċirkolata kontriehom. Imma nies taʼ qalb onesta jiġu mistednin biex jiddeċiedu għalihom infushom jekk dak li x-Xhieda qed jippridkaw huwiex il-verità jew le. Deċiżjoni vitali bħal din m’għandhiex tkun ibbażata fuq l-għajdut tan-nies. Ħafna li eżaminaw personalment it-tagħlim tax-Xhieda taʼ Jehovah bbenefikaw ferm.
L-Għarfien tal-Verità Jneħħi l-Biżaʼ
Ikkunsidra, per eżempju, il-każ taʼ Eugenia. Din trabbiet ġo familja Kattolika stretta. Missierha kien wieħed mill-organizzaturi għaż-żjara tal-Papa fil-Messiku fl-1979. Waqt li kienet qed iżżur lil xi ħbieb, Eugenia ġiet f’kuntatt max-Xhieda taʼ Jehovah. Bil-għajnuna tagħhom bdiet tanalizza iktar bir-reqqa dak li tgħid il-Bibbja. Hi tiftakar: “Għall-ewwel bdejt nibżaʼ. Kont sibt il-verità! Imma dan kien ifisser li l-biċċa l-kbira mit-twemmin li kelli kien ħażin. It-twemmin tal-familja tiegħi, taʼ ħbiebi, tan-nies li kont inħobb—kollu kien ħażin. Kont beżgħana. Bqajt nhewden dwar kif il-familja tiegħi kienet se tirreaġixxi għal dak li kont għadni kemm skoprejt. Maż-żmien u bil-għajnuna taʼ Jehovah, bdejt naddatta ruħi għal din l-esperjenza tremenda. Jum wieħed iddeċidejt li niftaħ qalbi maʼ ħabib tal-familja, li kien professur tat-teoloġija. Għedtlu dwar ix-xewqa tiegħi li nsib il-verità. Imbagħad qalli, ‘Jekk trid tkun taf il-verità, fittex lix-Xhieda taʼ Jehovah.’”
Bħalma bassret Eugenia, il-familja tagħha keċċewha mid-dar. Ix-Xhieda, madankollu, baqgħu jagħtuha għajnuna spiritwali. Hi tikkummenta: “Ġejt imsaħħa biex nieħu l-waqfa tiegħi għall-verità. Irrealizzajt li kienet xi ħaġa taʼ min jiġġieled għaliha. Il-merħba li rċevejt mingħand ix-Xhieda taʼ Jehovah tant kienet importanti. Ħassejt li kont maħbuba ġewwa l-kongregazzjoni Kristjana. Kien ferm t’għajnuna għalija li nersaq qrib l-organizzazzjoni t’Alla, u dan għeni negħleb il-biżaʼ biex nieħu l-waqfa tiegħi.”
Ikkunsidra eżempju ieħor. Sabrina trabbiet ġewwa familja li kellhom id-drawwa li jagħmlu diskussjonijiet regulari dwar il-Bibbja. Fil-fatt, huma żviluppaw forma taʼ ‘reliġjon tal-familja.’ Hi ħaditha drawwa li tassoċja maʼ membri taʼ diversi reliġjonijiet biex tikxef l-iżbalji tagħhom. Meta waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah offritilha studju tal-Bibbja, mill-ewwel aċċettat bl-intenzjoni li turi li t-twemmin tagħhom huwa falz. Hi tiftakar: “Wara li domt iktar minn sena nistudja, bdejt nibżaʼ li se nitlef ‘il-verità tiegħi.’ Kont sibtha faċli li nikxef il-qerq tal-ħafna reliġjonijiet li kont involuta fihom, imma din id-darba ma kinitx daqshekk faċli.”
