Xogħlok Se Jirreżistih in-Nar?
“Imma jqis kull wieħed kif jibni fuqu [il-pedament].”—1 KORINTIN 3:10.
1. Liema tama għandhom il-Kristjani leali rigward dixxipli prospettivi?
KOPPJA Kristjana miżżewġa qiegħda tħares lejn it-tarbija ġdida tagħha. Pubblikatur tas-Saltna qed jara l-espressjoni ħerqana u kollha interess fuq wiċċ student tal-Bibbja. Anzjan Kristjan li qed jgħallem minn fuq il-pletform jinnota lil xi ħadd ġdid fl-udjenza jfittex bil-ħerqa l-iskritturi fil-Bibbja tiegħu. Dawn il-qaddejja leali taʼ Jehovah għandhom qalbhom mimlija tama. Ma jistgħux ma jaħsbux, ‘Min jaf jekk dan l-individwu hux se jsir iħobb u jaqdi lil Jehovah—u jibqaʼ leali?’ M’għandniex xi ngħidu, riżultat bħal dan ma jiġix awtomatikament. Jirrikjedi ħafna xogħol.
2. L-appostlu Pawlu kif fakkar lill-Kristjani Lhud dwar l-importanza tax-xogħol taʼ tagħlim, u liema eżami tagħna nfusna jġagħalna nagħmlu dan?
2 Bħala għalliem tas-sengħa, l-appostlu Pawlu enfasizza l-importanza tax-xogħol taʼ li ngħallmu u nagħmlu dixxipli meta kiteb: “Issa jmisskom sirtu mgħallmin.” (Lhud 5:12) Il-Kristjani li kien qed jindirizza kienu għamlu ftit li xejn progress, meta wieħed iqis kemm kienu ilhom li saru kredenti. Mhux talli ma kinux kapaċi jgħallmu lil oħrajn, imma talli kienu jeħtieġu li jiġu mfakkrin dwar l-aspetti bażiċi tal-verità. Illum, ilkoll kemm aħna nagħmlu tajjeb li minn żmien għal żmien neżaminaw l-abbiltajiet tagħna bħala għalliema u naraw kif nistgħu nitjiebu. Hemm il-ħajjiet involuti. X’nistgħu nagħmlu?
3. (a) L-appostlu Pawlu maʼ liema ħaġa qabbel il-proċess taʼ li nagħmlu dixxiplu Kristjan? (b) Bħala bennejja Kristjani, liema privileġġ kbir għandna?
3 F’tixbieha iktar miftuħa, Pawlu xebbah ix-xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli mal-proċess taʼ li nibnu dar. Hu beda billi qal: “Aħna ħaddiema maʼ Alla; u intom l-għalqa taʼ Alla, intom il-bini taʼ Alla.” (1 Korintin 3:9) Għalhekk, aħna qed nieħdu sehem f’xogħol taʼ bini li jinvolvi lin-nies; qed ngħinuhom jinbnew u jsiru dixxipli taʼ Kristu. Dan nagħmluh bħala ħaddiema sħab taʼ Dak li “jibni kollox.” (Lhud 3:4) Xi privileġġ! Ejjew naraw kif il-parir imnebbaħ taʼ Pawlu lill-Korintin jistaʼ jgħinna nsiru iktar tas-sengħa f’xogħolna. Se niffokaw partikolarment fuq l-“arti tat-tagħlim.”—2 Timotju 4:2, NW.
Inqiegħdu l-Pedament Xieraq
4. (a) X’kien l-irwol taʼ Pawlu fix-xogħol taʼ bini Kristjan? (b) Għala jistaʼ jingħad li kemm Ġesù u kemm l-udjenza tiegħu kienu jaraw l-importanza taʼ pedamenti sodi?
