Dawn Għamlu r-Rieda taʼ Jehovah
Żjara li Ġiet Premjata bil-Kbir
MIN jaf kemm kien taʼ strapazz għar-reġina l-vjaġġ minn Saba sa Ġerusalemm. Hi kienet imdorrija tgħix fil-lussu. Issa kienet qed tivvjaġġa bil-pass taʼ ġemel fuq vjaġġ taʼ 2,400 kilometru, fil-parti l-kbira tiegħu minn deżert jikwi. Skond kalkolu wieħed, il-vjaġġ tagħha kien se jieħu mal-75 jum, u dan kollu mingħajr ma nieħdu inkonsiderazzjoni l-vjaġġ lura!a
Din is-sultana għanja għala ħalliet id-dar komda tagħha f’Saba u daħlet għal vjaġġ hekk strapazzuż?
Aħbar li Tqajjem il-Kurżità
Is-sultana taʼ Saba telgħet Ġerusalemm wara li “semgħet . . . bil-fama taʼ tħabrik Salamun għal isem il-Mulej [“Jehovah,” NW].” (1 Slaten 10:1) X’semgħet eżattament is-sultana mhux imsemmi. Madankollu, aħna nafu li Jehovah bierek lil Salamun b’għerf, ġid, u glorja eċċezzjonali. (2 Kronaki 1:11, 12) Is-sultana kif saret tafu dan? Jistaʼ jkun li semgħet bil-fama taʼ Salamun permezz taʼ xi kummerċjanti li żaru lil pajjiżha, ladarba Saba kienet ċentru kummerċjali. Uħud minn dawn setgħu kienu żaru lil Ofir, pajjiż li miegħu Salamun kien jinnegozja mhux ftit.—1 Slaten 9:26-28.
Kien x’kien il-każ, is-sultana waslet Ġerusalemm “b’qatgħa ġmielha taʼ kbarat magħha, u b’iġmla mgħobbija b’tagħbija kbira taʼ ħwawar, u deheb u ħaġar prezzjuż.” (1 Slaten 10:2a) X’uħud jgħidu li l-“qatgħa ġmielha taʼ kbarat” kienet tinkludi skorta armata. Wieħed jistaʼ jifhmu dan, meta nqisu li s-sultana kienet persuna potenti taʼ pożizzjoni għolja, u kienet qed tivvjaġġa b’affarijiet li kienu jiswew għaxriet taʼ miljuni taʼ liri.b
Madankollu, innota li s-sultana semgħet bil-fama taʼ Salamun ‘f’isem Jehovah.’ Mela dan ma kienx biss xi vjaġġ taʼ negozju. B’mod evidenti, l-għan prinċipali tas-sultana kien li tismaʼ l-għerf taʼ Salamun—forsi saħansitra biex tikseb xi tagħrif dwar dak Alla tiegħu, Jehovah. Għandu mnejn li riedet issir taf iktar dwar ir-reliġjon taʼ missirijietha, ladarba x’aktarx li kienet dixxendenta taʼ Sem jew Ħam, li kienu adoraturi taʼ Jehovah.
Mistoqsijiet Iebsa, Tweġibiet Sodisfaċenti
Hekk kif ġiet wiċċ imbwiċċ maʼ Salamun, is-sultana bdiet iġġarrbu “b’mistoqsijiet iebsa.” (1 Slaten 10:1) Il-kelma Ebrajka wżata hawn tistaʼ tiġi tradotta “ħaġa moħġaġa.” Imma dan ma jfissirx li s-sultana okkupat lil Salamun b’logħob bla sens. Taʼ interess, f’Salm 49:5 [Salm 49:4, NW], l-istess kelma Ebrajka hija wżata biex tiddeskrivi mistoqsijiet serji rigward id-dnub, il-mewt, u l-fidwa. Allura, x’aktarx li s-sultana taʼ Saba kienet qed tiddiskuti suġġetti profondi maʼ Salamun, li ttestjaw il-kobor taʼ għerfu. Il-Bibbja tistqarr li hi “qaltlu kull ma kellha maħżun f’qalbha.” Salamun min-naħa tiegħu, “weġibha għal kull ma staqsietu; xejn ma kien hemm li baqaʼ moħbi għas-sultan, li ma kienx jistaʼ jwieġbu.”—1 Slaten 10:2b, 3.
Is-sultana taʼ Saba kienet tant impressjonata bl-għerf taʼ Salamun u bil-prosperità taʼ saltnatu li “baqgħet mistagħġba.” (1 Slaten 10:4, 5) Din il-frażi hawn min jiħodha bħala li tfisser li s-sultana tħalliet “bla nifs.” Wieħed studjuż saħansitra jissuġġerixxi li ħassha ħażin! Imma ġara x’ġara, is-sultana baqgħet mistagħġba minħabba dak li kienet rat u semgħet. Iddikjarat lill-qaddejja taʼ Salamun henjin minħabba li setgħu jisimgħu l-għerf taʼ dan is-sultan, u bierket lil Jehovah talli poġġa lil Salamun fuq it-tron. Imbagħad tat lis-sultan għotjiet taʼ valur kbir; biss biss id-deheb waħdu, skond stima moderna, kien ilaħħaq mal-$40,000,000 (madwar Lm15,400,000). Salamun ukoll ippreżenta għotjiet, billi ta lis-sultana “kull ma kienet tixtieq u talbitu.”c—1 Slaten 10:6-13.
Lezzjoni Għalina
Ġesù uża lis-sultana taʼ Saba bħala eżempju prattiku għall-iskribi u l-Fariżej. “F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-nofsinhar għad tqum u teħodha kontra dan in-nisel u tikkundannah,” hu qalilhom, “għax hi ġiet mit-truf taʼ l-art biex tismaʼ l-għerf taʼ Salamun; u araw hawn min hu aqwa minn Salamun hawnhekk!” (Mattew 12:42) Iva, is-sultana taʼ Saba wriet apprezzament kbir għall-għerf mogħti minn Alla. Jekk hi vvjaġġat 2,400 kilometru biex tismaʼ lil Salamun, kemm iktar kellhom jisimgħu bl-attenzjoni kollha l-iskribi u l-Fariżej, li kellhom lil Ġesù hemm preċiż quddiem għajnejhom.
Aħna llum nistgħu nuru apprezzament profond għal Salamun Akbar, Ġesù Kristu. Dan kif? Mod wieħed hu billi nimxu fuq id-direttiva tiegħu, li ‘nagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.’ (Mattew 28:19) Mod ieħor hu billi nikkunsidraw mill-viċin l-eżempju taʼ Ġesù u l-attitudni mentali tiegħu u mbagħad nimitawhom.—Filippin 2:5; Lhud 12:2, 3.
Veru, biex nimxu fuq l-eżempju taʼ Salamun Akbar jirrikjedi sforz min-naħa tagħna. Madankollu, se niġu premjati bil-kbir. Tabilħaqq, Jehovah jwiegħed lin-nies tiegħu li jekk juru spirtu taʼ sagrifiċċju, hu sejjer ‘jiftaħ għalihom it-twieqi tas-sema, u jsawwab fuqhom barka bl-abbundanza.’—Malakija 3:10.
[Noti taʼ taħt]
a Ħafna studjużi jemmnu li Saba kienet tinstab fil-lbiċ taʼ l-Għarabja, f’dik li llum hija r-Repubblika tal-Jemen.
b Skond il-ġeografu Grieg tal-qedem Strabun, in-nies taʼ Saba kienu nies taʼ għana li ma bħalha. Dan jgħid li d-deheb kienu jużawh b’mod ħali fl-għamara tagħhom, fir-reċipjenti tagħhom, u saħansitra mal-ħitan, mal-bibien, u mas-soqfa tad-djar tagħhom.
c Din il-frażi hawn min jiħodha bħala li tfisser li s-sultana kellha relazzjoni sesswali maʼ Salamun. Stejjer leġġendarji saħansitra jistqarru li kellhom iben. Madankollu, m’hemm ebda evidenza li tappoġġa dan.