Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah jfakkru l-anniversarju tat-tieġ tagħhom. Għeluq sninek hu l-anniversarju taʼ meta twelidt. Allura għala niċċelebraw l-anniversarju tat-tieġ u mhux l-anniversarju taʼ għeluq sninna?
Ngħiduha kif inhi, Kristjan m’għandu bżonn jiċċelebra ebda wieħed minnhom. Xorta waħda, dan ma jfissirx li t-tnejn għandhom l-istess sinjifikat jew li l-Kristjani għandhom iqisu l-anniversarji tat-tieġ bħalma jqisu ċ-ċelebrazzjonijiet taʼ għeluq sninhom.
Bħalma ġie nnotat, nistgħu ngħidu li t-tnejn huma anniversarji għaliex “anniversarju” huwa ‘tfakkira annwali dwar data li timmarka xi ġrajja.’ Jistaʼ jkun anniversarju taʼ kwalunkwe ġrajja—il-jum meta ħbatt bil-karozza, meta rajt eklissi tal-qamar, meta mort il-baħar mal-familja tiegħek, u nibqgħu sejrin. Ovvjament, il-Kristjani ma jdawrux kull “anniversarju” f’jum speċjali jew jagħmlu xi riċeviment biex jikkommemorawh. Wieħed għandu jikkunsidra l-aspetti tal-ġrajja li tkun u jiddeċiedi xi jkun xieraq.
Per eżempju, Alla ta istruzzjoni speċifika lill-Iżraeliti biex kull sena jiċċelebraw il-ġurnata meta l-anġlu tiegħu għadda minn fuq id-djar taʼ l-Iżraeliti fl-Eġittu u l-eżodu tal-poplu tiegħu li seħħ bħala riżultat taʼ dan fl-1513 Q.E.K. (Eżodu 12:14) Meta iktar tard il-Lhud, inkluż Ġesù, kienu jikkommemoraw l-anniversarju taʼ din il-ġrajja, dan kien b’ubbidjenza għad-direzzjoni t’Alla, u ma kinux jiċċelebrawh b’xi riċeviment jew bir-rigali. Il-Lhud qiesu wkoll bħala xi ħaġa speċjali l-anniversarju tad-dedika mill-ġdid tat-tempju. Għalkemm fil-Bibbja ma kienx ikkmandat li jikkommemoraw din il-ġrajja storika, Ġwann 10:22, 23 jissuġġerixxi li Ġesù ma kkritikax il-fatt li dan kien isir. Finalment, il-Kristjani għandhom laqgħa speċjali fl-anniversarju tal-mewt taʼ Ġesù. M’għandniex xi ngħidu, dan jagħmluh b’ubbidjenza għal kmand ċar li nsibu fil-Kelma t’Alla.—Luqa 22:19, 20.
Xi ngħidu għall-anniversarju tat-tieġ? F’xi pajjiżi huwa komuni għal tnejn miżżewġin li jfakkru l-anniversarju taʼ meta ħadu l-istat taʼ miżżewġin, arranġament li oriġinah Alla. (Ġenesi 2:18-24; Mattew 19:4-6) Ċertament li l-Bibbja ma tpinġihx ikrah iż-żwieġ. Ġesù attenda ċelebrazzjoni taʼ żwieġ, u anki kkontribwixxa biex din l-okkażjoni tkun waħda pjaċevoli.—Ġwann 2:1-11.
Allura ma tkunx xi ħaġa stramba li koppja, fl-anniversarju tat-tieġ tagħhom, forsi jqattgħu xi ħin jirriflettu fuq il-ferħ taʼ dik l-okkażjoni u fuq id-determinazzjoni tagħhom biex ikomplu jaħdmu ħalli jirnexxu bħala koppja miżżewġa. Jekk humiex se jiffokaw fuq din l-okkażjoni speċjali fil-privat, bejniethom it-tnejn, jew jekk jistednux xi ftit qraba jew ħbieb intimi biex ikunu magħhom iridu jiddeċiduha huma. L-okkażjoni m’għandhiex issir sempliċi skuża għal xi laqgħa soċjali kbira. F’dak il-jum il-Kristjani jkunu jridu jiġu ggwidati mill-prinċipji li japplikaw għal kull ġurnata taʼ ħajjithom. Mela jekk infakkrux l-anniversarju tat-tieġ jew le hija kwistjoni persunali.—Rumani 13:13, 14.
Xi ngħidu, iżda, dwar li nfakkru għeluq sninna b’manjiera speċjali? Għandna xi indikazzjoni fil-Bibbja dwar anniversarju bħal dan?
Sewwa, kmieni f’dan is-seklu, l-Istudenti tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufin dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Jehovah, fil-fatt kienu jfakkru għeluq is-snin. Ħafna minnhom kellhom kotba żgħar jisimhom Daily Heavenly Manna (Manna Mis-Sema taʼ Kuljum). Dawn kien ikun fihom silta mill-Bibbja għal kull ġurnata, u ħafna Kristjani kienu jwaħħlu ritratti żgħar taʼ xi Studenti tal-Bibbja sħabhom, fuq il-paġni li jikkorrispondu mal-ġranet li fihom kienu jagħlqu sninhom. Ukoll, The Watch Tower tal-15 taʼ Frar, 1909, irrakkonta li waqt konvenzjoni f’Jacksonville, ġewwa Florida, fl-Istati Uniti, Ħuna Russell, li dak iż-żmien kien il-president tas-Soċjetà, ġie mitlub jitlaʼ fuq il-palk. Għala? Kellhom sorpriża lesta għalih—rigal taʼ għeluq sninu li kien jikkonsisti f’kaxxi mimlijin grapefruits, pineapples, u larinġ. B’hekk, tajna daqqa t’għajn lejn x’kien jiġri fil-passat. Biex ikollna l-istampa kollha taʼ dak li kien isir, irridu niftakru li dak iż-żmien, l-Istudenti tal-Bibbja kienu jikkommemoraw ukoll il-25 taʼ Diċembru bħala l-anniversarju tat-twelid taʼ Ġesù, jew għeluq sninu. Saħansitra kien hemm id-drawwa li jkollhom l-ikla tal-Milied fil-kwartieri ġenerali taʼ Brooklyn.
M’għandniex xi ngħidu, minn dak iż-żmien ’l hawn il-poplu t’Alla kiber spiritwalment f’ħafna aspetti. Fis-snin 20, id-dawl miżjud tal-verità għenhom jaraw dan li ġej:
Ġesù ma twelidx nhar il-25 taʼ Diċembru, data li hi marbuta mar-reliġjon pagana. Il-Bibbja tgħidilna biex nikkommemoraw id-data tal-mewt taʼ Ġesù, mhux l-anniversarju tat-twelid tiegħu jew taʼ xi ħadd ieħor. Meta nagħmlu dan inkunu qed naġixxu fi qbil maʼ Koħèlet 7:1 u l-fatt li l-mod kif tiżvolġi l-ħajja taʼ bniedem leali hu iktar importanti minn jum it-twelid tiegħu. Fil-Bibbja ma hemmx imsemmi li xi qaddej leali ċċelebra għeluq sninu. Din issemmi ċelebrazzjonijiet taʼ għeluq snin nies pagani, billi dawn l-okkażjonijiet torbothom maʼ atti krudili. Ejjew naraw x’kien l-isfond taʼ dawn l-anniversarji taʼ għeluq is-snin.
L-ewwel wieħed hu għeluq snin il-Fargħun taʼ żmien Ġużeppi. (Ġenesi 40:20-23) Rigward dan l-aspett, l-artiklu dwar iċ-ċelebrazzjoni taʼ għeluq is-snin fl-Encyclopædia of Religion and Ethics taʼ Hastings jibda hekk: “Id-drawwa li jiġi kkommemorat jum it-twelid hija konnessa, fil-forma tagħha, maʼ li jiġi magħdud iż-żmien, u, fil-kontenut tagħha, maʼ ċerti prinċipji reliġjużi primittivi.” Iktar tard, l-enċiklopedija tikkwota lill-Eġittologu Sir J. Gardener Wilkinson, li kiteb: “Kull Eġizzjan kien jattribwixxi importanza kbira lill-ġurnata, u saħansitra lis-siegħa li twieled fiha; u wisq probabbli, bħalma kien isir fil-Persja, kull individwu kien jiċċelebra għeluq sninu bil-kbir, billi joffri lil ħbiebu kull tip taʼ divertiment li kien jeżisti, u abbundanza iktar mis-soltu taʼ ikel delizzjuż.”
Ċelebrazzjoni oħra taʼ għeluq snin xi ħadd li tissemma fil-Bibbja hija dik taʼ Erodi, fejn ġiet maqtugħa ras Ġwanni l-Battista. (Mattew 14:6-10) The International Standard Bible Encyclopedia (edizzjoni taʼ l-1979) tipprovdi din l-informazzjoni iktar profonda: “Il-Griegi pre-Ellenistiċi kienu jiċċelebraw għeluq snin l-allat u l-persuni prominenti. Il-kelma G[rie]ga genéthlia kienet tirreferi għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, fil-waqt li genésia kienet tfisser ċelebrazzjoni kommemorattiva taʼ għeluq snin xi ħadd importanti li jkun mejjet. Fit-2 Makk[abin] 6:7 nsibu referenza għall-genéthlia taʼ Antijoku IV, li kienet issir darba fix-xahar, u li matulha l-Lhud kienu jiġu sforzati ‘jieħdu sehem fis-sagrifiċċji.’ . . . Meta Erodi ċċelebra għeluq sninu kien qed jaġixxi fi qbil maʼ drawwa Ellenistika; m’hemm ebda evidenza li kienu jiċċelebraw għeluq sninhom f’Iżrael fi żminijiet pre-Ellenistiċi.”
Irridu nammettu li l-veri Kristjani llum ma joqogħdux jiffissaw fl-għeruq u fil-konnessjonijiet reliġjużi antiki li jistaʼ jkollha kull prattika jew drawwa, imma lanqas ma huma se jinjoraw l-indikazzjonijiet ċari li fil-fatt jeżistu fil-Kelma t’Alla. Dan jinkludi li l-uniċi ċelebrazzjonijiet fejn nies iċċelebraw għeluq sninhom iddokumentati fil-Bibbja huma taʼ nies pagani u huma marbutin maʼ ġrajjiet li fihom intweriet krudeltà. Għalhekk, huwa ċar li l-Iskrittura titfaʼ dell ikrah fuq iċ-ċelebrazzjonijiet taʼ għeluq is-snin, u dan huwa fatt li Kristjani sinċieri ma jinjorawhx.
Għaldaqstant, fil-waqt li hija għalkollox kwistjoni persunali jekk il-Kristjani jagħżlux li jfakkru l-anniversarju tat-tieġ tagħhom jew le, hemm raġunijiet validi għala Kristjani maturi jżommu lura milli jiċċelebraw għeluq is-snin.