4 Biex bini jkun stabbli u jdum għal ħafna snin, jeħtieġ li jkollu pedament sod. B’hekk, Pawlu kiteb: “Skond il-grazzja li tani Alla, bħala bennej għaqli, jiena qegħedt il-pedament.” (1 Korintin 3:10) Waqt li uża tixbieha simili, Ġesù Kristu rrakkonta dwar dar li baqgħet wieqfa wara maltempata għaliex il-bennej tagħha kien għażel pedament sod. (Luqa 6:47-49) Ġesù kien jaf kemm kienu importanti l-pedamenti. Kien preżenti meta Jehovah sejjes l-art infisha.a (Proverbji 8:29-31) Anki dawk fl-udjenza taʼ Ġesù kienu fehmu l-importanza taʼ pedamenti sodi. Id-djar mibnijin fuq is-sod biss kienu jibqgħu sħaħ wara l-għargħar u t-terremoti li kultant kienu jolqtu lill-Palestina. Iżda, liema pedament kellu f’moħħu Pawlu?
5. Min hu l-pedament tal-kongregazzjoni Kristjana, u dan kif kien imbassar?
5 Pawlu kiteb: “Pedament ieħor ħadd ma jistaʼ jqiegħed ħlief dak li ġa tqiegħed; u dan hu Ġesù Kristu.” (1 Korintin 3:11) Din ma kinitx l-ewwel darba li Ġesù ġie mxebbah maʼ pedament. Fil-fatt, Isaija 28:16 bassar: “Għalhekk dan jgħid Sidi l-Mulej: ‘Jien inqiegħed fis-sod ġebla f’Sijon, ġebla magħżula u prezzjuża, ġebla tax-xewka, msejjsa sewwa.’” Jehovah kien ilu intenzjonat li Ibnu jsir il-pedament tal-kongregazzjoni Kristjana.—Salm 118:22; Efesin 2:19-22; 1 Pietru 2:4-6.
6. Pawlu kif poġġa l-pedament addattat fil-Kristjani taʼ Korintu?
6 X’inhu l-pedament għal Kristjani individwali? Bħalma qal Pawlu, m’hemm ebda pedament għal Kristjan veru ħlief dak imniżżel fil-Kelma t’Alla—Ġesù Kristu. Ċertament li Pawlu poġġa pedament bħal dan. F’Korintu, fejn il-filosofija kienet stmata ferm, hu ma pprovax jimpressjona lin-nies b’għerf dinji. Pjuttost, Pawlu ppriedka lil “Kristu msallab,” li l-ġnus ikkalkulawh bħala “bluha” kbira. (1 Korintin 1:23) Pawlu għallem li Ġesù huwa l-figura ċentrali fl-iskopijiet taʼ Jehovah.—2 Korintin 1:20; Kolossin 2:2, 3.
7. X’nistgħu nitgħallmu mir-referenza li għamel Pawlu għalih innifsu bħala “bennej għaqli”?
7 Pawlu nnota li dan it-tagħlim hu għamlu “bħala bennej għaqli.” Din l-istqarrija ma kinitx egotistika. Kienet sempliċement rikonoxximent tar-rigal taʼ l-għaġeb li Jehovah kien tah—dak taʼ li jorganizza jew jidderieġi x-xogħol. (1 Korintin 12:28) Irridu nammettu li llum m’għandniex id-doni mirakolużi li kienu ngħataw lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu. U forsi ma naħsbux dwarna nfusna bħala għalliema b’xi don speċjali. Imma f’sens importanti, hekk aħna. Ikkunsidra dan: Jehovah jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinna. (Qabbel Luqa 12:11, 12.) U aħna għandna mħabba għal Jehovah u għarfien tat-tagħlim bażiku mill-Kelma tiegħu. Dawn huma rigali verament taʼ l-għaġeb biex nużawhom meta ngħallmu lil oħrajn. Ejjew inkunu riżoluti li nużawhom biex inpoġġu l-pedament xieraq.
