LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w99 4/1 pp. 23-27
  • It-Tfittxija Għal Ġenna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Tfittxija Għal Ġenna
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Lura għall-​Biedja
  • Jinbet it-​Twemmin f’Alla
  • It-​Tweġiba għat-​Talb Tiegħi
  • Nagħmel Progress Spiritwali
  • Għajnuna waqt l-​Hemm
  • Inħares ’il Quddiem lejn xi Ħaġa Aħjar
  • Betel​—Ġenna Spiritwali Rimarkevoli
  • Tistaʼ Tagħmel Lilek Innifsek Disponibbli?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2001
  • Tistaʼ Din Tkun l-Aħjar Karriera Għalik?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Qatt Ma Waqaft Nitgħallem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Stedina Miftuħa Għal Kulħadd!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
w99 4/1 pp. 23-27

It-​Tfittxija Għal Ġenna

KIF IRRAKKONTAT MINN PASCAL STISI

Kien tard fil-​għaxija, u t-​toroq tal-​belt taʼ Béziers, fin-​nofsinhar taʼ Franza, kienu baħħ. Meta sibna l-​ħajt taʼ ħanut taʼ kotba reliġjużi li kien għadu kemm ġie miżbugħ, jien u sieħbi ħażżiżna fuqu b’ittri kbar suwed il-​kelmiet tal-​filosfu Ġermaniż Nietzsche: ‘L-​allat huma mejtin. Jalla Superman jgħix ħajja twila!’ Iżda, x’kien li wassalni biex nagħmel ħaġa bħal din?

JIEN twelidt fi Franza fl-​1951 ġewwa familja Kattolika taʼ oriġini Taljana. Meta kont għadni tifel, għall-​btala tagħna konna mmorru lejn in-​nofsinhar taʼ l-​Italja. Hemmhekk, kull raħal kellu x-​xbiha tiegħu tal-​Madonna. Flimkien man-​nannu tiegħi, kont immur wara dawn l-​istatwi enormi mlibbsin f’purċissjonijiet li ma jispiċċaw qatt minn qalb il-​muntanji​—imma mingħajr konvinzjoni taʼ xejn. Jien spiċċajt l-​edukazzjoni bażika tiegħi fi skola reliġjuża mmexxija mill-​Ġiżwiti. Madankollu, ma nistax niftakar nismagħhom jgħidu xi ħaġa li tassew bnietli l-​fidi tiegħi f’Alla.

Kien meta dħalt f’università f’Montpellier biex nistudja l-​mediċina, li bdejt nimmedita dwar l-​iskop tal-​ħajja. Missieri kien korra matul il-​gwerra u dejjem kien imdawwar bit-​tobba. Ma jkunx aħjar kieku nwaqqfu l-​gwerra milli noqogħdu naħlu tant ħin u sforz biex infejqu lin-​nies mill-​effetti distruttivi tagħha? Madankollu, il-​Gwerra tal-​Vjetnam kienet fl-​aqwa tagħha. Għalija, per eżempju, l-​iktar mod loġiku għall-​kura tal-​kanċer fil-​pulmun kien, li telimina l-​kaġun primarju tiegħu​—it-​tabakk. U xi ngħidu għall-​mard li rriżulta minn malnutrizzjoni f’pajjiżi li kienu għadhom qed jiżviluppaw u dak li rriżulta minn ikel żejjed li jieklu n-​nies f’pajjiżi sinjuri? Mhux aħjar jitneħħew il-​kaġuni milli noqogħdu nipprovaw nirrimedjaw il-​konsegwenzi tant taʼ niket? Għala kien hemm tant sofferenza fuq l-​art? Kont inħoss li kien hemm xi ħaġa verament ħażina f’din is-​soċjetà suwiċida, u ħassejt li l-​gvernijiet kienu responsabbli għal dan kollu.

