Nimxu m’Alla—Il-Passi tal-Bidu
“Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.”—ĠAKBU 4:8.
1, 2. Għala tgħid li huwa privileġġ kbir li taqdi lil Jehovah?
IR-RAĠEL kien bata fil-ħabs għal ħafna snin. Imbagħad bagħtu għalih biex jidher quddiem il-ħakkiem tal-pajjiż. Il-ġrajjiet seħħew bil-għaġla. F’daqqa waħda, il-priġunier sab ruħu fis-servizz taʼ l-iktar sultan setgħan fid-dinja taʼ dak iż-żmien. Dak li qabel kien priġunier tpoġġa f’pożizzjoni taʼ responsabbiltà kbira u ġieħ straordinarju. Ġużeppi—ir-raġel li darba riġlejh kienu marbutin bil-ktajjen—issa kien jimxi maʼ sultan!—Ġenesi 41:14, 39-43; Salm 105:17, 18.
2 Illum, il-bnedmin għandhom l-opportunità li jidħlu fis-servizz taʼ xi ħadd ferm akbar mill-Fargħun taʼ l-Eġittu. Il-Wieħed Suprem taʼ l-univers jistedinna lkoll biex naqduh. Kemm hu privileġġ taʼ l-għaġeb li wieħed jagħmel dan u li jikkultiva relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah, dak Alla li jistaʼ kollox! Fl-Iskrittura, qawwa maestuża u dija kif ukoll serenità, ġmiel, u ħlewwa huma assoċjati miegħu. (Eżekjel 1:26-28; Apokalissi 4:1-3) L-imħabba tfur f’kulma jagħmel. (1 Ġwann 4:8) Hu qatt ma jigdeb. (Numri 23:19) U Jehovah qatt ma jiddiżappuntahom lil dawk leali lejh. (Salm 18:26 [Salm 18:25, NW]) Billi nikkonformaw mal-ħtiġijiet tiegħu taʼ tjieba, nistgħu ngawdu ħajjiet hienja u sinjifikanti issa, waqt li nantiċipaw il-ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 17:3) L-ebda ħakkiem uman ma joffri xi ħaġa li tistaʼ b’xi mod titqabbel maʼ dawn il-barkiet u l-privileġġi.
3. Noè b’liema mod ‘kien jimxi m’Alla’?
3 Żmien twil ilu, il-patrijarka Noè kien determinat li jgħix fi qbil mar-rieda u l-iskop t’Alla. Dwaru, il-Bibbja tgħid: “Noè kien bniedem ġust u kien perfett fost in-nies taʼ żmienu; kien jimxi sewwa maʼ Alla.” (Ġenesi 6:9) M’għandniex xi ngħidu, Noè ma kienx jimxi litteralment maʼ Jehovah, ladarba ebda bniedem saħansitra ma ‘ra lil Alla f’xi żmien.’ (Ġwann 1:18) Minflok, Noè mexa m’Alla fis-sens li hu għamel dak li qallu Alla. Minħabba li Noè ddedika ħajtu biex jagħmel ir-rieda taʼ Jehovah, hu gawda relazzjoni intima u mill-qalb m’Alla li Jistaʼ Kollox. Bħal Noè, miljuni llum qed ‘jimxu m’Alla’ billi jgħixu fi qbil mal-pariri u l-istruzzjoni taʼ Jehovah. Wieħed kif jibda f’korsa bħal din?
