Tistaʼ Taqdi f’Art Barranija?
“MINN dejjem kont noħlom li nsir missjunarju. Meta kont għadni ġuvni, kont naqdi f’Texas, ġewwa l-Istati Uniti, fejn kien hemm bżonn kbir taʼ predikaturi. Marti ngħaqdet miegħi hemmhekk wara li żżewwiġna. Meta twieldet bintna, f’qalbi għedt, ‘Mela issa nistaʼ naqtaʼ jiesi.’ Imma Jehovah jġiegħel il-ħolm isir realtà, speċjalment jekk dan ikollu x’jaqsam mar-rieda tiegħu.”—Jesse, li fil-preżent qed jaqdi fl-Ekwador flimkien maʼ martu u t-tliet uliedu.
“Qatt ma immaġinajt li stajt nagħmel xi ħaġa bħal din mingħajr ma jkolli taħriġ fl-iskola missjunarja taʼ Gilgħad. Meta kont nara lil xi ħadd li jistudja l-Bibbja miegħi jagħti xi taħdita jew jippriedka, kont inħossni tassew kommossa, u kont nirringrazzja lil Jehovah talli kien tani din l-opportunità.”—Karen, mara mhix miżżewġa li qdiet għal tmien snin bħala pijuniera fl-Amerka t’Isfel.
“Wara li qattajna 13-il sena bħala predikaturi full-time fl-Istati Uniti, jien u marti ħassejna li kellna bżonn taʼ sfida ġdida. Inħossuna ferħanin iktar minn qatt qabel; huwa verament mod taʼ ħajja meraviljuż.”—Tom, pijunier li jaqdi flimkien maʼ martu, Linda, fir-reġjun taʼ l-Amazon.
Dawn l-espressjonijiet t’apprezzament ġejjin mingħand nies li ċ-ċirkustanzi tagħhom ma ppermettewlhomx li jirċievu taħriġ missjunarju fl-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead). Madankollu, huma xorta esperjenzaw il-ferħ u l-isfidi li jġib miegħu servizz f’art barranija. Dan kif sar possibbli? Huwa dan it-tip taʼ servizz għalik?
Il-Ħtieġa għal Motivi Tajbin
Biex ikollok suċċess fis-servizz f’art barranija teħtieġ iktar minn spirtu t’avventura. Dawk li pperseveraw għamlu dan għaliex kellhom motivi tajbin. Bħall-appostlu Pawlu, huma jqisu lilhom infushom obbligati, mhux biss lejn Alla imma wkoll lejn il-bnedmin. (Rumani 1:14) Il-kmand divin biex jippridkaw setgħu obdewh billi ħadu sehem fil-ministeru f’pajjiżhom stess. (Mattew 24:14) Imma huma ħassewhom obbligati u kienu motivati biex jagħmlu iktar ħalli jilħqu u jgħinu lil dawk li rari jkollhom l-opportunità li jisimgħu l-aħbar tajba.
Taʼ spiss, motiv ieħor ikun ix-xewqa li jaħdmu f’territorju iktar produttiv—u bix-xieraq. Min minna, meta jara sajjied li qed jaqbad ħafna ħut, ma jmurx jistad iktar qrib tan-naħa fejn ikun hu? B’mod simili, rapporti li jqawwu l-qalb taʼ żjidiet eċċezzjonali f’artijiet oħrajn inkuraġġew lil ħafna biex imorru fejn hemm “kotra . . . kbira taʼ ħut.”—Luqa 5:4-10.
Għodd in-Nefqa
Ħafna pajjiżi ma jippermettux lill-volontieri reliġjużi barranin jagħmlu xogħol sekulari. Għalhekk, dawk li jixtiequ jaqdu f’art barranija normalment iridu jkunu indipendenti finanzjarjament. Ħafna kif kampaw maʼ din l-isfida ekonomika? Xi wħud minnhom biegħu jew krew id-djar tagħhom biex jiksbu l-fondi neċessarji. Oħrajn biegħu n-negozju tagħhom. Xi wħud faddlu biex jilħqu l-mira tagħhom. Jerġaʼ oħrajn jaqdu f’art barranija għal sena jew tnejn, wara jerġgħu lura f’pajjiżhom biex jaħdmu u jġemmgħu ftit flus, u mbagħad jerġgħu jmorru jaqdu fejn kienu.
Bla dubju taʼ xejn, vantaġġ wieħed taʼ li tkun f’pajjiż li qed jiżviluppa hu li l-ħajja m’hijiex għolja daqs kemm hi f’pajjiżi iktar żviluppati. Dan għamilha possibbli biex xi wħud ikunu kapaċi jgħaddu tajjeb fuq ammont limitat taʼ flus. M’għandniex xi ngħidu, l-ispejjeż li wieħed ikollu jiddependu ħafna mil-livell t’għajxien li jagħżel. Saħansitra f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, wieħed jistaʼ jsib akkomodazzjoni b’ħafna kumditajiet, imma din tkun ferm iktar għalja.