Il-ktieb favorit tiegħi kien miktub minn wieħed anarkista, u kont nikkopja xi sentenzi minnu fuq il-​ħitan. Bil-​ftit il-​ftit, jien ukoll sirt anarkista, mingħajr ebda fidi jew liġijiet morali, u ma ridt naf bl-​ebda Alla jew għalliem. Għalija, Alla u r-​reliġjon kienu l-​invenzjonijiet tas-​sinjuri u l-​potenti sabiex ikunu jistgħu jiddominaw u jisfruttaw il-​bqija tan-​nies. ‘Aħdmu iebes għalina fuq l-​art, u l-​premju tagħkom se jkun kbir fil-​ġenna fis-​sema,’ hekk qishom kienu qed jgħidu. Imma żmien l-​allat kien spiċċa. In-​nies kellhom bżonn ikunu jafuh dan. It-​tħażżiż fuq il-​ħajt kien mod wieħed kif ngħidilhom.

Bħala riżultat, l-​istudji tiegħi tfajthom fit-​tieni post. Sadanittant, inktibt biex nistudja l-​ġeografija u l-​ekoloġija f’università oħra f’Montpellier fejn kien hemm ribelljoni sħiħa. Iktar ma kont nistudja l-​ekoloġija, iktar kont nibqaʼ ddiżgustat bit-​tniġġis tal-​pjaneta sabiħa tagħna.

Kull sena matul il-​btala tas-​sajf, kont nivvjaġġa billi nieħu lifts, u għamilt eluf taʼ kilometri madwar l-​Ewropa. Waqt li kont qed nivvjaġġa u nitkellem maʼ mijiet taʼ sewwieqa, rajt b’għajnejja stess il-​ħażen u l-​korruzzjoni li jgħakksu lis-​soċjetà umana. Darba waħda, fit-​tfittxija tiegħi għall-​ġenna, sibt bajjiet meraviljużi fuq il-​gżira sabiħa taʼ Kreta u rajthom miksijin kollha żejt. Kemm ħassejtni mdejjaq. Kien għad fadal xi roqgħa mill-​ġenna fuq l-​art?

Lura għall-​Biedja

L-​ekoloġisti fi Franza kienu qed jinkuraġġixxu r-​ritorn għall-​biedja bħala soluzzjoni għall-​gwajijiet tas-​soċjetà. Jien ridt naħdem b’idejja. Għalhekk, xtrajt dar antika tal-​ġebel f’raħal żgħir fl-​għoljiet taħt il-​Muntanji Cévennes fin-​naħa t’isfel taʼ Franza. Fuq il-​bieb ktibt “Ġenna Issa,” frażi wżata mill-​hippies Amerikani. Żagħżugħa Ġermaniża li kienet qed tivvjaġġa mill-​inħawi tagħna saret is-​sieħba tiegħi. Ma ridtx assolutament li jżewwiġni s-​sindku, rappreżentant tal-​gvern. U li niżżewweġ bil-​knisja? Lanqas noħlomha ma ridt!

Il-biċċa l-​kbira konna nimxu ħafjin, u jien kelli xagħri twil u daqna goffa. Kont affaxxinat mill-​fatt li nikkultiva l-​frott u l-​ħaxix. Fis-​sajf is-​sema kien ikun blu u l-​iwrieżaq tgħidx kemm kienu jżarżru. Il-​fjuri tax-​xagħri kienu tassew ifuħu, u l-​frott Mediterranju li konna nkabbru​—għeneb u tin—​kien mimli sugu! Kien jidher li sibna r-​roqgħa tagħna fil-​ġenna.

Jinbet it-​Twemmin f’Alla

Fl-​università, kont studjajt il-​bijoloġija taċ-​ċelloli, l-​embrijoloġija, u l-​anatomija, u kont impressjonat profondament mill-​komplessità u l-​armonija taʼ dawn il-​mekkaniżmi kollha. Issa li stajt nikkunsidra b’attenzjoni u nosserva direttament il-​ħolqien kuljum, stajt nammira s-​sbuħija u l-​potenzjal tagħha. Jum wara l-​ieħor, il-​ktieb tal-​ħolqien beda jinfetaħ ftit ftit quddiemi. Jum wieħed, waqt passiġġata twila fuq l-​għoljiet wara li kont irriflettejt profondament fuq il-​ħajja, wasalt għall-​konklużjoni li bilfors kellu jkun hemm Ħallieq. F’qalbi ddeċidejt li nibda nemmen f’Alla. Qabel, kont inħoss bħal vojt f’qalbi, solitudni li ma tħallikx kwiet. Dak in-​nhar li bdejt nemmen f’Alla, għedt lili nnifsi, ‘Pascal, qatt iktar ma se terġaʼ tkun waħdek.’ Kienet sensazzjoni straordinarja.