8. Kif nistgħu npoġġu lil Kristu bħala pedament f’dixxipli prospettivi?
8 Meta npoġġu lil Kristu bħala pedament, aħna ma nkunux qed nippreżentawh bħala xi tarbija li ma tistaʼ tagħmel xejn ġewwa maxtura, lanqas bħala li hu ugwali maʼ Jehovah f’xi Trinità. Le, dawn l-ideat mhux skritturali jifformaw pedament għall-Kristjani foloz. Pjuttost, aħna ngħallmu li hu kien l-aqwa bniedem li qatt għex, li ta l-ħajja perfetta tiegħu għalina, u li llum hu s-Sultan maħtur minn Jehovah li qed isaltan fis-sema. (Rumani 5:8; Apokalissi 11:15) Nipprovaw ukoll inqanqlu lill-istudenti tagħna biex jimxu fuq il-passi taʼ Ġesù u jimitaw il-kwalitajiet tiegħu. (1 Pietru 2:21) Irriduhom ikunu mqanqlin profondament miż-żelu li Ġesù kellu għall-ministeru, mill-mogħdrija tiegħu għal dawk fqajrin u maħqurin, mill-ħniena tiegħu lejn il-midinbin li kienu mnikktin minħabba l-ħtijiet tagħhom stess, mill-kuraġġ kbir li kellu meta kien iffaċċjat minn provi. Verament, Ġesù hu pedament meraviljuż. Imma issa x’imiss?
Nibnu b’Materjal Addattat
9. Għalkemm Pawlu kien primarjament wieħed li jpoġġi l-pedament, liema tħassib kellu għal dawk li aċċettaw il-verità taʼ dak li għallem hu?
9 Pawlu kiteb: “Jibni x’jibni dak li jkun fuq dan il-pedament; deheb, fidda, ħaġar prezzjuż, injam, ħuxlief, tiben; ix-xogħol taʼ kulħadd għad jidher; il-Jum għad jurih u n-nar għad jikxfu u jipprova x’jiswa x-xogħol taʼ kull wieħed.” (1 Korintin 3:12, 13) Pawlu x’ried ifisser? Ikkunsidra l-isfond. Pawlu kien primarjament wieħed li jpoġġi l-pedament. Matul il-vjaġġi missjunarji tiegħu, ivvjaġġa minn belt għal oħra, jippriedka lil ħafna li qatt ma kienu semgħu bi Kristu. (Rumani 15:20) Hekk kif in-nies kienu jaċċettaw il-verità li kien jgħallem, kienu jiġu fformati kongregazzjonijiet. Pawlu kien jimpurtah ferm minn dawn l-uħud leali. (2 Korintin 11:28, 29) Madankollu, ix-xogħol tiegħu kien jirrikjedi li jmur minn post għall-ieħor. Għalhekk, wara li qattaʼ 18-il xahar ipoġġi l-pedament f’Korintu, irħielha biex jippriedka fi bliet oħrajn. Xorta waħda, kien interessat ferm dwar kif oħrajn kienu qed ikomplu x-xogħol li hu kien beda hemmhekk.—Atti 18:8-11; 1 Korintin 3:6.
10, 11. (a) Pawlu kif għamel kuntrast bejn żewġ tipi differenti taʼ materjal tal-bini? (b) Liema tipi taʼ bini litterali probabbilment eżistew f’Korintu tal-qedem? (ċ) Liema tipi taʼ bini x’aktarx li iktar jibqgħu sħaħ f’każ taʼ ħruq, u x’tagħlima prattika jipprovdi dan għal dawk li jagħmlu dixxipli Kristjani?