Ovvjament, wieħed irid jikkalkula l-ispejjeż qabel ma jmur joqgħod f’pajjiż ieħor. Madankollu, hemm iktar involut milli sempliċement tgħodd in-nefqa ekonomika. Forsi l-kummenti taʼ xi wħud li qdew fl-Amerka t’Isfel jistgħu jgħinuk titgħallem iktar dwar dan.
L-Akbar Sfida
“Tassew kelli nistinka biex nitgħallem l-Ispanjol,” jiftakar Markku, li hu mill-Finlandja. “Kont nassumi li peress li ma kontx naf il-lingwa, kien se jgħaddi ftit żmien mhux ħażin qabel ma nkun nistaʼ naqdi bħala qaddej ministerjali. X’sorpriża ħadt meta talbuni nikkonduċi studju tal-ktieb wara xahrejn biss! M’għandniex xi ngħidu, kien hemm ħafna mumenti imbarazzanti. Kont inbati b’mod speċjali biex nitgħallem l-ismijiet. Darba minnhom lil Ħuna Sancho sejjaħtlu ‘Ħuna Chancho (ħanżir),’ u qatt ma ninsa meta lil Oħtna Salamea sejjaħtilha ‘Malasea (mill-agħar).’ Nirringrazzja ’l Alla, l-aħwa kienu paċenzjużi ħafna.” Eventwalment Markku qeda għal tmien snin f’dak il-pajjiż bħala indokratur tas-circuit flimkien maʼ martu, Celine.
Chris, il-mara taʼ Jesse li ġie kwotat qabel, tgħid: “Niftakar l-ewwel żjara taʼ l-indokratur tas-circuit, wara li konna ilna hawn tliet xhur biss. Stajt ninduna li l-ħu kien qed juża t-tixbihat u kien qed jgħid xi ħaġa sabiħa biex jipprova jmissilna qalbna, imma ma stajtx nifhmu. Infqajt nibki hemm, f’nofs is-sala. U mhux sempliċement qabiżli d-dmugħ, imma bdejt nolfoq kemm niflaħ. Wara l-laqgħa, ipprovajt nispjega lill-indokratur tas-circuit għala kont aġixxejt hekk. Kien ġentili ħafna miegħi u qalli dak li kulħadd kien ilu jgħidli, ‘Ten paciencia, hermana’ (‘Oħti, għalissa ħu paċenzja’). Xi sentejn jew tliet snin wara, erġajna ltqajna u domna tliet kwarti nitkellmu, ferħanin bil-fatt li stajna nikkomunikaw.”
“Li tistudja huwa essenzjali,” josserva ħu ieħor. “Iktar ma nagħmlu sforz biex nistudjaw il-lingwa, iktar intejbu l-abbiltajiet tagħna taʼ komunikazzjoni.”
Kulħadd jaqbel li dawn l-isforzi jġibu ħafna benefiċċji. Meta persuna tkun qed tagħmel ħilitha biex titgħallem lingwa ġdida, tikkultiva kwalitajiet bħall-umiltà, il-paċenzja, u l-persistenza. Jinfetaħ bieb kbir t’opportunità biex tippriedka l-aħbar tajba lil oħrajn. Per eżempju, jekk wieħed jitgħallem l-Ispanjol ikun jistaʼ jikkomunika b’lingwa mitkellma minn iktar minn 400 miljun ruħ madwar id-dinja. Ħafna li xi żmien wara kellhom jerġgħu lura f’pajjiżhom xorta setgħu jużaw l-abbiltà lingwistika tagħhom biex jgħinu lil nies li l-lingwa tagħhom hi l-Ispanjol.
Xi Ngħidu għan-Nostalġija?
“Għall-ewwel li ġejna l-Ekwador fl-1989,” tiftakar Deborah, li kienet taqdi flimkien maʼ żewġha Gary fir-reġjun taʼ l-Amazon, “kienet taqbadni nostalġija kbira għax kont ’il bogħod minn pajjiżi. Tgħallimt niddependi iktar mill-aħwa fil-kongregazzjoni. Kont inqishom bħala l-familja tiegħi.”
Karen, li ssemmiet fil-bidu, tosserva: “In-nostalġija kont niġġildilha billi nieħu sehem fil-ministeru kuljum. B’hekk ma kontx noqgħod naħseb il-ħin kollu dwar pajjiżi. Kont inżomm f’moħħi wkoll li l-ġenituri tiegħi lura f’pajjiżi kienu kburin bix-xogħol tiegħi f’art barranija. Ommi dejjem kienet tinkuraġġini bil-kliem: ‘Jehovah jistaʼ jieħu ħsiebek aħjar milli nistaʼ jien.’”