Eżatt wara dan, jien u s-​sieħba tiegħi kellna tifla​—Amandine. Din kienet il-​mimmi t’għajnejja. Issa li sirt nemmen f’Alla, bdejt nirrispetta il-​ftit liġijiet morali li kont naf. Waqaft nisraq u nigdeb, u malajr irrealizzajt li dan għenni nevita ħafna problemi maʼ dawk taʼ madwari. Iva, kellna l-​problemi tagħna, u l-​ġenna tiegħi ma kinitx dak kollu li kont ittamajt li tkun. Il-​bdiewa lokali li kienu jkabbru d-​dwieli kienu jużaw insettiċidi u erbiċidi li niġġsuli l-​pjanti tiegħi wkoll. Il-​mistoqsija tiegħi dwar il-​kaġun tal-​ħażen kienet għadha ma ġietx imwieġba. Barra minn hekk, għalkemm kont qrajt ħafna dwar il-​ħajja tal-​familja, xorta kien ikolli argumenti jaħarqu mas-​sieħba tiegħi. Kellna ftit ħbieb, u dawn ma kinux ħbieb veri; xi wħud minnhom saħansitra pprovaw iġegħlu lis-​sieħba tiegħi ma tibqax leali lejja. Bilfors li kellu jkun hemm ġenna aħjar.

It-​Tweġiba għat-​Talb Tiegħi

Lil Alla taʼ spiss kont nitolbu, kif naf jien, biex jiggwidani fil-​ħajja. Darba waħda l-​Ħadd fil-​għodu, mara mill-​aħjar jisimha Irène Lopez u binha ż-​żgħir ġew iħabbtulna l-​bieb. Kienet waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Qgħadt nismaʼ dak li kellha xi tgħid u aċċettajt meta offrietli li terġaʼ żżurni. Ġew żewġt irġiel iżuruni. Mill-​konversazzjoni tagħna, ftakart żewġ affarijiet​—il-​Ġenna u s-​Saltna t’Alla. Żammejt sew dawk il-​ħsibijiet f’qalbi, u hekk kif gerbu x-​xhur fhimt li xi darba kelli nirranġa ħajti skond il-​livelli t’Alla jekk ridt li jkolli kuxjenza nadifa u nsib ferħ veru.

Biex inġibu ħajjitna fi qbil mal-​Kelma t’Alla, is-​sieħba tiegħi għall-​ewwel kienet lesta li tiżżewwiġni. Imbagħad qabdet kumpanija ħażina maʼ nies li kienu jwaqqgħu għaċ-​ċajt lil Alla u l-​liġijiet tiegħu. Lejla waħda fir-​rebbiegħa kif wasalt id-​dar, tgħidx x’xokk ħadt. Id-​dar tagħna kienet vojta. Is-​sieħba tiegħi kienet telqet, u magħha ħadet lit-​tifla tagħna li kellha tliet snin. Għal ġranet sħaħ bqajt nistenniehom jiġu lura​—imma kien kollu għal xejn. Minflok ma waħħalt f’Alla, tlabtu biex jgħinni.

Ftit wara, qbadt il-​Bibbja, poġġejt bil-​qegħda taħt is-​siġra tat-​tin tiegħi, u bdejt naqra. Fil-​fatt, kont mitluf naqra dak il-​kliem. Għalkemm kont qrajt minn kull tip taʼ kotba taʼ psikoanalisti u psikologi, qatt ma kont iltqajt maʼ għerf bħal dan. Dan il-​ktieb żgur li ġie mnebbaħ b’mod divin. It-​tagħlim taʼ Ġesù u l-​fatt li tant kien jifhem in-​natura tal-​bniedem skantawni. Sibt faraġ fis-​Salmi u bqajt mibluh bl-​għerf prattiku taʼ Proverbji. Malajr irrealizzajt li għalkemm l-​istudju dwar il-​ħolqien huwa eċċellenti biex wieħed jersaq lejn Alla, jistaʼ jirrivela biss ftit “intietef taʼ qawwietu.”—Ġob 26:14.

