Henjin li Jehovah Jurina Triqtu
“Dritta hi t-triq taʼ Alla; safja hi l-kelma tal-Mulej.”—2 SAMWEL 22:31.
1, 2. (a) Il-bnedmin kollha għal liema ħaġa għandhom ħtieġa fundamentali? (b) L-eżempju taʼ min nagħmlu tajjeb li nimitaw?
IL-BNEDMIN kollha għandhom ħtieġa fundamentali għall-gwida. Tabilħaqq, neħtieġu l-għajnuna biex tiggwidana fil-ħajja. Veru, Jehovah żejjinna b’ammont taʼ intelliġenza u kuxjenza biex tgħinna nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin. Imma l-kuxjenza tagħna trid tiġi mħarrġa biex tkun gwida taʼ min joqgħod fuqha. (Lhud 5:14) U moħħna jeħtieġ informazzjoni korretta—kif ukoll taħriġ biex jiżen dik l-informazzjoni—biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Proverbji 2:1-5) Anki f’dan il-każ, minħabba l-inċertezzi tal-ħajja, id-deċiżjonijiet tagħna għandhom mnejn ma jirnexxux kif nixtiquhom. (Koħèlet 9:11) Minna nfusna, m’għandna l-ebda mod taʼ min joqgħod fuqu kif inkunu nafu x’hemm fil-futur.
2 Għal dawn ir-raġunijiet u ħafna oħrajn, il-profeta Ġeremija kiteb: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.” (Ġeremija 10:23) Ġesù Kristu, l-aqwa bniedem li qatt għex, aċċetta d-direzzjoni. Hu qal: “L-Iben ebda ħaġa ma jistaʼ jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha; għax il-ħwejjeġ li jagħmel il-Missier, jagħmilhom l-Iben ukoll, bħalu.” (Ġwann 5:19) Mela kemm hu għaqli li nimitaw lil Ġesù u nħarsu lejn Jehovah għall-għajnuna biex nidderieġu l-passi tagħna! Is-sultan David kanta: “Dritta hi t-triq taʼ Alla; safja hi l-kelma tal-Mulej. Tarka huwa Alla għal kull min jistkenn fih.” (2 Samwel 22:31) Jekk infittxu li nimxu fit-triq taʼ Jehovah minflok ma nimxu fuq l-għerf tagħna stess, se jkollna gwida perfetta. Jekk nirrifjutaw it-triq t’Alla se nispiċċaw ħażin.
Jehovah Juri t-Triq
3. Jehovah kif iggwida lil Adam u Eva, waqt li offrielhom liema prospetti?
3 Ikkunsidra l-każ taʼ Adam u Eva. Għalkemm kienu bla dnub, xorta waħda kienu jeħtieġu d-direzzjoni. Jehovah ma ħalliex lil Adam jippjana kollox għal rasu fil-ġnien sabiħ taʼ Għeden. Minflok, Alla tah xogħol x’jagħmel. L-ewwel, Adam kellu jagħti isem lill-annimali. Imbagħad, Jehovah ta lil Adam u Eva miri fit-tul. Huma kellhom irażżnu l-art, jimlewha bin-nisel tagħhom, u jieħdu ħsieb l-annimali taʼ fuqha. (Ġenesi 1:28) Din kellha tkun biċċa xogħol kbira, imma r-riżultat aħħari kien se jkun ġenna maʼ l-art kollha mimlija b’razza umana perfetta li tgħix f’armonija maʼ l-annimali maħluqin. Xi prospett taʼ l-għaġeb! Iżjed minn hekk, waqt li Adam u Eva kienu jimxu fedelment fit-triq taʼ Jehovah, huma kien se jkollhom komunikazzjoni miegħu. (Qabbel Ġenesi 3:8.) Xi privileġġ meraviljuż—li jkollok relazzjoni persunali kontinwa mal-Ħallieq!