10 Milli jidher xi wħud minn dawk li kienu qed jibnu fuq il-pedament li Pawlu kien poġġa f’Korintu ma kinux qed jagħmlu xogħol tajjeb. Biex jikxef x’kienet il-problema, Pawlu jagħmel kuntrast bejn żewġ tipi taʼ materjal tal-bini: deheb, fidda, u ħaġar prezzjuż fuq naħa; injam, ħuxlief, u tiben fuq in-naħa l-oħra. Bini jistaʼ jinbena minn materjal mill-aħjar, li qatt ma jispiċċa, u li hu reżistenti għan-nar; jew inkella jistaʼ jinbena malajr billi jintuża materjal li jispiċċa malajr, temporanju, u li jaqbad bin-nar. F’belt kbira bħal Korintu, bla dubju, kien hemm ħafna minn dawn iż-żewġ tipi taʼ bini. Kien hemm tempji impressjonanti magħmulin minn kantuni enormi, li kienu jiswew il-flus, u li forsi kienu miksijin jew imżejnin parzjalment bid-deheb u l-fidda.b Dan il-bini li qatt ma jispiċċa probabbilment kien jiddomina b’mod maestuż fuq l-għerejjex, il-gabubi, u l-gabbani tas-suq b’qafas taʼ l-injam kollu skald, u msaqqfin bit-tiben, li kienu fil-qrib.
11 X’kien se jiġrilu dan il-bini f’każ taʼ ħruq? It-tweġiba kienet daqstant ovvja fi żmien Pawlu daqskemm hi ovvja fi żmienna. Fil-fatt, il-belt taʼ Korintu kienet ġiet mirbuħa u maħruqa mill-Ġeneral Ruman Mummius lura fis-sena 146 Q.E.K. Bosta strutturi taʼ l-injam, tiben, jew ħuxlief żgur li nqerdu għalkollox. Xi ngħidu għall-bini b’saħħtu tal-ġebel, imżejjen bil-fidda u d-deheb? Dan, bla dubju, baqaʼ sħiħ. L-istudenti taʼ Pawlu f’Korintu forsi kuljum kienu jgħaddu minn quddiem dan il-bini—bini grandjuż tal-ġebel li baqaʼ sħiħ wara d-diżastri li kienu ilhom li ġabu fix-xejn lill-ġirien tagħhom li kienu taʼ materjal inqas reżistenti. Kemm spjegah tajjeb Pawlu, il-punt tiegħu! Meta ngħallmu, irridu nqisu lilna nfusna bħala bennejja. Irridu naħdmu bl-aqwa materjal possibbli li qatt ma jispiċċa. B’dan il-mod ix-xogħol tagħna x’aktarx li se jservi iktar. X’inhu dan il-materjal li ma jispiċċa qatt, u għala huwa vitali li nużawh?
Sejjer Xogħlok Jirreżistih in-Nar?
12. Xi wħud mill-Kristjani taʼ Korintu b’liema modi kienu qed jagħmlu xogħol taʼ bini taʼ kafkaf?
12 Jidher ċar li Pawlu ħass li xi wħud mill-Kristjani f’Korintu kienu qed jibnu b’materjal inferjuri. X’kien hemm ħażin? Bħalma juri l-kuntest, fil-kongregazzjoni kien hemm ħafna firdiet, kienu qed jammiraw il-personalitajiet umani minkejja r-riskju għall-unità tal-kongregazzjoni. Xi wħud kienu qed jgħidu, “Jiena taʼ Pawlu,” waqt li oħrajn kienu qed jinsistu, “Jiena taʼ Apollo.” Xi wħud evidentement ħasbu li ma kienx hemm min hu għaref daqshom. Mhux taʼ b’xejn li r-riżultat kien atmosfera fejn il-mod taʼ ħsieb kien bħal tad-dinja, immaturità spiritwali, u ‘għira u ġlied’ kotrana. (1 Korintin 1:12; 3:1-4, 18) It-tagħlim li kien qed isir fil-kongregazzjoni u fil-ministeru ċertament kien qed jirrifletti dawn l-attitudnijiet. Ir-riżultat kien li x-xogħol tagħhom li jagħmlu dixxipli kien taʼ kafkaf, bħal xogħol taʼ bini magħmul b’materjal inferjuri. Ma kienx se jibqaʼ sħiħ jekk jaqbad bin-“nar.” Liema nar kien qed jitkellem dwaru Pawlu?
