Il-Ħallieq Tiegħek—Tgħallem Dwar x’Tip taʼ Persuna Hu
“Jiena ngħaddi tjubiti kollha minn quddiemek, u ngħajjat l-isem tiegħi ‘Jaħweh’ quddiemek.”—EŻODU 33:19.
1. Il-Ħallieq għala jixraqlu li jiġi onorat?
L-APPOSTLU Ġwanni, kittieb taʼ l-aħħar ktieb tal-Bibbja, iddokumenta din id-dikjarazzjoni profonda dwar il-Ħallieq: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek.” (Apokalissi 4:11) Bħalma stabbilixxa l-artiklu preċedenti, is-sejbiet tax-xjenza moderna spiss iżidu raġunijiet biex wieħed jemmen f’Dak li ħalaq kollox.
2, 3. (a) In-nies x’għandhom bżonn jitgħallmu dwar il-Ħallieq? (b) Għala m’huwiex raġunevoli li tiltaqaʼ personalment mal-Ħallieq?
2 Daqs kemm huwa importanti li taċċetta li l-Ħallieq jeżisti, daqshekk ieħor huwa importanti li tkun taf x’tip taʼ persuna hu—li hu persuna vera, b’personalità u modi li jiġbdu lin-nies lejh. Minkejja sa liema punt għamilt dan, ma jkunx taʼ benefiċċju li ssir tafu aħjar? Dan ma jirrikjedix li tiltaqaʼ miegħu personalment, bħalma niltaqgħu maʼ bnedmin oħrajn.
3 Jehovah hu s-Sors saħansitra tal-kwiekeb, bix-xemx tagħna li hija biss kewkba taʼ daqs medju. Qatt jgħaddilek minn moħħok li jkollok kuntatt fiżiku max-xemx? Żgur li le! Il-biċċa l-kbira min-nies joqogħdu attenti li lanqas biss iħarsu lejha jew jesponu l-ġilda tagħhom għar-raġġi qawwija tagħha għal żmien twil. It-temperatura fiċ-ċentru tagħha hija madwar 15,000,000 grad Celsius (27,000,000°F.). Kull sekonda, din il-ħuġġieġa termonukleari tbiddel madwar erbaʼ miljun tunnellata taʼ materjal f’enerġija. Frazzjon żgħir biss minnha jasal fuq l-art bħala sħana u dawl, imma dan l-ammont isostni l-ħajja kollha hawnhekk. Dawn il-fatti bażiċi għandhom jimpressjonawna bil-qawwa taʼ l-għaġeb li għandu l-Ħallieq. Isaija bix-xieraq setaʼ jikteb dwar ‘is-saħħa taʼ qawwiet il-Ħallieq u l-qawwa taʼ setgħetu.’—Isaija 40:26.
4.Mosè għal xiex staqsa, u Jehovah kif wieġbu?
4 Iżda, kont taf li xi ftit xhur wara li l-Iżraeliti telqu mill-Eġittu fl-1513 Q.E.K., Mosè talab lill-Ħallieq: “Ħallini, nitolbok, nara l-glorja tiegħek”? (Eżodu 33:18) Jekk tiftakar li Alla hu s-Sors saħansitra tax-xemx, tistaʼ tifhem għala qal lil Mosè: “Int ma tistax tara ’l wiċċi, għax ebda bniedem ma jarani u jibqaʼ ħaj.” Il-Ħallieq ippermetta lil Mosè li jsib moħba fuq il-Muntanja Sinaj sakemm Hu ‘jgħaddi.’ Mosè mbagħad tħalla jara ‘dahar’ Alla, f’sens figurattiv, xi forma taʼ riflessjoni mill-glorja, jew preżenza tal-Ħallieq.—Eżodu 33:20-23; Ġwann 1:18.
5. Il-Ħallieq b’liema mod issodisfa x-xewqa taʼ Mosè, u b’hekk x’wera?
5 Ix-xewqa taʼ Mosè li jsir jaf lill-Ħallieq aħjar ġiet imwieġba. Billi evidentement tkellem permezz taʼ anġlu, Alla għadda minn ħdejn Mosè u ddikjara: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà. Iħares it-tjieba għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija; imma ma jħalli xejn għaddej.” (Eżodu 34:6, 7) Dan juri li biex insiru nafu lill-Ħallieq tagħna aħjar jinvolvi, mhux li naraw xi forma fiżika, imma li nsiru konxji b’mod iktar sħiħ taʼ x’tip taʼ persuna hu, fil-personalità u l-karatteristiċi tiegħu.