Ix-Xhieda ħallewli wkoll il-​kotba Il-​Verità li Twassal għall-​Ħajja Eterna u Making Your Family Life Happy.a Dawn fetħuli għajnejja meta qrajthom. Il-​ktieb tal-​Verità għenni nifhem għala mad-​dinja kollha l-​bniedem kien qed jiffaċċja tniġġis, gwerer, żjieda fil-​vjolenza, u t-​theddida taʼ qerda nukleari. U sewwa sew bħalma l-​ħmura fis-​sema li rajt mill-​ġnien tiegħi kienet qed tbassar temp sabiħ għal ġurnata taʼ wara, dawn il-​ġrajjiet kienu qed jagħtu prova li s-​Saltna t’Alla qegħda fil-​qrib. U l-​ktieb Family Life, xtaqt li stajt nurih lis-​sieħba tiegħi u ngħidilha li nistgħu nkunu ferħanin billi npoġġu l-​pariri tal-​Bibbja fil-​prattika. Imma dan ma kienx għadu possibbli.

Nagħmel Progress Spiritwali

Xtaqt inkun naf iktar, u għalhekk staqsejt lil Robert, wieħed Xhud, biex jiġi jżurni. B’sorpriża kbira għalih, jien għedtlu li xtaqt nitgħammed, u għalhekk bdieli studju tal-​Bibbja. Immedjatament bdejt nitkellem m’oħrajn dwar dak li kont qed nitgħallem, u bdejt inqassam il-​pubblikazzjonijiet li ġibt mis-​Sala tas-​Saltna.

Sabiex naqlaʼ l-​għajxien, mort nieħu kors fix-​xogħol tal-​ġebel. Konxju tal-​benefiċċju li jistaʼ jinkiseb mill-​Kelma t’Alla, ħtaft kull opportunità biex nippriedka b’mod informali lill-​istudenti sħabi u lill-​għalliema. Lejla waħda, iltqajt maʼ Serge fil-​kuritur. Kellu xi ftit rivisti f’idejh. “Qed nara li tħobb taqra,” għedtlu. “Iva, imma dawn dejquni.” “Trid xi ħaġa verament tajba x’taqra?” staqsejtu. Kellna diskussjoni eċċellenti dwar is-​Saltna t’Alla, u wara aċċetta xi letteratura fuq il-​Bibbja. Il-​ġimgħa taʼ wara, ġie s-​Sala tas-​Saltna miegħi, u beda studju tal-​Bibbja.

Darba waħda staqsejt lil Robert jekk stajtx nippriedka minn dar għal dar. Fetaħ il-​gwardarobba tiegħu u sabli libsa. Il-​Ħadd taʼ wara, mort għall-​ewwel darba fil-​ministeru miegħu. Fl-​aħħar, fis-​7 taʼ Marzu, 1981, issimbolizzajt pubblikament id-​dedikazzjoni tiegħi lil Alla Jehovah permezz tal-​magħmudija.

Għajnuna waqt l-​Hemm

Sadanittant, sibt fejn Amandine u ommha kienu qed jgħixu barra l-​pajjiż. B’dispjaċir, ommha​—legalment, skond il-​liġijiet tal-​pajjiż fejn kienet qed tgħix—​ipprojbietni milli nara lil binti. Ma kontx naf x’se naqbad nagħmel. Omm Amandine iżżewġet, u meta rċevejt notifikazzjoni uffiċjali li żewġha kien adotta lil binti ħassejtni ddisprat għall-​aħħar​—u dan kollu sar mingħajr il-​kunsens tiegħi. Ma kien baqagħli l-​ebda dritt fuq binti. Minkejja l-​azzjoni legali, ma stajtx nikseb id-​dritt li nżurha. Ħassejtni qisni kont qed inġorr 50 kilogramma fuq dahri, daqs kemm kont muġugħ.