13. In-nar fit-tixbieha taʼ Pawlu x’jirrappreżenta, u l-Kristjani għal xiex iridu joqogħdu attenti?
13 Hemm nar li lkoll kemm aħna niffaċċjaw fil-ħajja—provi fuq il-fidi tagħna. (Ġwann 15:20; Ġakbu 1:2, 3) Il-Kristjani f’Korintu kellhom bżonn ikunu jafu, sewwa sew bħalma aħna llum għandna bżonn inkunu nafu, li dawk kollha li qed ngħallmuhom il-verità se jiġu pprovati. Jekk ma ngħallmuhomx tajjeb, jistaʼ jkun hemm konsegwenzi taʼ swied il-qalb. Pawlu wissa: “Jekk il-bini li wieħed ikun bena jżomm sħiħ, min jagħmlu jieħu ħlasu; jekk il-bini jinħaraq, ħlasu jitilfu; iżda huwa jsalva, imma jkun għadda minn ġon-nar.”c—1 Korintin 3:14, 15.
14. (a) Dawk li jagħmlu dixxipli Kristjani kif jistgħu ‘jitilfu ħlashom,’ u madankollu kif jistgħu jiksbu s-salvazzjoni bħallikieku għaddew min-nar? (b) Kif nistgħu aħna nnaqqsu r-riskju tal-ħsara?
14 Kliem li verament iġagħlek taħseb! Kemm jiddispjaċik li wara li tkun ħdimt tant iebes biex tgħin lil xi ħadd isir dixxiplu, tarah iċedi għal xi tentazzjoni jew persekuzzjoni u eventwalment jitlaq mill-verità! Pawlu dan jirrikonoxxih meta jgħid li aħna nitilfu ħlasna f’każi bħal dawn. L-esperjenza tistaʼ tant tkun taʼ dwejjaq li s-salvazzjoni tagħna hija deskritta bħala li tkun ‘qisha bin-nar’—bħallikieku bniedem tilef kollox minħabba n-nar u hu nnifsu bilkemm salva. Min-naħa tagħna, kif nistgħu nnaqqsu r-riskju tal-ħsara? Nibnu b’materjal li qatt ma jispiċċa! Jekk lill-istudenti tagħna ngħallmuhom b’tali mod li nilħqulhom qalbhom, billi nqanqluhom biex jgħożżu kwalitajiet Kristjani prezzjużi, bħalma huma l-għerf, id-dixxerniment, il-biżaʼ taʼ Jehovah, u l-fidi ġenwina, hemmhekk inkunu qegħdin nibnu b’materjal li qatt ma jispiċċa u li jirreżisti n-nar. (Salm 19:10, 11 [Salm 19:9, 10, NW]; Proverbji 3:13-15; 1 Pietru 1:6, 7) Dawk li jiksbu dawn il-kwalitajiet se jkomplu jagħmlu r-rieda t’Alla; tagħhom hija t-tama ċerta li jibqgħu ħajjin għal dejjem. (1 Ġwann 2:17) Fil-prattika iżda, kif nistgħu nużawha din it-tixbieha taʼ Pawlu? Ikkunsidra xi eżempji.
15. B’liema modi nistgħu nkunu ċerti li nevitaw li nagħmlu xogħol taʼ bini taʼ kafkaf rigward l-istudenti tagħna tal-Bibbja?
15 Meta nkunu qed ngħallmu lill-istudenti tal-Bibbja, qatt m’għandna nonoraw lill-bnedmin iktar minn Alla Jehovah. Il-mira tagħna m’hijiex li ngħallmuhom biex jibdew iqisuna bħala s-sors primarju taʼ l-għerf. Irriduhom iduru lejn Jehovah, il-Kelma tiegħu, u l-organizzazzjoni tiegħu għall-gwida. Għal dan l-għan, meta jistaqsuna xi mistoqsijiet, ma naqbdux sempliċement ngħidulhom l-opinjonijiet tagħna. Pjuttost, ngħallmuhom isibu t-tweġibiet billi jużaw il-Bibbja u l-pubblikazzjonijiet ipprovduti mill-“irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Għal raġunijiet simili, aħna noqogħdu attenti li ma nkunux pussessivi fuq l-istudenti tagħna tal-Bibbja. Minflok ma nħossuna offiżi meta xi ħadd jesprimi interess fihom, aħna stess għandna ninkuraġġixxu lill-istudenti tagħna biex “jiftħu qalbhom beraħ” fl-affezzjonijiet tagħhom, billi jsiru jafu u japprezzaw jekk jistaʼ jkun lill-aħwa kollha fil-kongregazzjoni.—2 Korintin 6:12, 13.
16. L-anzjani kif jistgħu jibnu b’materjal li jirreżisti n-nar?
16 Anki l-anzjani Kristjani għandhom irwol vitali f’li jibnu lid-dixxipli. Meta jgħallmu quddiem il-kongregazzjoni, huma jfittxu li jibnuhom b’materjal li jirreżisti n-nar. L-abbiltà f’li jgħallmu, l-esperjenza, u l-personalità tagħhom jistgħu jvarjaw mhux ħażin, imma ma japprofittawx ruħhom minn dawn id-differenzi biex jiġbdu segwaċi għal warajhom. (Qabbel Atti 20:29, 30.) Ma nafux preċiżament għala xi wħud f’Korintu bdew jgħidu, “Jiena taʼ Pawlu” jew, “Jiena taʼ Apollo.” Imma nistgħu nibqgħu ċerti li l-ebda wieħed minn dawn l-anzjani leali ma ppromwova dan il-mod taʼ ħsieb li joħloq firda. Pawlu ma ħax gost b’sentimenti bħal dawn; hu rrifjutahom b’kemm kellu saħħa. (1 Korintin 3:5-7) Bl-istess mod illum, l-anzjani jżommu f’moħħhom li huma qed jirgħu “l-merħla taʼ Alla.” (Korsiv tagħna.) (1 Pietru 5:2) Din m’hi taʼ l-ebda bniedem. Għalhekk l-anzjani jibqgħu sodi kontra kwalunkwe tendenza taʼ xi bniedem wieħed li jiddomina jew lill-merħla jew lill-ġemgħa taʼ l-anzjani. Sakemm l-anzjani jkunu motivati minn xewqa umli biex jaqdu lill-kongregazzjoni, jilħqu l-qlub, u jgħinu lin-nagħaġ ħalli jaqdu lil Jehovah b’ruħhom kollha, huma jkunu qed jibnu b’materjal li jirreżisti n-nar.
17. Ġenituri Kristjani kif jagħmlu ħilithom sabiex jibnu b’materjal li jirreżisti n-nar?
17 Il-ġenituri Kristjani wkoll huma kkonċernati ferm dwar din il-kwistjoni. Min jaf kemm jixtiequ jaraw lit-tfal tagħhom jgħixu għal dejjem! Għalhekk huma jaħdmu daqshekk iebes biex ‘idaħħlu sewwa’ l-prinċipji tal-Kelma t’Alla f’qalb uliedhom. (Dewteronomju 6:6, 7, NW) Huma jridu li wliedhom ikunu jafu l-verità, mhux sempliċement bħala sett taʼ regoli jew xi litanija taʼ fatti, imma bħala mod taʼ ħajja premjanti u hieni. (1 Timotju 1:11, NW) Ġenituri li jħobbu lil uliedhom jagħmlu ħilithom kollha biex jużaw materjal li jirreżisti n-nar sabiex jibnu lil uliedhom ħalli jsiru dixxipli leali taʼ Kristu. Huma bil-paċenzja kollha jaħdmu maʼ wliedhom, billi jgħinuhom inaqqu xi kwalitajiet li Jehovah jobgħod u jikkultivaw il-kwalitajiet li hu jħobb.—Galatin 5:22, 23.
Min Hu Responsabbli?
18. Meta dixxiplu jirrifjuta t-tagħlim bnin, dan għala mhux neċessarjament ikun it-tort taʼ dawk li jkunu għamlu ħilithom biex jgħallmuh u jħarrġuh?