6.Is-sistema taʼ l-immunità tagħna kif inhi meravilja?
6 Mod wieħed kif nistgħu nagħmlu dan huwa billi nagħrfu l-kwalitajiet t’Alla minn dak li ħalaq. Ikkunsidra s-sistema taʼ l-immunità tiegħek. F’ħarġa dwar l-immunità, Scientific American qalet: “Minn qabel it-twelid sal-mewt, is-sistema taʼ l-immunità tkun fi stat taʼ allarm kontinwu. Eżerċtu varjat taʼ molekuli u ċelloli . . . jipproteġuna kontra l-parassiti u l-patoġeni. Mingħajr dawn id-difiżi, il-bnedmin ma jistgħux jibqgħu ħajjin.” X’inhu s-sors taʼ din is-sistema? Artiklu f’dik ir-rivista qal: “L-eżerċtu meraviljuż taʼ ċelloli li jaħdmu id f’id b’sengħa kbira u li jiddefendu l-ġisem minn invażuri bħal mikrobi u virus jiżviluppaw minn ftit ċelloli tal-bidu li jidhru l-ewwel darba madwar disaʼ ġimgħat wara l-konċepiment.” Mara tqila tgħaddi xi ftit immunità lit-tarbija li tkun qed tiżviluppa f’ġufha. Iktar tard, permezz tal-ħalib taʼ sidirha, hi tipprovdi wkoll ċelloli taʼ l-immunità u kimiċi taʼ benefiċċju għat-tarbija tagħha.
7. X’nistgħu nikkunsidraw dwar is-sistema taʼ l-immunità tagħna, li jwassalna għal liema konklużjoni?
7 Għandek raġuni valida li tikkonkludi li s-sistema taʼ l-immunità li għandek tisboq kwalunkwe ħaġa li l-mediċina moderna tistaʼ tipprovdi. Għaldaqstant, staqsi lilek innifsek, ‘Dan x’jissuġġerixxi dwar Dak li oriġinaha u pprovdieha?’ Din is-sistema, li ‘tidher l-ewwel darba madwar disaʼ ġimgħat wara l-konċepiment’ u li tkun lesta biex tipproteġi tarbija tat-twelid, ċertament li tirrifletti għerf u dehen. Iżda nistgħu aħna nifhmu ferm iżjed dwar il-Ħallieq minn din is-sistema? Il-biċċa l-kbira minna x’nikkonkludu dwar Albert Schweitzer u oħrajn li ddedikaw ħajjithom biex jipprovdu kura medika għan-nies inqas privileġġati? Aħna normalment nattribwixxu kwalitajiet tajbin lil uħud bħal dawn li jħobbu u jagħdru lill-proxxmu. Bl-istess mod, x’nistgħu nikkonkludu dwar il-Ħallieq tagħna, li jipprovdi sistema taʼ l-immunità kemm lis-sinjur kif ukoll lill-fqir? Jidher ċar li hu jaf iħobb, hu imparzjali, jaf jagħder u ġust. M’huwiex dan konsistenti mad-deskrizzjoni dwar il-Ħallieq li semaʼ Mosè?
Jirrivela x’Tip taʼ Persuna Hu
8.Jehovah b’liema mod speċjali jirrivela lilu nnifsu lilna?
8 Iżda hemm mod ieħor kif nistgħu nsiru nafu lill-Ħallieq tagħna aħjar—permezz tal-Bibbja. Dan huwa partikolarment importanti peress li hemm affarijiet dwaru li x-xjenza u l-univers ma jistgħux jirrivelaw affattu u affarijiet oħrajn li huma ferm iżjed ċari fil-Bibbja. Eżempju taʼ dan hu l-isem persunali tal-Ħallieq. Il-Bibbja biss tirrivela isem il-Ħallieq u s-sinjifikat tiegħu. F’manuskritti Ebrej tal-Bibbja, ismu jidher madwar 7,000 darba bħala erbaʼ konsonanti li jistgħu jiġu spelluti YHWH jew JHVH, u l-pronunzja komuni tagħhom bl-Ingliż hija Jehovah.—Eżodu 3:15; 6:3.
