Għandek Int Anġlu Kustodju?
TEMMEN int li għandek anġlu kustodju? Ħafna nies hekk jaħsbu. Rigward dan, jingħad li waħda mara fil-punent tal-Kanada għandha don speċjali li jinvolvi l-anġli. Jekk tgħidilha ismek u kunjomok u tagħtiha $200 [Lm52], din il-mara ssostni li kapaċi tqabbdek maʼ l-anġlu kustodju tiegħek. L-ewwel, hi timmedita billi tiffissa għajnejha fuq il-fjamma taʼ xemgħa. Imbagħad, ikollha viżjoni fejn l-anġlu tiegħek jagħtiha messaġġ biex tgħaddihulek. Bħala bonus, din il-mara tipprovdilek tpinġija fuq fuq taʼ kif jidher l-anġlu tiegħek.
Għal xi wħud, din il-ħaġa donnha li hija l-istess bħar-rakkont li jintqal dwar is-Sultan Franċiż Lwiġi IX. Jintqal li dan xtara rix għali ħafna li kif jgħidu waqaʼ mill-ġwienaħ taʼ l-Arkanġlu Mikiel. Fil-waqt li jiddubitaw din l-istorja, ħafna nies ma jiġihom l-ebda dubju fuq il-kapaċitajiet taʼ din il-mara Kanadiża.
Affaxxinati bl-Anġli
F’dawn l-aħħar snin qam interess tremend fl-anġli. Fuq it-televixin u fil-films, kotba, rivisti, u gazzetti, naraw dwar anġli li jfarrġu lil dawk morda serjament, jikkonslaw lil min ikun mietlu xi ħadd, jipprovdu l-għerf, u jaħtfu lil individwi minn ħalq il-mewt. Fl-Istati Uniti, madwar 20 miljun ruħ isegwu serje televiżiva li tixxandar kull ġimgħa fejn l-anġli jintervienu fil-ħajjiet tan-nies. Ħanut partikulari tal-kotba għandu ’l fuq minn 400 ktieb li jiffokaw fuq l-anġli.
Ktieb li ħareġ dan l-aħħar jirrakkonta esperjenzi dwar kif l-anġli kustodji salvaw il-ħajjiet taʼ suldati waqt li kienu fil-kamp tal-battalja. Stikers li jitwaħħlu mal-karozzi jgħidu li s-sewwieqa huma protetti mill-anġli kustodji. Jeżistu organizzazzjonijiet, konferenzi, u seminars biex jippromwovu l-istudju dwar l-anġli u dawn isostnu li jistgħu jgħinu lin-nies jikkomunikaw magħhom.
Eileen Freeman hi kittieba taʼ tliet kotba dwar l-anġli u tippubblika ġurnal iddedikat esklussivament għalihom. Hi ssostni: “Jien nemmen li għal kull anġlu fis-sema jeżisti anġlu kustodju hawn fuq l-Art, ħliqa li d-dmirijiet tagħha m’humiex biss li tfaħħar lil Alla fil-qasam tas-smewwiet imma li attwalment tieħu ħsieb l-esseri umani u forom oħrajn taʼ ħajja fuq l-Art. Kull wieħed minna jingħata anġlu kustodju hekk kif jiġi kkonċeput u dan jindokrana waqt li nkunu qed niżviluppaw fil-ġuf, matul it-twelid tagħna, matul ħajjitna f’din id-dinja, sakemm l-anġlu jmexxina mill-konfini taʼ din id-dinja għal ġewwa l-glorja tas-sema.” Dan jiddeskrivi sewwa l-ħarsa popolari dwar l-anġli kustodji.
F’dawn iż-żminijiet stressanti u diffiċli, togħġobna l-idea li jkollna l-anġlu kustodju tagħna persunali, li dmiru hu li jipproteġina. Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, x’tgħid dwar dan? Għandna nipprovaw nikkuntattjaw l-anġli? Huma jimpurtahom mil-livelli morali u mit-twemmin reliġjuż tagħna? X’għajnuna għandna nistennew mingħandhom? Dawn il-mistoqsijiet se jitwieġbu fl-artiklu li jmiss.