18 Din id-diskussjoni tqajjem mistoqsija importanti. Li kieku xi ħadd li aħna qed nagħmlu ħilitna biex ngħinuh, ifettillu jitlaq mill-verità, ikun dan ifisser li aħna fallejna bħala għalliema—li bilfors li bnejna b’materjal inferjuri? Mhux neċessarjament. Il-kliem taʼ Pawlu ċertament ifakkarna li hija responsabbiltà kbira li nieħdu sehem f’li nibnu dixxipli. Irridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nibnu sew. Imma l-Kelma t’Alla m’hijiex qed tgħidilna biex nieħdu r-responsabbiltà kollha fuqna u nsiru mtaqqlin bil-ħtija meta dawk li pprovajna ngħinuhom, jabbandunaw il-verità. Hemm fatturi oħrajn li huma involuti barra mill-irwol tagħna bħala bennejja. Per eżempju, innota dak li jgħid Pawlu, li jirrigwarda wkoll l-għalliem li m’għamilx xogħlu sewwa f’li jibni: “Ħlasu jitilfu; iżda huwa jsalva.” (1 Korintin 3:15) Ladarba dan l-għalliem għandu mnejn eventwalment jikseb is-salvazzjoni—mentri l-personalità Kristjana li għamel ħiltu biex jibni fl-istudent tiegħu tidher bħala li qed ‘tinħaraq’ fi prova tan-nar—x’bilfors nikkonkludu? Ċertament li, primarjament Jehovah jżomm lill-istudent responsabbli għad-deċiżjonijiet tiegħu stess dwar jekk hux se jsegwi korsa taʼ fedeltà jew le.
19. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
19 Responsabbiltà persunali jew individwali hija kwistjoni taʼ importanza kbira. Din tolqot lil kull wieħed u waħda minna. Il-Bibbja x’tgħallem b’mod speċifiku dwar din il-kwistjoni? L-artiklu li jmiss se jikkunsidra dan.
[Noti taʼ taħt]
a Il-‘pedament taʼ l-art’ għandu mnejn jirreferi għall-forzi fiżiċi li jżommuha—u l-oġġetti kollha tas-sema—soda f’postha. Iżjed minn hekk, l-art infisha hija mibnija b’tali mod li qatt ma se “titħarrek,” jew tinqered.—Salm 104:5.
b Il-“ħaġar prezzjuż” li Pawlu rrefera għalih ma kienx neċessarjament xi fosos, bħalma huma d-djamanti u r-rubini. Dan setaʼ kien materjal tal-bini li jiswa l-flus bħalma hu l-irħam, l-alabastru, jew il-granit.
c Pawlu kien qed jitfaʼ dubju, mhux fuq is-salvazzjoni tal-bennej, imma fuq ix-“xogħol” tal-bennej. Il-Bibbja Mqaddsa skond Karm Żammit dawn il-versi tpoġġihom hekk: “Jekk ix-xogħol taʼ kull bniedem iżomm fuq dak li jkun bena, jieħu l-ħlas. Jekk ix-xogħol taʼ bniedem jinħaraq, ibati l-ħsara: iżda hu nnifsu jkun salvat; imma qisu bin-nar.”
Int Kif Twieġeb?
◻ X’inhu l-“pedament” fi Kristjan veru, u dan kif jiġi mpoġġi?
◻ X’nistgħu nitgħallmu mit-tipi differenti taʼ materjal tal-bini?
◻ In-“nar” x’jirrappreżenta, u kif jistaʼ jikkaġuna li xi wħud ‘jitilfu ħlashom’?
◻ Dawk li jgħallmu l-Bibbja, l-anzjani u l-ġenituri, kif jistgħu jibnu b’materjal li jirreżisti n-nar?
[Stampa f’paġna 9]
F’ħafna mill-ibliet tal-qedem, bini tal-ġebel li jirreżisti n-nar eżista flimkien maʼ bini taʼ materjal iktar inferjuri