9. X’ifisser l-isem persunali tal-Ħallieq, u x’nistgħu nikkonkludu minn dan?
9 Biex aħna naslu li nsiru nafu lill-Ħallieq aħjar, irridu napprezzaw li dan m’huwiex sempliċement xi “l-Ewwel Kawża” astratta jew espressjoni vaga bħal “Jiena Hu.” Dan jurih l-isem persunali tiegħu. Huwa forma taʼ verb Ebrew li jfisser “isir” jew “juri li hu.”a (Qabbel Ġenesi 27:29; Koħèlet 11:3.) Isem Alla jissinjifika “Hu Jikkaġuna li Jsir” u jenfasizza li hu jifforma skop u jaġixxi fuqu. Billi nkunu nafu u nużaw ismu, aħna nistgħu napprezzaw aħjar li hu jwettaq l-wegħdi li jagħmel u jwassal b’mod attiv l-iskop tiegħu sat-tmiem.
10. Liema dehen importanti nistgħu niksbu mir-rakkont storiku taʼ Ġenesi?
10 Il-Bibbja hija s-sors t’għarfien dwar l-iskopijiet u l-personalità t’Alla. Ir-rakkont storiku f’Ġenesi jirrivela li f’xi żmien l-umanità kienet fil-paċi m’Alla u kellha l-prospett taʼ ħajja twila u sinjifikanti. (Ġenesi 1:28; 2:7-9) Konsistenti mas-sinjifikat taʼ ismu, nistgħu nkunu żguri li Jehovah se jtemm is-sofferenza u l-frustrazzjoni li l-bnedmin tant ilhom jiffaċċjaw. Naqraw dwar it-twettiq taʼ l-iskop tiegħu: “Il-ħolqien jinsab taħt il-frugħa – mhux minn rajh, imma minħabba Alla li xeħtu taħtha – bit-tama li l-ħlejjaq huma wkoll għad . . . jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:20, 21.
11. Għala għandna nikkunsidraw rakkonti Bibliċi, u liema dettalji fih rakkont minnhom?
11 Il-Bibbja tistaʼ tgħinna wkoll insiru nafu lill-Ħallieq tagħna aħjar għaliex din tirrivela l-azzjonijiet u r-reazzjonijiet tiegħu meta ttratta maʼ Iżrael tal-qedem. Ikkunsidra eżempju li jinvolvi lil Eliżew u lil Nagħman, il-kap taʼ l-armata ostili Sirjana. Waqt li taqra dan ir-rakkont fit-2 Slaten kapitlu 5, se tara li tifla Iżraelita fil-jasar insistiet li l-ġdiem taʼ Nagħman setaʼ jitfejjaq bl-għajnuna taʼ Eliżew f’Iżrael. Nagħman mar hemmhekk jistenna li Eliżew ixejjer idejh b’xi ritwal mistiku taʼ fejqan. Minflok, Eliżew qal lis-Sirjan biex jinħasel fix-Xmara Ġordan. Għalkemm dawk taʼ taħtu kellhom jikkonvinċuh biex jobdi, meta Nagħman għamel dan, fieq. Nagħman ippreżenta għotjiet taʼ valur, li Eliżew irrifjuta. Iktar tard wieħed kollega mar bil-moħbi għand Nagħman u permezz taʼ gidba kiseb xi affarijiet taʼ valur. Id-diżonestà tiegħu wasslitu biex jintlaqat bil-ġdiem. Dan huwa rakkont uman u affaxxinanti—wieħed li nistgħu nitgħallmu minnu.