Imma l-​Kelma t’Alla sostnietni f’diversi modi. Darba waħda, meta kont imnikket ferm, irripetejt fuq li rripetejt il-​kliem taʼ Proverbji 24:10, KŻ: “Jekk int tintreħa fi żmien il-​għali, saħħtek żgħira.” Dan il-​vers għenni biex ma niddisprax. F’okkażjoni oħra, wara li ma rnexxilix nara lil binti, ħriġt fl-​għalqa tas-​servizz u qbadt iċ-​ċinga tal-​basket tiegħi b’kemm kelli saħħa. Minn mumenti diffiċli bħal dawn, stajt nesperjenza l-​verità taʼ Salm 126:6, li jgħid: “Huma u sejrin, imorru jibku, iġorru ż-​żerriegħa għaż-​żrigħ. Iżda huma u ġejjin lura, jiġu b’għana taʼ ferħ, iġorru l-​qatet f’idejhom.” Lezzjoni importanti li tgħallimt hi li meta tgħaddi minn provi serji, ladarba tkun għamilt dak li stajt sabiex issolvihom, trid titfagħhom warajk u tistinka b’determinazzjoni fis-​servizz taʼ Jehovah. Dan hu l-​uniku mod biex iżżomm il-​ferħ tiegħek.

Inħares ’il Quddiem lejn xi Ħaġa Aħjar

Meta raw il-​bidliet li kont għamilt, l-​għeżież ġenituri tiegħi offrew li jgħinuni biex inkompli l-​istudji tiegħi fl-​università. Jien irringrazzjajthom, imma issa kelli għan ieħor. Il-​verità kienet ħelsitni mill-​filosofija tal-​bniedem, mill-​mistiċiżmu, u mill-​astroloġija. Issa kelli ħbieb veri li qatt ma kienu se joqtlu lil xulxin fil-​gwerra. U fl-​aħħar kelli t-​tweġiba għall-​mistoqsijiet tiegħi dwar għala kien hemm tant sofferenza fuq l-​art. Bħala gratitudni jien ridt naqdi lil Alla b’saħħti kollha. Ġesù kien iddedika lilu nnifsu kompletament għall-​ministeru tiegħu, u jien ridt insegwi l-​eżempju tiegħu.

Fl-1983, waqaft min-​negozju tax-​xogħol tal-​ġebel biex insir ministru full-time. Bi tweġiba għat-​talb tiegħi, sibt xogħol part-time ġewwa park sabiex immantni lili nnifsi. X’ferħ kelli li nattendi l-​iskola tal-​pijunieri flimkien maʼ Serge, dak iż-​żagħżugħ li kont tajtu xiehda fl-​iskola meta ħadt dak il-​kors! Wara tliet snin bħala pijunier regulari, ħassejt ix-​xewqa li nżid iktar fis-​servizz taʼ Jehovah. B’hekk, fl-​1986, ħatruni bħala pijunier speċjali fil-​belt pittoreska taʼ Provins, mhux ’il bogħod minn Pariġi. Taʼ spiss, jien u ġej lura d-​dar fil-​għaxija, kont ninżel għarkobbtejja nitlob talba taʼ ringrazzjament lil Jehovah għall-​ġurnata meraviljuża li nkun qattajt f’li nkellem lil oħrajn dwaru. Fil-​fatt, l-​iktar żewġ affarijiet li nieħu pjaċir nagħmel f’ħajti huma li nitkellem m’Alla u li nitkellem dwar Alla.

Ferħ kbir ieħor għalija kien il-​magħmudija t’ommi li kellha 68 sena u li kienet tgħix ġewwa Cébazan, raħal żgħir fin-​nofsinhar taʼ Franza. Meta ommi bdiet taqra l-​Bibbja, jien kont bgħattilha abbonamenti taʼ It-​Torri taʼ l-​Għassa u Stenbaħ! Kienet persuna li kellha moħħ miftuħ, u minn dak li kienet taqra malajr irrealizzat li din kienet il-​verità.

Betel​—Ġenna Spiritwali Rimarkevoli

Meta l-​Watch Tower Society ddeċidiet li tnaqqas in-​numru taʼ pijunieri speċjali, applikajt għall-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali u għal Betel, l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi Franza. Jien ridt inħalli f’idejn Jehovah biex jiddeċiedi kif inhu l-​aħjar li stajt naqdih. Ftit xhur wara, f’Diċembru taʼ l-​1989, ġejt mistieden f’Betel f’Louviers, fil-​majjistral taʼ Franza. Dan wera kemm kien riżultat eċċellenti, minħabba li minn hemmhekk stajt ngħin lil ħija u ’l martu biex jieħdu ħsieb il-​ġenituri tiegħi meta kienu ma jifilħux sew. Ma kontx nistaʼ nagħmlu dan li kieku kont fis-​servizz missjunarju eluf taʼ kilometri ’l bogħod.