Għarfien Eżatt Huwa Essenzjali
4. Jehovah kif jgħallem lill-poplu tiegħu?
4 Biex nimxu maʼ Jehovah, irridu l-ewwel insiru nafuh. Il-profeta Isaija bassar: “Għad jiġri fl-aħħar jiem li l-għolja tad-dar tal-Mulej togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji, u tintrefa ’l fuq mill-għoljiet, lejha għad jiġru l-ġnus kollha. Kotra taʼ popli għad jiġu u jgħidu: ‘Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej, lejn id-dar taʼ Alla taʼ Ġakobb, biex jgħallimna triqatu, u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu. Għax minn Sijon joħroġ it-tagħlim, u l-kelma tal-Mulej minn Ġerusalemm.’” (Isaija 2:2, 3) Iva, nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jgħallimhom lil dawk kollha li qed ifittxu li jimxu fil-mogħdijiet tiegħu. Jehovah pprovda l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, u jgħinna nifhmuha. Mod wieħed kif jagħmel dan hu permezz taʼ “l-irsir leali u diskret.” (Mattew 24:45-47, NW) Jehovah juża lill-“irsir leali” biex jipprovdi istruzzjoni spiritwali permezz taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja, laqgħat Kristjani, u l-arranġament taʼ studji tal-Bibbja fid-djar b’xejn. Alla jgħin ukoll lin-nies tiegħu jifhmu l-Kelma tiegħu permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu.—1 Korintin 2:10-16.
5. Il-verità Skritturali għala hija daqshekk prezzjuża?
5 Għalkemm ma nħallsux flus għall-verità tal-Bibbja, din hija prezzjuża. Hekk kif nistudjaw il-Kelma t’Alla, aħna nitgħallmu dwar Alla nnifsu—ismu, il-personalità tiegħu, l-iskop tiegħu, u l-mod kif jittratta mal-bnedmin. Nitgħallmu wkoll it-tweġibiet għall-mistoqsijiet fundamentali tal-ħajja li jagħtu l-ħelsien: Għala qegħdin hawn? Alla għala jippermetti t-tbatija? X’hemm maħżun għall-futur? Għala nixjieħu u mmutu? Hemm ħajja wara l-mewt? Iktar minn hekk, nitgħallmu x’inhi r-rieda t’Alla għalina, jiġifieri, kif għandna nimxu sabiex nogħġbuh bis-sħiħ. Nitgħallmu li l-ħtiġijiet tiegħu huma raġunevoli u huma taʼ benefiċċju b’mod taʼ l-għaġeb meta ngħixu fi qbil magħhom. Mingħajr l-istruzzjonijiet t’Alla, żgur li qatt ma nistgħu nifhmuhom dawn l-affarijiet.
6. Għarfien eżatt dwar il-Bibbja liema korsa jgħinna nsegwu?
6 Il-verità tal-Bibbja hija qawwija u tqanqalna biex nagħmlu bidliet f’ħajjitna. (Lhud 4:12) Qabel ma ħadna l-għarfien tal-Bibbja, stajna biss nimxu “skond ix-xejra taʼ din id-dinja.” (Efesin 2:2) Iżda għarfien eżatt dwar il-Kelma t’Alla jfasslilna korsa differenti sabiex ‘inkunu nistgħu ngħixu sewwa kif jixraq lill-Mulej u nogħġbuh f’kollox.’ (Kolossin 1:10) Kemm hija ħaġa taʼ ferħ li nieħdu l-ewwel passi tagħna fil-mixi maʼ Jehovah, l-iktar Persuna manjifika fl-univers kollu!—Luqa 11:28.
Żewġ Passi Importanti —Dedikazzjoni u Magħmudija
7. Hekk kif nistudjaw il-Kelma t’Alla, liema verità dwar it-tmexxija umana ssir evidenti?
7 Meta tiżdied il-fehma tagħna dwar il-Bibbja, nibdew neżaminaw il-ġrajjiet umani u ħajjitna stess fid-dawl spiritwali tal-Kelma t’Alla. Verità importanti b’hekk issir evidenti. Din il-verità kienet espressa żmien twil ilu mill-profeta Ġeremija, li kiteb: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Il-bnedmin—ilkoll kemm aħna—jeħtieġu d-direzzjoni t’Alla.
8. (a) X’inhu dak li jqanqal lin-nies biex jiddedikaw lilhom infushom lil Alla? (b) X’inhi d-dedikazzjoni Kristjana?
8 Meta nifhmu dan il-fatt vitali niġu mqanqlin biex infittxu l-gwida mingħand Jehovah. U mħabba għal Alla tqanqalna biex niddedikaw ħajjitna lilu. Li niddedikaw lilna nfusna lil Alla jfisser li navviċinawh fit-talb u nwegħduh solennement li nużaw il-ħajja tagħna biex naqduh u nimxu fedelment fil-mogħdijiet tiegħu. Meta nagħmlu dan, inkunu qed nimitaw l-eżempju taʼ Ġesù, li ppreżenta lilu nnifsu lil Jehovah b’determinazzjoni qawwija li jwettaq ir-rieda divina.—Lhud 10:7.
9. Individwu għala jiddedika ħajtu lil Jehovah?
9 Alla Jehovah qatt ma jippressa jew jisforza lil xi ħadd biex jiddedika ruħu lilu. (Qabbel it-2 Korintin 9:7.) Iktar minn hekk, Alla ma jistenniex li xi ħadd jiddedika ħajtu Lilu minħabba xi emozzjoni tal-mument. Qabel jitgħammed, wieħed irid ikun diġà dixxiplu; xi ħaġa li tirrikjedi sforz ħerqan biex wieħed jieħu l-għarfien. (Mattew 28:19, 20) Pawlu talab bil-ħniena lil dawk li kienu diġà mgħammdin biex ‘joffru lil ġisimhom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-qima spiritwali tagħhom.’ (Rumani 12:1) Huwa b’eżerċitar simili tal-qawwa tar-raġuni tagħna li aħna niddedikaw lilna nfusna lil Alla Jehovah. Wara li nsiru nafu x’inhu involut u naħsbu fil-fond u bir-reqqa dwar il-kwistjoni, aħna minn jeddna u bil-ferħ niddedikaw ħajjitna lil Alla.—Salm 110:3, KŻ.
10. Id-dedikazzjoni kif inhi marbuta mal-magħmudija?
10 Wara li navviċinaw lil Alla fit-talb privatament biex nesprimu d-determinazzjoni tagħna li nimxu fil-mogħdijiet tiegħu, imbagħad nieħdu l-pass li jkun imiss. Nagħmlu d-dedikazzjoni tagħna magħrufa pubblikament billi nitgħammdu fl-ilma. Din hija dikjarazzjoni pubblika tal-fatt li aħna għamilna wegħda li nagħmlu r-rieda t’Alla. Fil-bidu tal-ministeru tiegħu fuq l-art, Ġesù ġie mgħammed minn Ġwanni, u b’hekk ħalla eżempju għalina. (Mattew 3:13-17) Iktar tard, Ġesù inkariga lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli u jgħammduhom. Għalhekk, id-dedikazzjoni u l-magħmudija huma passi essenzjali għal kulmin jixtieq jimxi maʼ Jehovah.
11, 12. (a) Il-magħmudija kif tistaʼ titqabbel maʼ tieġ? (b) Liema parallel jistaʼ jsir bejn ir-relazzjoni tagħna maʼ Jehovah u dik li teżisti bejn mara u raġel miżżewġin?
11 Li ssir dixxiplu dedikat u mgħammed taʼ Ġesù Kristu huwa xi ftit jew wisq simili għal meta wieħed jiżżewweġ. F’ħafna pajjiżi, il-ġurnata tat-tieġ tiġi wara diversi passi. Raġel u mara jiltaqgħu, isiru jafu lil xulxin, u jsiru jinħabbu. Imbagħad tiġi l-għerusija. It-tieġ jagħmel pubbliku dak li ġie deċiż fil-privat—li dawn jidħlu għar-rabta taż-żwieġ u mbagħad jgħixu flimkien bħala raġel u mara miżżewġin. Huwa t-tieġ li jimmarka pubblikament il-bidu taʼ dik ir-relazzjoni speċjali. Dik id-data timmarka l-bidu taż-żwieġ. Bl-istess mod, il-magħmudija timmarka l-bidu taʼ ħajja mogħtija għall-mixi maʼ Jehovah f’relazzjoni ddedikata.
12 Ikkunsidra parallel ieħor. Wara l-ġurnata tat-tieġ, l-imħabba bejn ir-raġel u l-mara għandha tikber u timmatura. Biex jersqu dejjem eqreb lejn xulxin, iż-żewġ imseħbin iridu jistinkaw bla egoiżmu biex iżommu u jsaħħu r-relazzjoni matrimonjali tagħhom. Għalkemm aħna ma nidħlux fi żwieġ m’Alla, wara l-magħmudija tagħna rridu naħdmu biex inżommu relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah. Hu josserva u japprezza l-isforzi tagħna biex nagħmlu r-rieda tiegħu u jersaq qrib tagħna. “Ersqu lejn Alla,” kiteb id-dixxiplu Ġakbu, “u hu jersaq lejkom.”—Ġakbu 4:8.
Nimxu fil-Passi taʼ Ġesù
13. Fil-mixi tagħna m’Alla, l-eżempju taʼ min għandna nsegwu?
13 Biex nimxu maʼ Jehovah, irridu nikkonformaw maʼ l-eżempju mħolli minn Ġesù Kristu. L-appostlu Pietru kiteb: “Għal dan intom kontu msejjħa għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu.” (1 Pietru 2:21) Ladarba Ġesù kien perfett u aħna imperfetti, ma nistgħux insegwuh perfettament l-eżempju li ħallielna. Minkejja dan, Jehovah jistenna minna li nagħmlu l-aħjar li nistgħu. Ejjew nikkunsidraw ħames fatturi mill-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù li Kristjani dedikati għandhom jistinkaw biex jimitawhom.
14. X’inhu involut f’li nkunu nafu l-Kelma t’Alla?
14 Ġesù kellu għarfien eżatt u ddettaljat tal-Kelma t’Alla. Matul il-ministeru tiegħu, Ġesù spiss ikkwota mill-Iskrittura Ebrajka. (Luqa 4:4, 8) M’għandniex xi ngħidu, il-mexxejja reliġjużi mill-agħar taʼ dak iż-żmien ukoll ikkwotaw mill-Iskrittura. (Mattew 22:23, 24) Id-differenza kienet li Ġesù fehem x’kienet tfisser l-Iskrittura, u applikaha f’ħajtu. Hu kien jaf mhux biss l-ittra tal-Liġi imma wkoll l-ispirtu tagħha. Hekk kif insegwu l-eżempju taʼ Kristu, aħna wkoll għandna nistinkaw biex nifhmu l-Kelma t’Alla, billi nieħdu s-sens, jew l-ispirtu tagħha. Billi nagħmlu dan, nistgħu nsiru ħaddiema approvati minn Alla li kapaċi ‘nxandru bir-reqqa l-kelma tal-verità.’—2 Timotju 2:15.
15. Ġesù kif ħalla eżempju rigward li jitkellem dwar Alla?
15 Kristu Ġesù tkellem m’oħrajn dwar Missieru tas-sema. Ġesù ma żammx l-għarfien li kellu dwar il-Kelma t’Alla għalih innifsu. Saħansitra l-għedewwa tiegħu indirizzawh bħala “Mgħallem,” għax kulfejn kien imur kien jitkellem m’oħrajn dwar Jehovah u dwar l-iskopijiet Tiegħu. (Mattew 12:38) Ġesù ppriedka pubblikament fil-limiti tat-tempju, fis-sinagogi, fl-ibliet, u fil-kampanja. (Mark 1:39; Luqa 8:1; Ġwann 18:20) Hu għallem bil-mogħdrija u l-ħniena, billi wera mħabba lil dawk li kien jgħin. (Mattew 4:23) Dawk li jsegwu l-eżempju taʼ Ġesù wkoll isibu ħafna postijiet u diversi modi biex jgħallmu lil oħrajn dwar Alla Jehovah u l-iskopijiet meraviljużi tiegħu.
16. Kemm kienet mill-qrib ir-relazzjoni taʼ Ġesù maʼ adoraturi taʼ Jehovah sħabu?
16 Ġesù ħass rabta mill-qrib maʼ adoraturi oħrajn taʼ Jehovah. Waqt li Ġesù kien qed ikellem lill-folol f’okkażjoni minnhom, ġew biex ikellmuh ommu u ħutu li ma kinux jemmnu. Ir-rakkont tal-Bibbja jgħid: “Xi ħadd qallu: ‘Ara, ommok u ħutek qegħdin barra jfittxu li jkellmuk.’ Iżda hu wieġeb lil dak li kellmu, u qallu: ‘Min hi ommi? U min huma ħuti?’ Mbagħad medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u qal: ‘Dawn, araw, huma ommi u ħuti. Għax kull min jagħmel ir-rieda taʼ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.’” (Mattew 12:47-50) Dan ma jfissirx li Ġesù ċaħad lill-familja tiegħu, għax affarijiet li ġraw wara taw prova li m’għamilx hekk. (Ġwann 19:25-27) Iżda, dan ir-rakkont jenfasizza l-imħabba li Ġesù kellu għal sħabu fit-twemmin. Bl-istess mod illum, dawk li jimxu m’Alla jfittxu s-sħubija taʼ qaddejja oħrajn taʼ Jehovah u jsiru jħobbuhom mill-qalb.—1 Pietru 4:8.
17. Ġesù kif kien iħossu dwar li jagħmel ir-rieda taʼ Missieru tas-sema, u dan kif għandu jeffettwana?
17 Billi għamel ir-rieda divina, Ġesù wera mħabba għal Missieru tas-sema. Ġesù obda lil Jehovah f’kollox. Hu qal: “L-ikel tiegħi hu li nagħmel ir-rieda taʼ min bagħatni u li nwassal fit-tmiem l-opra tiegħu.” (Ġwann 4:34) Kristu qal ukoll: “Jiena dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu [lil Alla].” (Ġwann 8:29) Ġesù tant ħabb lil Missieru tas-sema li “ċekken lilu nnifsu, billi obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-salib.” (Filippin 2:8) Mill-banda l-oħra, Jehovah bierek lil Ġesù, billi għollieh għal pożizzjoni taʼ awtorità u unur wara biss dik taʼ Jehovah nnifsu. (Filippin 2:9-11) Bħal Ġesù, aħna nuru mħabbitna lejn Alla billi nħarsu l-kmandamenti tiegħu u billi nagħmlu r-rieda tiegħu.—1 Ġwann 5:3.
18. Ġesù b’liema mod kien taʼ eżempju fil-kwistjoni tat-talb?
18 Ġesù kien bniedem li jħobb jitlob. Talab fil-magħmudija tiegħu. (Luqa 3:21) Qabel ma għażel lit-12-il appostlu tiegħu, hu ddedika lejl sħiħ għat-talb. (Luqa 6:12, 13) Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu kif jitolbu. (Luqa 11:1-4) Fil-lejla taʼ qabel mewtu, hu talab għad-dixxipli tiegħu u talab magħhom. (Ġwann 17:1-26) It-talb kellu parti importanti fil-ħajja taʼ Ġesù, saħansitra bħalma għandu jkollu f’ħajjitna, ladarba aħna s-segwaċi tiegħu. X’unur li titkellem mas-Sovran Universali fit-talb! Barra minn hekk, Jehovah jwieġeb it-talb, għax Ġwanni kiteb: “Din hi l-fiduċja sħiħa li għandna fih, li jekk nitolbu xi ħaġa skond ir-rieda tiegħu, hu jismagħna. U ladarba nafu li hu jismagħna f’dak li nitolbu, mela nafu wkoll li kull ma tlabnieh jinsab diġà għandna.”—1 Ġwann 5:14, 15.
19. (a) Liema kwalitajiet taʼ Ġesù għandna nimitaw? (b) B’liema modi nibbenefikaw meta nistudjaw il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù?
19 Hemm ferm x’nitgħallmu jekk neżaminaw mill-qrib il-ħajja u l-ministeru taʼ Ġesù Kristu fuq l-art! Irrifletti fuq il-kwalitajiet li wera: imħabba, mogħdrija, ħniena, saħħa, bilanċ, raġunevolezza, umiltà, kuraġġ, u nuqqas taʼ egoiżmu. Iktar ma nitgħallmu dwar Ġesù, akbar tkun ix-xewqa tagħna li nsiru s-segwaċi leali tiegħu. Għarfien dwar Ġesù jressaqna wkoll eqreb lejn Jehovah. Wara kollox, Ġesù kien riflessjoni perfetta taʼ Missieru tas-sema. Hu kien tant intimu maʼ Jehovah li setaʼ jgħid: “Min ra lili ra lill-Missier.”—Ġwann 14:9.
Afda f’Alla biex Iwieżnek
20. Kif nistgħu niksbu fiduċja fil-mixi maʼ Jehovah?
20 Meta t-tfal ikunu għadhom kif bdew jitgħallmu jimxu, il-passi tagħhom ma jkunux sodi. Kif jitgħallmu jimxu bil-kunfidenza? Huwa biss bil-prattika u l-perseveranza. Sewwa, dawk li jimxu maʼ Jehovah jistinkaw biex jimxu b’pass sod u kunfidenti. Dan ukoll jirrikjedi żmien u perseveranza. Pawlu indika l-importanza tal-perseveranza fil-mixi tagħna m’Alla meta kiteb: “Fl-aħħar, ħuti, intom tgħallimtu mingħandna kif għandkom timxu biex togħġbu lil Alla, kif tabilħaqq qegħdin iġġibu ruħkom; aħna f’Sidna Ġesù nitolbukom u nħeġġukom biex tagħmlu xi ħaġa iżjed.”—1 Tessalonikin 4:1.
21. Hekk kif nimxu maʼ Jehovah, liema barkiet nistgħu ngawdu?
21 Jekk aħna dedikati totalment lil Alla, hu se jgħinna nibqgħu nimxu miegħu. (Isaija 40:29-31) M’hemm xejn li din id-dinja tistaʼ toffri li jistaʼ jitqabbel mal-barkiet li hu jitfaʼ fuq dawk li jimxu fil-mogħdijiet tiegħu. Hu ‘Dak li jgħallimna għall-ġid tagħna, u jqabbadna t-triq fejn għandna nimxu.’ U jekk attwalment nagħtu widen għall-kmandamenti tiegħu, ‘ikun bħal xmara s-sliem tagħna, u s-sedqa tagħna bħal mewġ tal-baħar.’ (Isaija 48:17, 18) Billi naċċettaw l-istedina biex nimxu m’Alla u billi nagħmlu dan fedelment, nistgħu ngawdu paċi miegħu għal dejjem.
Kif Twieġeb Int?
◻ Għala huwa unur li timxi mal-veru Alla?
◻ L-istudju, id-dedikazzjoni, u l-magħmudija għala huma passi tal-bidu fil-mixi tagħna maʼ Jehovah?
◻ Kif nistgħu nsegwu l-passi taʼ Ġesù?
◻ Kif nafu li Jehovah se jwiżinna hekk kif nimxu miegħu?
[Stampi f’paġna 13]
Studju, dedikazzjoni, u magħmudija huma passi tal-bidu fil-mixi tagħna m’Alla