12. Liema konklużjonijiet nistgħu niġbdu dwar il-Ħallieq mir-rakkont taʼ Eliżew u Nagħman?
12 Ir-rakkont juri, b’mod li jiġbdek, li l-Ħallieq Grandjuż taʼ l-univers m’huwiex daqstant fl-għoli li ma jinnotax b’favur tifla ċkejkna, xi ħaġa li hija f’kuntrast kbir għal dak li normalment isir f’ħafna kulturi llum. Dan jagħti prova wkoll li l-Ħallieq ma jiffavorix biss lil xi razza jew ġens wieħed. (Atti 10:34, 35) Huwa interessanti li minflok ma jistenna li jintuża xi kliem stramb biex wieħed jidħaq bin-nies—xi ħaġa komuni mal-“faith-healers” tal-passat u tal-preżent—il-Ħallieq wera għerf meraviljuż. Kien jaf ifejqu l-ġdiem. Wera wkoll dehen u ġustizzja f’li ma jippermettix il-qerq jirnexxi. Għal darb’oħra, m’huwiex dan konsistenti mal-personalità taʼ Jehovah li Mosè semaʼ dwarha? Għalkemm dan ir-rakkont Bibliku huwa qasir, kemm nistgħu nisiltu minnu dwar x’tip taʼ persuna hu l-Ħallieq tagħna!—Salm 33:5; 37:28.
13. Agħti eżempju taʼ kif nistgħu nisiltu lezzjonijiet imprezzabbli minn rakkonti Bibliċi.
13 Rakkonti oħrajn dwar l-azzjonijiet ingrati taʼ Iżrael u l-mod kif Alla rreaġixxa juru li Jehovah verament jimpurtah mill-bnedmin. Il-Bibbja tgħid li l-Iżraeliti ġarrbuh għal darba wara l-oħra, billi ġagħluh iħossu mnikket u mweġġaʼ. (Salm 78:40, 41) Għaldaqstant, il-Ħallieq iħoss, u jimpurtah minn dak li jagħmlu l-bnedmin. Hemm ħafna x’nitgħallmu wkoll minn rakkonti dwar individwi magħrufin. Meta David intgħażel biex ikun sultan taʼ Iżrael, Alla qal lil Samwel: “Għax il-Mulej ma jarax bħalma jara l-bniedem, dak biss li jidher fl-għajn, imma l-qalb.” (1 Samwel 16:7) Iva, il-Ħallieq jara x’aħna minn ġewwa, mhux kif nidhru minn barra. Kemm huwa taʼ sodisfazzjon dan!
14. Hekk kif naqraw l-Iskrittura Ebrajka, x’nistgħu nagħmlu taʼ benefiċċju?
14 Disgħa u tletin mill-kotba tal-Bibbja nkitbu qabel ma Ġesù ġie fuq l-art, u jkun taʼ vantaġġ għalina jekk naqrawhom. Dan mhux biex sempliċement nitgħallmu rakkonti jew ġrajjiet storiċi tal-Bibbja. Jekk verament irridu nitgħallmu dwar x’tip taʼ persuna hu l-Ħallieq tagħna, għandna nimmeditaw fuq dawn ir-rakkonti, forsi billi naħsbu, ‘Dan l-episodju x’jikxef dwar il-personalità tiegħu? Liema minn fost il-kwalitajiet tiegħu jispikkaw hawn?’b Dan jistaʼ jgħin saħansitra lil nies xettiċi jaraw li l-Bibbja bilfors li għandha oriġini divina, u b’hekk dan iservi taʼ pedament għalihom biex ikunu jistgħu jsiru jafu aħjar lill-Awtur tagħha taʼ mħabba.
Għalliem Kbir Jgħinna Nsiru Nafu l-Ħallieq
15. Dak li għamel u għallem Ġesù għala għandu jkun istruttiv?
15 Nammettu li nies li jiddubitaw l-eżistenza tal-Ħallieq jew li l-ħarsa tagħhom dwar Alla hija vaga, forsi ftit li xejn jafu dwar il-Bibbja. Għandu mnejn li ltqajt maʼ xi individwi li ma kinux jafu jekk Mosè kienx jgħix qabel jew wara Mattew u li kważi ma jafu xejn dwar dak li għamel jew għallem Ġesù. Din ħasra għaliex nistgħu nitgħallmu ferm dwar il-Ħallieq mill-Għalliem il-Kbir, Ġesù. Billi kellu relazzjoni mill-qrib m’Alla, hu setaʼ jirrivelalna x’tip taʼ persuna hu l-Ħallieq tagħna. (Ġwann 1:18; 2 Korintin 4:6; Lhud 1:3) U hekk għamel. Fil-fatt hu darba qal: “Min ra lili ra lill-Missier.”—Ġwann 14:9.
16. L-azzjoni reċiproka taʼ Ġesù maʼ mara Samaritana x’turi?
16 Ikkunsidra dan l-eżempju. Darba minnhom meta kien għajjien għax kien ivvjaġġa ħafna, Ġesù tkellem maʼ mara Samaritana ħdejn Sikar. Hu qasam magħha veritajiet profondi, li jiċċentraw fuq il-ħtieġa li ‘naduraw lill-Missier fl-ispirtu u l-verità.’ Il-Lhud taʼ dik l-era kienu jiskartawhom lis-Samaritani. B’kuntrast, Ġesù rrifletta kemm Jehovah hu dispost li jaċċetta rġiel u nisa sinċieri mill-ġnus kollha, saħansitra bħalma nnotajna mill-inċident dwar Eliżew u Nagħman. Dan għandu jiżgurana li Jehovah ma jirrikorrix għall-ostilità reliġjuża intolleranti tant komuni fid-dinja llum. Nistgħu ninnotaw ukoll il-fatt li Ġesù kien lest li jgħallem mara, u f’dan il-każ waħda li kienet tgħix maʼ raġel li ma kienx żewġha. Minflok ma kkundannaha, Ġesù stmaha bid-dinjità, b’mod li setaʼ tassew jgħinha. Wara dan, Samaritani oħrajn taw widen għal Ġesù u kkonkludew: “Sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja.”—Ġwann 4:2-30, 39-42; 1 Slaten 8:41-43; Mattew 9:10-13.
17. Ir-rakkont dwar l-irxoxt taʼ Lazzru lejn liema konklużjoni jipponta?
17 Ejja nikkunsidraw eżempju ieħor dwar kif nistgħu nitgħallmu dwar il-Ħallieq billi nsiru familjari maʼ dak li għamel u għallem Ġesù. Irrifletti dwar l-okkażjoni meta miet Lazzru, il-ħabib taʼ Ġesù. Ġesù kien diġà ta prova tal-qawwa tiegħu li jġib il-mejtin lura għall-ħajja. (Luqa 7:11-17; 8:40-56) Iżda kif irreaġixxa meta ra lil Marija, oħt Lazzru, titnikket? Ġesù “ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna.” Ma kienx indifferenti jew imkabbar; hu “beka.” (Ġwann 11:33-35) U din ma kinitx sempliċi turija taʼ emozzjoni. Ġesù ġie mqanqal għal azzjoni pożittiva—irxoxta lil Lazzru. Tistaʼ timmaġina kemm dan għen lill-appostli japprezzaw is-sentimenti u l-azzjonijiet tal-Ħallieq. Dan għandu wkoll jgħin lilna, u lil oħrajn, nifhmu l-personalità u t-triqat tal-Ħallieq.
18. In-nies kif għandhom iħossuhom dwar li jistudjaw il-Bibbja?
18 M’hemmx għalfejn tistħi tistudja l-Bibbja u titgħallem iżjed dwar il-Ħallieq tagħna. Il-Bibbja m’hijiex xi ktieb antikwat. Wieħed li studjaha u sar ħabib mill-qrib taʼ Ġesù kien Ġwanni. Iktar tard dan kiteb: “Imma nafu wkoll li l-Iben taʼ Alla ġie u tana d-dehen biex nagħrfu ’l Alla l-veru. U aħna ninsabu f’Alla l-veru, f’Ibnu Ġesù Kristu. Dan hu Alla l-veru, u l-ħajja taʼ dejjem.” (1 Ġwann 5:20) Osserva li jekk napplikaw id-“dehen” biex niksbu għarfien dwar “Alla l-veru,” il-Ħallieq, dan jistaʼ jwassal għall-“ħajja taʼ dejjem.”
Kif Tistaʼ Tgħin lil Oħrajn Jitgħallmu Dwaru?
19. Liema pass ittieħed biex jiġu megħjunin nies xettiċi?
19 Ħafna evidenza hija meħtieġa għal xi nies biex jemmnu li hemm Ħallieq li jagħder u li jimpurtah minna u biex japprezzaw x’tip taʼ persuna hu. Hemm miljuni kbar li għadhom xettiċi dwar il-Ħallieq jew li l-ħarsa tagħhom dwaru ma taqbilx maʼ dak li nsibu fil-Bibbja. Kif tistaʼ tgħinhom? Fil-konvenzjonijiet distrettwali u internazzjonali tax-Xhieda taʼ Jehovah li nżammu fl-1998/99, ħarġet f’ħafna lingwi għodda ġdida u effettiva—il-ktieb Is There a Creator Who Cares About You?