Ommi ġiet iżżurni diversi drabi f’Betel. Avolja kien sagrifiċċju għaliha li tgħix ’il bogħod minni, taʼ spiss kienet tgħidli: “Ibqaʼ f’Betel, Ibni. Jien ferħana li qed taqdi lil Jehovah b’dan il-​mod.” B’sogħba, kemm ommi u kemm missieri issa huma mejtin. Kemm qed inħares ’il quddiem biex narahom fuq l-​art mibdula f’ġenna litterali!

Jien tassew nemmen li jekk xi dar jixirqilha d-​deskrizzjoni “Ġenna Issa,” din hija Betel​—id-​“Dar t’Alla”​— għax il-​ġenna vera hija, fuq kollox, spiritwali, u l-​ispiritwalità tirrenja f’Betel. Għandna l-​opportunità li nikkultivaw il-​frott taʼ l-​ispirtu. (Galatin 5:22, 23) L-​ikel spiritwali bnin li nirċievu waqt id-​diskussjoni tat-​test tal-​Bibbja taʼ kuljum u waqt l-​istudju tal-​familja tat-​Torri taʼ l-​Għassa jgħinuni biex nissaħħaħ għas-​servizz taʼ Betel. Barra minn hekk, li tkun tistaʼ tassoċja m’aħwa spiritwali u li ilhom jaqdu lil Jehovah lealment għal għaxriet taʼ snin jagħmel lil Betel post uniku fejn wieħed jistaʼ jimmatura spiritwalment. Għalkemm ilni sseparat minn binti għal 17-il sena issa, sibt numru taʼ żgħażagħ żelużi f’Betel, li nikkunsidrahom bħala wliedi, u li nitgħaxxaq bil-​progress spiritwali tagħhom. F’dawn l-​aħħar tmien snin, kelli sebaʼ inkarigi differenti. Għalkemm dawn il-​bidliet mhux dejjem kienu faċli, taħriġ bħal dan huwa taʼ benefiċċju, fl-​aħħar mill-​aħħar.

Kont inkabbar tip taʼ fażola li tipproduċi bil-​mijiet. B’mod simili, jien esperjenzajt li meta tiżraʼ l-​ħażin, taħsad mitt darba agħar​—u mhux ħsad wieħed. L-​esperjenza hija bħal skola fejn il-​lezzjonijiet jiswew ħafna flus. Kont nippreferi kieku qatt ma dħalt f’dik l-​iskola imma, pjuttost, li trabbejt fil-​mogħdijiet taʼ Jehovah. Xi privileġġ għandhom dawk iż-​żgħażagħ li qed jiġu mrobbijin minn ġenituri Kristjani! Mingħajr ebda dubju, aħjar tiżraʼ dak li hu tajjeb fis-​servizz taʼ Jehovah u taħsad mitt darba iktar paċi u sodisfazzjon.—Galatin 6:7, 8.

Meta kont pijunier, kultant kont ngħaddi minn quddiem dak il-​ħanut tal-​kotba reliġjużi fejn konna nħażżu fuq il-​ħajt tiegħu dik il-​frażi anarkista. Jien saħansitra dħalt ġewwa u kellimt lis-​sid dwar Alla l-​ħaj u l-​iskop tiegħu. Iva, Alla hu ħaj! Barra minn hekk, Jehovah, l-​uniku veru Alla, hu Missier leali, li qatt ma jabbanduna lil uliedu. (Apokalissi 15:4) Jalla iktar folol kbar minn kull ġens isibu l-​ġenna spiritwali issa​—u l-​Ġenna taʼ l-​art irrestawrata li ġejja—​billi jaqdu u jfaħħru lil Alla l-​ħaj, Jehovah!

[Nota taʼ taħt]

a Ippubblikati mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Stampi f’paġna 26]

Imqanqal mill-​meravilji tal-​ħolqien, f’qalbi ddeċidejt li nibda nemmen f’Alla. (Lemin) Fis-​servizz f’Betel illum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja