Dawn Għamlu r-Rieda taʼ Jehovah
Pawlu Jittrijonfa fuq l-Avversità
PAWLU jinsab f’qagħda kerha. Hu u 275 oħra qegħdin fuq bastiment maqbud f’nofs grigalata—l-iktar riħ vjolenti fil-Mediterran. Il-maltempata tant hi kiefra li la tidher ix-xemx matul il-ġurnata u lanqas il-kwiekeb matul il-lejl. Kif wieħed jistaʼ jimmaġina, il-passiġġieri qed jibżgħu li se jitilfu ħajjithom. Madankollu, Pawlu jfarraġhom billi jgħidilhom x’kien urieh Alla f’ħolma: “Ħadd minnkom m’hu se jitlef ħajtu; il-ġifen biss jintilef.”—Atti 27:14, 20-22.
Fl-14-il lejl tal-maltempata, il-baħrin jagħmlu skoperta li taħsadhom—qegħdin f’fond t’20 qama biss.a Wara distanza qasira, jerġgħu jiskandaljaw. Din id-darba, jinstabu fi 15-il qama fond. L-art tinsab fil-qrib! Imma din l-aħbar tajba tqajjem tħassib kbir. Mitfugħ ’l hawn u ’l hemm matul il-lejl f’baħar baxx, il-ġifen jistaʼ jitkisser mal-blat u jiġġarraf. B’mod għaqli, il-baħrin jitfgħu l-ankri. X’uħud minnhom iridu jniżżlu d-dgħajsa ż-żgħira u jitilgħu fuqha, għax forsi jaħsbu li hekk għandhom iktar ċans li jsalvaw.b Imma Pawlu jwaqqafhom. Hu jgħid liċ-ċenturjun u lis-suldati: “Jekk dawn ma jibqgħux fuq il-ġifen, intom ma tistgħux issalvaw.” Iċ-ċenturjun joqgħod fuq kliem Pawlu, u l-276 passiġġier qegħdin issa lkoll jistennew b’ħerqa li jisbaħ.—Atti 27:27-32.
In-Nawfraġju
Malli jisbaħ, il-passiġġieri tal-ġifen jilmħu bajja bi xtajta fiha. B’tama mxettla, il-baħrin jaqtgħu l-ankri u jtellgħu l-qalaʼ ż-żgħir għar-riħ. Il-ġifen jibda riesaq lejn ix-xatt—bla dubju fost għajjat taʼ ferħ.—Atti 27:39, 40.
F’daqqa waħda, madankollu, il-ġifen jeħel ġo sikka. Agħar minn hekk, il-qilla tal-mewġ tibda tagħmel tagħha fuq il-poppa tal-bastiment u din tibda titfarrak f’biċċiet. Il-passiġġieri kollha se jkollhom jabbandunaw il-ġifen! (Atti 27:41) Imma dan iqajjem problema. Ħafna minn dawk abbord—inkluż Pawlu—huma priġunieri. Taħt il-liġi Rumana, gwardjan li jħalli priġunier jaħrab għandu jieħu l-kastig li kien intenzjonat għall-priġunier tiegħu. Per eżempju, jekk jaħrab qattiel, il-gwardjan negliġenti jkollu jħallas b’ħajtu.
Billi jibżgħu li jiġrilhom hekk, is-suldati jaqtgħuha li joqtlu lill-priġunieri kollha. Madankollu, iċ-ċenturjun, li għandu ħbiberija maʼ Pawlu, jinterċedi. Jikkmanda lil dawk kollha li jistgħu, biex jaqbżu l-baħar u jgħumuha għall-art. Dawk li ma jafux jgħumu jridu jserrħu maʼ xi twavel jew bċejjeċ oħrajn mill-ġifen. Wieħed wieħed, il-passiġġieri tal-ġifen mitluf jaslu l-art. Bi twettiq taʼ kliem Pawlu, ħadd minnhom ma jitlef ħajtu!—Atti 27:42-44.