4. Adam u Eva kif urew nuqqas taʼ fiduċja u lealtà, u b’liema riżultati diżastrużi?
4 Jehovah pprojbixxa lill-ewwel koppja umana li jieklu mis-siġra taʼ l-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin li kienet f’Għeden, u dan tahom opportunità immedjata biex juru l-ubbidjenza tagħhom—ix-xewqa tagħhom li jimxu fit-triq taʼ Jehovah. (Ġenesi 2:17) Iżda dik l-ubbidjenza ma damitx ma ġiet ittestjata. Meta ġie Satana bil-kliem qarrieq tiegħu, Adam u Eva kienu meħtieġa juru lealtà lejn Jehovah u jafdaw fil-wegħdi Tiegħu jekk riedu jibqgħu ubbidjenti. B’sogħba, huma kienu neqsin mil-lealtà u l-fiduċja. Meta Satana offra l-indipendenza lil Eva u akkuża b’mod falz lil Jehovah bil-gideb, hi tqarrqet u ma obdietx lil Alla. Adam dineb bħalha. (Ġenesi 3:1-6; 1 Timotju 2:14) It-telfa li ġiet fuqhom kienet immensa. Li jimxu fit-triq taʼ Jehovah kien se jagħtihom ferħ li dejjem jiżdied hekk kif huma wettqu r-rieda tiegħu b’mod progressiv. Minflok, ħajjithom kienet mimlija b’diżappunt u wġigħ sakemm il-mewt ħadithom.—Ġenesi 3:16-19; 5:1-5.
5. Liema hu l-iskop fit-tul taʼ Jehovah, u hu kif jgħin lil bnedmin leali jaraw it-twettiq tiegħu?
5 Minkejja dan, Jehovah ma bidilx l-iskop tiegħu li xi darba l-art għad tkun dar ġenna għal bnedmin perfetti u bla dnub. (Salm 37:11, 29) U hu qatt ma naqas li jagħti gwida perfetta lil dawk li jimxu fit-triq tiegħu u li jittamaw li jaraw it-twettiq taʼ dik il-wegħda. Għal dawk minna b’widnejn li jisimgħu, leħen Jehovah qiegħed warajna u qed jgħidilna: “Din hi t-triq; għaddi minnha.”—Isaija 30:21.
Xi Wħud Imxew fit-Triq taʼ Jehovah
6. Liema żewġt irġiel tal-qedem imxew fit-triq taʼ Jehovah, u b’liema riżultati?
6 Skond id-dokumentazzjoni tal-Bibbja, minoranza biss minn nisel Adam u Eva mxiet fit-triq taʼ Jehovah. Abel kien l-ewwel wieħed minn dawn. Għalkemm sofra mewta prematura, hu miet fil-favur taʼ Jehovah, u b’hekk għandu l-prospett ċert li jieħu sehem ‘fil-qawmien tat-tajbin’ meta jkun il-waqt t’Alla. (Atti 24:15) Hu se jara t-twettiq aħħari taʼ l-iskop grandjuż taʼ Jehovah għall-art u l-umanità. (Lhud 11:4) Ieħor li mexa fit-triq taʼ Jehovah kien Ħenok, li fil-ktieb taʼ Ġuda insibu ppreservata l-profezija tiegħu dwar it-tmiem aħħari taʼ din is-sistema taʼ affarijiet. (Ġuda 14, 15) Ħenok ukoll ma rnexxilux jgħix il-potenzjal kollu taʼ ħajtu. (Ġenesi 5:21-24) Xorta waħda, “kiseb xhieda li hu kien għoġob lil Alla.” (Lhud 11:5) Meta miet, hu, bħal Abel, kellu l-prospett ċert taʼ qawmien, u hu se jkun fost dawk li se jaraw l-iskopijiet taʼ Jehovah jitwettqu.
7. Noè u l-familja tiegħu kif urew lealtà lejn Jehovah u fdaw fih?
7 Hekk kif id-dinja taʼ qabel id-Dilluvju għodsot iżjed ’l isfel fil-ħażen, l-ubbidjenza lejn Jehovah saret iżjed u iżjed prova taʼ lealtà. Lejn tmiem dik id-dinja, grupp żgħir wieħed biss instab miexi fit-triq taʼ Jehovah. Noè u l-familja tiegħu taw widen għal Alla u fdaw f’dak li qal. Huma wettqu bil-fedeltà ix-xogħol li tqiegħed quddiemhom u rrifjutaw li jinqabdu fil-prattiċi ħżiena tad-dinja taʼ dak iż-żmien. (Ġenesi 6:5-7, 13-16; Lhud 11:7; 2 Pietru 2:5) Għandna għalxiex inkunu grati għall-ubbidjenza leali u fiduċjuża tagħhom. Minħabba fiha, huma salvaw mid-Dilluvju u saru l-antenati tagħna.—Ġenesi 6:22; 1 Pietru 3:20.
8. Għall-ġens taʼ Iżrael, x’kien involut f’li jimxi fit-triq t’Alla?
8 Maż-żmien, Jehovah għamel patt mad-dixxendenti taʼ Ġakobb li kien leali, u huma saru l-ġens speċjali tiegħu. (Eżodu 19:5, 6) Jehovah pprovda d-direzzjoni għall-poplu li kien f’patt miegħu permezz taʼ Liġi miktuba, saċerdozju, u gwida profetika kontinwa. Imma kien jiddependi mill-Iżraeliti li jsegwu dik id-direzzjoni. Jehovah qabbad lill-profeta tiegħu jgħid lill-Iżraeliti: “Araw, jiena llum inqiegħed quddiemkom barka u saħta; il-barka, jekk tħarsu l-kmandamenti tal-Mulej, Alla tagħkom, li jiena llum qiegħed nordnalkom; u s-saħta, jekk ma tħarsux il-kmandamenti tal-Mulej, Alla tagħkom, imma toħorġu mit-triq li jiena llum qiegħed nordnalkom, biex timxu wara allat oħra li ma kontux tafu bihom.”—Dewteronomju 11:26-28.
Għala xi Wħud Abbandunaw it-Triq taʼ Jehovah
9, 10. L-Iżraeliti minħabba liema sitwazzjoni kellhom bżonn jafdaw f’Jehovah u jikkultivaw lealtà lejh?
9 Bħal fil-każ taʼ Adam u Eva, l-Iżraeliti kienu meħtieġa jafdaw f’Jehovah u jkunu leali lejh jekk riedu jibqgħu ubbidjenti. Iżrael kien ġens żgħir imdawwar b’ġirien pezza kustjoni. Lejn il-lbiċ kien hemm l-Eġittu u l-Etjopja. Lejn il-grigal kien hemm is-Sirja u l-Assirja. Preċiż maġenbhom kien hemm il-Filistja, Għammon, Mowab, u Edom. F’xi żmien jew ieħor, dawn kollha saru l-għedewwa taʼ Iżrael. Iktar minn hekk, ilkoll kemm huma kienu jipprattikaw reliġjon falza, ikkaratterizzata mill-qima taʼ l-allat idoli, astroloġija, u f’xi każi riti sesswali sfaċċati u l-issagrifikar krudili tat-tfal. Il-ġirien taʼ Iżrael kienu jittamaw fl-allat tagħhom biex jipprovdulhom familji kbar, ħsad fertili, u rebħa fil-gwerra.
10 Iżrael biss kien iqim lil Alla wieħed, Jehovah. Hu wegħedhom il-barkiet taʼ familji kbar, ħsad abbundanti, u sigurtà kontra l-għedewwa tagħhom jekk jobdu l-liġijiet tiegħu. (Dewteronomju 28:1-14) B’sogħba, ħafna f’Iżrael naqsu li jagħmluh dan. Minn dawk li tassew imxew fit-triq taʼ Jehovah, ħafna minnhom sofrew minħabba l-lealtà tagħhom. Xi wħud ġew saħansitra ttorturati, irridikolati, ifflaġellati, mitfugħin il-ħabs, imħaġġrin, u maqtulin minn Iżraeliti bħalhom. (Atti 7:51, 52; Lhud 11:35-38) Żgur li din kienet prova kbira għal min kien leali! Iżda, ħafna għala żvijaw mit-triq taʼ Jehovah? Żewġ eżempji mill-istorja taʼ Iżrael jgħinuna naraw il-ħsieb żbaljat tagħhom.
L-Eżempju Ħażin taʼ Aħaż
11, 12. (a) Meta kien mhedded mis-Sirja, Aħaż x’irrifjuta li jagħmel? (b) Aħaż lil liema żewġ sorsi fittex għas-sigurtà?
11 Aħaż saltan fuq is-saltna taʼ Ġuda tan-nofsinhar fit-tmien seklu Q.E.K. Ir-renju tiegħu ma kienx paċifiku. Darba minnhom, is-Sirja u s-saltna taʼ Iżrael tat-tramuntana ngħaqdu fi gwerra kontrih, u “qalbu u qalb il-poplu triegħdu.” (Isaija 7:1, 2) Madankollu, meta Jehovah offra l-appoġġ tiegħu u stieden lil Aħaż biex jipprovah, Aħaż irrifjuta assolutament! (Isaija 7:10-12) Bħala riżultat, Ġuda tilfet il-gwerra u sofriet telfiet kbar.—2 Kronaki 28:1-8.
12 Filwaqt li Aħaż irrifjuta li jipprova lil Jehovah, hu ma ddejjaqx jitlob l-għajnuna mingħand is-sultan taʼ l-Assirja. Xorta waħda, Ġuda baqgħet issofri minn idejn il-ġirien tagħha. Meta l-Assirja wkoll daret kontra Aħaż u ‘iktar għakksitu,’ is-sultan beda “joffri s-sagrifiċċji lill-allat taʼ Damasku, taʼ dawk li kienu ħarbtuh, għax kien jgħid: ‘L-allat tas-slaten taʼ Aram [Sirja, NW], lil dawn kienu jgħinuhom, għalhekk jien noffrilhom is-sagrifiċċji, ħalli jgħinuni.’”—2 Kronaki 28:20, 23.
13. Aħaż x’wera billi dar lejn l-allat tas-Sirja?
13 Wara xi żmien, Jehovah kien jgħid lil Iżrael: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek, u nqabbdek it-triq fejn għandek timxi. Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.” (Isaija 48:17, 18) Billi dar lejn l-allat tas-Sirja, Aħaż wera kemm kien ’il bogħod milli ‘jaqbad it-triq fejn kellu jimxi.’ Hu kien ġie żvijat għalkollox bil-mod kif kienu jaħsbuha l-ġnus, billi fittex is-sorsi foloz tagħhom għas-sigurtà minflok lil Jehovah.
14. Aħaż għala ma kellu ebda skuża meta dar lejn l-allat foloz?
14 L-allat tal-ġnus, inkluż dawk tas-Sirja, kienu ilhom li ġew ipprovati bħala “idoli” bla siwi. (Isaija 2:8) Iktar kmieni, matul ir-renju tas-Sultan David, is-superjorità taʼ Jehovah fuq l-allat tas-Sirja ntweriet b’mod ċar meta s-Sirjani saru qaddejja taʼ David. (1 Kronaki 18:5, 6) Jehovah waħdu, “Alla fuq l-allat, u sid fuq is-sidien, Alla kbir, qawwi u tal-biżaʼ,” jistaʼ jagħti sigurtà vera. (Dewteronomju 10:17) Iżda Aħaż ta dahru lil Jehovah u fittex l-allat tal-ġnus għas-sigurtà. Ir-riżultat kien diżastruż għal Ġuda.—2 Kronaki 28:24, 25.
Il-Lhud maʼ Ġeremija fl-Eġittu
15. Il-Lhud fl-Eġittu fi żmien Ġeremija b’liema mod dinbu?
15 Minħabba n-nuqqas estrem taʼ lealtà tal-poplu tiegħu, fis-sena 607 Q.E.K., Jehovah ħalla lill-Babiloniżi jeqirdu lil Ġerusalemm u t-tempju tagħha. Il-biċċa l-kbira mill-ġens sfaw eżiljati lejn Babilonja. Iżda xi wħud tħallew f’Ġuda, fosthom il-profeta Ġeremija. Meta l-Gvernatur Gedalija ġie assassinat, dan il-grupp ħarab lejn l-Eġittu u ħadu lil Ġeremija magħhom. (2 Slaten 25:22-26; Ġeremija 43:5-7) Hemmhekk, bdew jissagrifikaw lil allat foloz. Ġeremija pprova jirraġuna mal-Lhud żleali, imma huma kienu rashom iebsa. Irrifjutaw li jduru lejn Jehovah u insistew li kellhom jibqgħu jagħmlu sagrifiċċji maħruqa lis-“sultana tas-smewwiet.” Għala? Għaliex hekk kienu jagħmlu huma u missirijiethom ‘fil-bliet taʼ Ġuda u fit-toroq taʼ Ġerusalemm, meta kienu mxebbgħin bil-ħobż u kienu qegħdin tajjeb, u ħsara ma rawx.’ (Ġeremija 44:16, 17) Il-Lhud argumentaw ukoll: “Minn mindu waqafna milli naħarqu l-inċens lis-sultana tas-smewwiet, u nsawwbulha l-libazzjonijiet, naqasna kollox, u ntemmejna bix-xabla u l-pesta.”—Ġeremija 44:18.
16. Il-Lhud fl-Eġittu għala kienu żbaljati għalkollox fir-raġunar tagħhom?
16 Kemm jinsa l-bniedem fejn irid! X’kienu l-fatti? Il-Lhud tassew li kienu ssagrifikaw lil allat foloz fl-art li Jehovah kien tahom. Xi drabi, bħal fi żmien Aħaż, huma sofrew minħabba din l-apostasija. Madankollu, Jehovah kien “tqil biex jagħdab” mal-poplu li kien f’patt miegħu. (Eżodu 34:6; Salm 86:15) Hu bagħat lill-profeti tiegħu biex iħeġġuhom jindmu. Xi drabi, meta s-sultan kien leali, Jehovah bierku, u n-nies ibbenefikaw minn din il-barka, avolja l-biċċa l-kbira minnhom kienu żleali. (2 Kronaki 20:29-33; 27:1-6) Kemm kienu żbaljati dawk il-Lhud fl-Eġittu meta qalu li jekk kienu gawdew xi prosperità f’art twelidhom din kienet ġiet mill-allat foloz tagħhom!
17. Ġuda għala tilfet l-art u t-tempju tagħha?
17 Qabel is-sena 607 Q.E.K., Jehovah kien ħeġġeġ lin-nies taʼ Ġuda: “Isimgħu minn kliemi, u jiena nkun Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi, u imxu fit-triq kollha li qiegħed nordnalkom, għall-ġid tagħkom.” (Ġeremija 7:23) Il-Lhud tilfu t-tempju tagħhom u arthom preċiżament għaliex irrifjutaw li jimxu ‘fit-triq kollha li Jehovah kien ordnalhom.’ Ejja nkunu żguri li nevitaw dan l-iżball fatali.
Jehovah Jbierek lil Dawk li Jimxu fit-Triq Tiegħu
18. Dawk li jimxu fit-triq taʼ Jehovah x’iridu jagħmlu?
18 Illum, bħal fil-passat, li nimxu fit-triq taʼ Jehovah jirrikjedi lealtà—determinazzjoni li naqdu lilu biss. Jirrikjedi fiduċja—fidi sħiħa li l-wegħdi taʼ Jehovah huma taʼ min joqgħod fuqhom u li dawn se jseħħu. Li nimxu fit-triq taʼ Jehovah jirrikjedi ubbidjenza—li nsegwu l-liġijiet tiegħu mingħajr ma niżvijaw u nżommu l-livelli għoljin tiegħu. “Ġust hu l-Mulej, u jħobb il-ġustizzja; wiċċu jdawwar lejn min hu sewwa.”—Salm 11:7.
19. Ħafna liema allat iqimu llum, u b’liema riżultati?
19 Aħaż fittex lill-allat tas-Sirja għas-sigurtà. L-Iżraeliti fl-Eġittu ttamaw li s-“sultana tas-smewwiet,” alla mara li kienet meqjuma estensivament fil-Lvant Nofsani tal-qedem, kienet se ġġibilhom prosperità materjali. Illum, ħafna allat m’humiex idoli litterali. Ġesù wissa kontra li naqdu “lill-flus” minflok lil Jehovah. (Mattew 6:24) L-appostlu Pawlu tkellem dwar “[i]r-rebgħa, li hi idolatrija.” (Kolossin 3:5) Tkellem ukoll dwar dawk li “alla tagħhom hu żaqqhom.” (Filippin 3:19) Iva, il-flus u l-affarijiet materjali huma fost l-allat ewlenin meqjumin illum. Fir-realtà, il-biċċa l-kbira—inkluż ħafna li huma membri taʼ xi reliġjon jew oħra—‘jqegħdu t-tama tagħhom f’għana li ma tistax torbot fuqu.’ (1 Timotju 6:17) Ħafna jaħdmu iebes ferm biex jaqdu lil dawn l-allat, u xi wħud jaħsdu benefiċċji—jgħixu fl-aqwa djar, igawdu affarijiet li jiswew ħafna flus, u jieklu ikel bix-xabaʼ. Madankollu, mhux kulħadd igawdi din l-abbundanza. U saħansitra dawk li jgawduha, maż-żmien isibu li dawn l-affarijiet m’humiex sodisfaċenti fihom infushom. Huma inċerti, temporanji, u ma jissodisfawx il-bżonnijiet spiritwali.—Mattew 5:3.
20. Liema bilanċ għandna bżonn inżommu?
20 Veru, irridu nkunu prattiċi waqt li qed ngħixu matul dawn l-aħħar jiem taʼ din is-sistema taʼ affarijiet. Jeħtieġ li nieħdu passi raġunevoli biex nipprovdu materjalment għall-familji tagħna. Imma jekk inpoġġu valur akbar fuq livell għoli t’għajxien, il-ġiri wara l-flus, jew affarijiet bħal dawn milli fuq li naqdu lil Alla, inkunu waqajna f’għamla taʼ idolatrija u ma nkunux bqajna nimxu fit-triq taʼ Jehovah. (1 Timotju 6:9, 10) Iżda, xi ngħidu meta niltaqgħu maʼ problemi taʼ saħħa, taʼ finanzi, jew problemi oħrajn? Ejja ma nkunux bħal dawk il-Lhud fl-Eġittu li qalu li l-problemi tagħhom ġew minħabba li kienu jaqdu lil Alla. Pjuttost, ejja nipprovawh lil Jehovah, xi ħaġa li Aħaż naqas li jagħmel. Dur lealment lejn Alla Jehovah għall-gwida. Applika bil-fiduċja l-gwida tiegħu, u itlob għas-saħħa u l-għerf biex tiffaċċja kull sitwazzjoni. Imbagħad, stenna fiduċjuż għall-barka taʼ Jehovah.
21. Liema barkiet jiġu għand dawk li jimxu fit-triq taʼ Jehovah?
21 Matul il-korsa taʼ l-istorja taʼ Iżrael, Jehovah bierek bil-kbir lil dawk li mxew fit-triq tiegħu. Is-Sultan David kanta: “Mexxini, Mulej, fis-sewwa tiegħek minħabba l-għedewwa tiegħi.” (Salm 5:9 [5:8, NW]) Lilu, Jehovah ta rebħiet militari fuq ġnus ġirien li iktar tard kienu taʼ theddida għal Aħaż. Taħt Salamun, Iżrael tbierek bil-paċi u l-prosperità li l-Lhud fl-Eġittu iktar tard ixxennqu għalihom. Lil Ħeżekija, bin Aħaż, Jehovah saħansitra tah rebħa fuq l-Assirja li kienet ferm setgħana. (Isaija 59:1) Iva, id Jehovah ma qsaritx lejn dawk leali lejh, li ma waqfux “fi triq il-ħatjin,” imma li l-għaxqa tagħhom kienet fil-liġi t’Alla. (Salm 1:1, 2) Dan għadu japplika. Iżda, kif nistgħu aħna llum inkunu ċerti li qegħdin nimxu fit-triq taʼ Jehovah? Dan se jiġi diskuss fl-artiklu li jmiss.
Tiftakar Int?
◻ Liema kwalitajiet huma vitali jekk irridu nimxu fit-triq taʼ Jehovah?
◻ Ir-raġunar taʼ Aħaż għala kien falz?
◻ X’kien hemm żbaljat fir-raġunar tal-Lhud fl-Eġittu?
◻ Kif nistgħu nsaħħu d-determinazzjoni tagħna li nimxu fit-triq taʼ Jehovah?
[Stampa f’paġna 13]
Aħaż fittex lill-allat tas-Sirja minflok lil Jehovah