20, 21. (a) Il-ktieb Creator kif jistaʼ jintuża b’suċċess? (b) Irrakkonta esperjenzi dwar kif il-ktieb Creator diġà wera li kien effettiv.
20 Din hija pubblikazzjoni li se tkabbar il-fidi tiegħek stess fil-Ħallieq tagħna u l-apprezzament tiegħek għall-personalità tiegħu u triqatu. Din għala hija ħaġa ċerta? Għax Is There a Creator Who Cares About You? tfassal apposta għal dan l-għan. Tema li tibqaʼ għaddejja matul il-ktieb kollu hija “What Can Add Meaning to Your Life?” (X’Jistaʼ Jagħti Iktar Sinjifikat lil Ħajtek?) Il-kontenut huwa preżentat b’mod li anki nies taʼ edukazzjoni konsiderevoli se jsibuh affaxxinanti. Madankollu, dan jolqot sentimenti li lkoll kemm aħna għandna. Fih materjal affaxxinanti u persważiv għal qarrejja li jiddubitaw l-eżistenza tal-Ħallieq. Il-ktieb ma jassumix li l-qarrej jemmen f’Ħallieq. Dawk li huma xettiċi se jiġu attirati mill-użu taʼ skoperti u konċetti xjentifiċi reċenti. Dawn il-fatti se jsaħħu saħansitra l-fidi taʼ dawk li jemmnu f’Alla.
21 Meta wieħed jistudja dan il-ktieb il-ġdid, se jara li partijiet minnu jippreżentaw ħarsa ġenerali taʼ ġrajjiet storiċi tal-Bibbja b’mod li jenfasizza aspetti mill-personalità t’Alla, u b’hekk il-qarrej jiġi megħjun isir jaf lil Alla aħjar. Ħafna li diġà qrawh ikkummentaw dwar kif dan kien minnu fil-każ tagħhom. (Ara l-artiklu li jmiss, paġni 25-6.) Jalla dan ukoll ikun minnu dwarek hekk kif issir familjari mal-ktieb u tużah biex tgħin lil oħrajn isiru jafu aħjar lill-Ħallieq tagħhom.
[Noti taʼ taħt]
a L-istudjuż Ġiżwita M. J. Gruenthaner, meta kien l-editur ewlieni taʼ The Catholic Biblical Quarterly, applika għal dan il-verb dak li kien qal dwar il-verb li jiġi minnu, li dan “qatt m’għandu l-konċett taʼ eżistenza fl-astratt imma dejjem jesprimi l-ħsieb taʼ li wieħed hu jew isir magħruf permezz tas-sensi, jiġifieri, li juri lilu nnifsu b’mod konkret.”
b Hekk kif il-ġenituri jirrakkontaw ġrajjiet Bibliċi lil uliedhom, huma jistgħu jgħinu lit-tfal tagħhom billi jqajmu mistoqsijiet bħal dawn. B’hekk iż-żgħażagħ jistgħu jsiru jafu lil Alla, kif ukoll jitgħallmu jimmeditaw fuq il-Kelma tiegħu.
Innotajt?
◻ Mosè kif sar jaf lil Jehovah aħjar fuq il-Muntanja Sinaj?
◻ Li nistudjaw il-Bibbja għala huwa t’għajnuna biex insiru nafu x’tip taʼ persuna hu Alla?
◻ Hekk kif naqraw il-Bibbja, x’nistgħu nagħmlu biex nersqu eqreb lejn il-Ħallieq tagħna?
◻ B’liema mod qed tippjana li tagħmel użu mill-ktieb Creator?
[Stampa f’paġna 20]
Is-sistema tagħna taʼ l-immunità x’tissuġġerixxi dwar il-Ħallieq tagħna?
[Stampa f’paġna 21]
Sezzjoni mir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet, bit-Tetragramma (Isem Alla bl-Ebrajk) immarkata
[Sors]
Courtesy of the Shrine of the Book, Israel Museum, Jerusalem
[Stampa f’paġna 23]
X’nistgħu nitgħallmu mill-mod kif Ġesù rreaġixxa għan-niket taʼ Marija?