Miraklu fuq Malta
Il-grupp mifni sab refuġju fuq gżira jisimha Malta. L-abitanti huma “nies li jitkellmu b’ilsien barrani,” litteralment “barbari” (Grieg, barʹba·ros).c Imma l-Maltin m’humiex xi nies slavaġ. Għall-kuntrarju, Luqa, sieħeb Pawlu li kien qed jivvjaġġa miegħu, jirrapporta li huma “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa li ma bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll u qabdulna ħuġġieġa, għax kienet bdiet nieżla x-xita u kien il-bard.” Pawlu nnifsu jingħaqad mal-Maltin f’li jiġbru u jitfgħu z-zkuk fin-nar.—Atti 28:1-3.
F’daqqa waħda, lifgħa taqbad maʼ id Pawlu! In-nies tal-gżira jassumu li Pawlu hu xi qattiel. Probabbilment jaħsbu li Alla jikkastiga lil midinbin billi jattakka l-parti tal-ġisem li kien l-istrument tad-dnub. Imma ara! B’sorpriża kbira għan-nies tal-post, Pawlu jfarfar il-lifgħa ġon-nar. Kif jgħid ir-rakkont taʼ Luqa, xhud li ra b’għajnejh stess dan kollu, “huma stennew li se jarawh [lil Pawlu] jintefaħ jew jaqaʼ u jmut f’daqqa.” In-nies tal-gżira jbiddlu l-ħsieb u jibdew jgħidu li Pawlu bilfors li hu xi alla.—Atti 28:3-6.
Pawlu jqattaʼ tliet xhur f’Malta u matulhom ifejjaq lil missier Publju, ir-raġel prinċipali tal-gżira, li rċieva lil Pawlu b’mod ospitabbli, u lil oħrajn li huma milqutin minn xi mard. Barra minn hekk, Pawlu jiżraʼ żrieragħ tal-verità, li jirriżultaw f’ħafna barkiet għall-abitanti ospitabbli taʼ Malta.—Atti 28:7-11.
Lezzjoni Għalina
Matul il-ministeru tiegħu, Pawlu ffaċċja ħafna sfidi. (2 Korintin 11:23-27) Fir-rakkont t’hawn fuq, kien priġunier minħabba l-aħbar tajba. Imbagħad, kellu jiffaċċja provi mhux mistennijin: maltempata qalila u n-nawfraġju li ġie wara. Matul dan kollu, Pawlu qatt ma ħalla d-determinazzjoni tiegħu biex ikun predikatur żeluż taʼ l-aħbar tajba tonqos. Mill-esperjenza, hu kiteb: “Noqgħod għal kollox; ix-xabaʼ u l-ġuħ; il-ġid u l-għaks. Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.”—Filippin 4:12, 13.
Qatt m’għandu l-inkwiet tal-ħajja jdgħajjef id-deċiżjoni tagħna li nkunu ministri żelużi taʼ dak Alla veru! Meta jinqalgħu provi mhux mistennijin, aħna nitfgħu t-tagħbija tagħna fuq Jehovah. (Salm 55:23 [Salm 55:22, NW]) Imbagħad, nistennew bil-paċenzja biex naraw kif hu jagħmilha possibbli għalina li nissaportu t-test. Sadanittant, inkomplu naqduh b’mod leali, fiduċjużi li hu jimpurtah minna. (1 Korintin 10:13; 1 Pietru 5:7) Billi nibqgħu sodi, jiġri x’jiġri, aħna—bħal Pawlu—nistgħu nittrijonfaw fuq l-avversità.
[Noti taʼ taħt]
a Normalment qama titqies bħala li hija erbaʼ kubiti, jew madwar metru punt tmienja.
b Id-dgħajsa ż-żgħira kienet tintuża biex jinżlu x-xatt meta l-ġifen kien ikun ankrat qrib il-kosta. Milli jidher, il-baħrin kienu qed jipprovaw isalvaw ġildhom mingħajr ma qagħdu jinkeddu għal dawk li kienu se jitħallew wara, li ma kellhomx is-sengħa biex jimmanuvraw il-ġifen.
c Word Origins (L-Oriġini tal-Kliem) taʼ Wilfred Funk jinnota: “Il-Griegi kienu jistmerru l-lingwi kollha ħlief tagħhom, u kienu jgħidu li jinstemgħu qishom ‘bar-bar’ u lil kulmin kien jitkellimhom kienu jsejħulu barbaros.”