Il-biżaʼ taʼ Sabrina ġagħalha tieqaf tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Imma mbagħad bdiet tħossha vojta spiritwalment. Iddeċidiet li terġaʼ tibda tistudja u eventwalment bdiet taċċetta din il-verità ġdida li kienet sabet. Sabrina tant għamlet progress li riedet taqsam dak li kienet qed titgħallem m’oħrajn. Saħansitra talbet li takkumpanja lix-Xhieda fil-ministeru tagħhom minn dar għal dar. Sabrina tispjega: “Qabel ma kelli l-approvazzjoni li nippriedka max-Xhieda taʼ Jehovah, staqsewni: ‘Tassew trid issir waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah?’ ‘Le!’ weġibthom. Erġajt bdejt nibżaʼ.” Fl-aħħar, wara li baqgħet tattendi għal-laqgħat kollha u qagħdet tosserva lin-nies t’Alla, kif huma japplikaw il-prinċipji tal-Bibbja, Sabrina waslet għall-konklużjoni li din tassew kienet il-verità. Tgħammdet u issa hi evanġelizzatriċi full-time.
Għala Daqshekk Differenti?
Xi ħadd għandu mnejn jistaqsi, ‘It-tagħlim tax-Xhieda taʼ Jehovah għala huwa daqshekk differenti minn reliġjonijiet oħrajn?’ Ħarsa ħafifa dwar dak li jemmnu x-Xhieda se tgħinek tara li huma Kristjani sinċieri, studenti kuxjenzjużi tal-Bibbja. Inħeġġuk li tfittex fil-Bibbja tiegħek stess it-testi li hemm fis-sommarju tat-twemmin bażiku tagħhom murijin hawn fuq.
Billi tagħti ħarsa iktar mill-qrib lejn dak li jemmnu x-Xhieda taʼ Jehovah u kif huma jżommu maʼ dak li tgħallem il-Bibbja, int tistaʼ tiġi mbierek bil-ħelsien li tipprovdi l-verità. (Ġwann 17:17) M’hemm ebda raġuni għala għandek tibżaʼ mill-verità. Ftakar fil-wegħda taʼ Ġesù: “U tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom.”—Ġwann 8:32.
[Kaxxa f’paġna 6]
XI TWEMMIN BAŻIKU TAX-XHIEDA TAʼ JEHOVAH
◯ Jehovah hu Alla li Jistaʼ Kollox. L-isem persunali tiegħu jidher iktar minn 7,000 darba fl-eqdem manuskritti tal-Bibbja.—Salm 83:19 [Salm 83:18, New World Translation].
◯ Ġesù Kristu hu l-Iben t’Alla, li ġie fuq l-art biex jagħti ħajtu għall-umanità. (Ġwann 3:16, 17) Ix-Xhieda taʼ Jehovah jsegwu t-tagħlim taʼ Ġesù Kristu kif misjub fil-Vanġeli.
◯ L-isem Xhieda taʼ Jehovah huwa bbażat fuq Isaija 43:10, li jgħid: “Intom ix-xhieda tiegħi, oraklu tal-Mulej.”
◯ Is-Saltna li n-nies jitolbu għaliha fit-talba tal-“Missierna” hija gvern tas-sema li dalwaqt se jneħħi s-sofferenza u l-uġigħ kollu li hawn fid-dinja biex jagħmel il-wisaʼ għall-Ġenna taʼ l-art li l-Bibbja qed twiegħed.—Isaija 9:5, 6 [Isaija 9:6, 7, NW]; Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10; Apokalissi 21:3, 4.
◯ Kulmin jagħmel ir-rieda t’Alla għandu l-opportunità li jgawdi l-barkiet tas-Saltna għall-eternità.—Ġwann 17:3; 1 Ġwann 2:17.
◯ Il-Kristjani jridu jfasslu l-imġiba tagħhom skond dak li tgħid il-Bibbja. Iridu jħabirku biex ikunu onesti, jgħixu ħajja morali u nadifa, u juru mħabba lejn għajrhom.—Mattew 22:39; Ġwann 13:35; 1 Korintin 6:9, 10.
[Stampa f’paġna 5]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah juru l-verità tal-Bibbja lin-nies f’iktar minn 200 pajjiż