Makiko, li hi mill-Ġappun, tgħid bi tbissima: “Wara li nkun qattajt ġurnata sħiħa fis-servizz taʼ l-għalqa, inkun għajjiena mhux ħażin. Għalhekk, meta nasal id-dar u tibda taqbadni n-nostalġija, normalment tilħaq tmur għajni bija. Minħabba f’dan, ma ndumx wisq inħossni hekk.”
Xi Ngħidu għat-Tfal?
Meta jkun hemm it-tfal involuti, trid taħseb ukoll għall-bżonnijiet tagħhom, bħalma hi l-edukazzjoni. F’dan ir-rigward xi wħud għażlu li jedukaw lit-tfal id-dar filwaqt li oħrajn daħħlu lil uliedhom fi skejjel lokali.
Al mar joqgħod l-Amerka t’Isfel flimkien maʼ martu, iż-żewġ uliedu, u ommu. Hu jgħid: “Aħna sibna li l-fatt li nibagħtu lit-tfal tagħna l-iskola għenhom jitgħallmu l-lingwa malajr ħafna. Fi żmien tliet xhur saru fluwenti mhux ħażin.” Mill-banda l-oħra, iż-żewġ subien adolexxenti taʼ Mike u Carrie jistudjaw permezz taʼ skola rikonoxxuta li toffri korsijiet taʼ studju bil-korrispondenza. Il-ġenituri josservaw: “Aħna sibna li dan it-tip taʼ studju ma stajniex inħalluh f’idejn it-tfal u daqshekk. Kellna nieħdu sehem aħna wkoll fil-kors u nkunu ċerti li t-tfal kienu qed jagħmlu dak kollu mitlub mill-kurrikulu li kellhom.”
David u Janita, li huma mill-Awstralja, jesprimu kif iħossuhom dwar iż-żewġ uliedhom subien. “Xtaqna li s-subien tagħna jaraw b’għajnejhom stess kif jgħixu oħrajn. Huwa faċli li tassumi li l-istil taʼ ħajja li nkunu trabbejna bih huwa l-mod kif jitrabba kulħadd, imma fil-fatt huma biss minoranza li jitrabbew hekk. Huma raw ukoll kif il-prinċipji teokratiċi jaħdmu madwar id-dinja kollha, hu liema hu l-pajjiż jew il-kultura.”
“Kelli biss erbaʼ snin meta l-familja tagħna telqet mill-Ingilterra fl-1969,” jiftakar Ken. “Għalkemm kont diżappuntat li ma konniex noqogħdu f’dar tat-tajn b’saqaf tal-ħaxix bħalma kont nimmaġina qabel, ħassejt li kelli l-iktar trobbija eċċitanti li tifel qatt jistaʼ jkollu. Kien jiddispjaċini għal tfal oħrajn li ma kellhomx l-istess opportunità! Minħabba s-sħubija tajba li kelli mal-missjunarji u l-pijunieri speċjali, bdejt nagħmel ix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju meta kelli disaʼ snin.” Ken issa hu indokratur li jivvjaġġa.
“L-Ekwador huwa tassew id-dar tagħna issa,” tgħid fi qbil maʼ dan Gabriella, it-tifla taʼ Jesse. “Jien kuntenta ħafna li l-ġenituri tiegħi ddeċidew li jiġu hawn.”
Min-naħa l-oħra, kien hemm tfal li ma setgħux jidraw għal diversi raġunijiet, u l-familji tagħhom kellhom jerġgħu lura lejn pajjiżhom. Dan hu għala jkun għaqli li wieħed iżur dak il-pajjiż barrani qabel ma jmur joqgħod hemm. B’dan il-mod, id-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jsiru fuq il-bażi taʼ informazzjoni li jkun kiseb għax ra b’għajnejh stess.
Barkiet taʼ li Wieħed Imur Jaqdi f’Art Barranija
Tabilħaqq, li tmur taqdi f’art barranija jinvolvi ħafna sfidi u sagrifiċċji. Wera li kien vallapena l-isforz li għamlu dawk li marru jaqdu f’art barranija? Ejja nħallu lilhom jgħidulna.
Jesse: “Fl-għaxar snin li ilna noqogħdu fil-belt taʼ Ambato, rajna n-numru taʼ kongregazzjonijiet jikber minn 2 għal 11-il waħda. Kellna l-privileġġ li ngħinu biex jinbdew ħamsa minn dawn il-kongregazzjonijiet, u ħdimna fil-kostruzzjoni taʼ żewġ Swali tas-Saltna. Kellna wkoll il-ferħ li ngħinu medja taʼ żewġ studenti tal-Bibbja fis-sena biex jikkwalifikaw għall-magħmudija. Dispjaċir wieħed biss għandi—li ma ġejtx hawn għaxar snin qabel.”
Linda: “L-apprezzament li għandhom in-nies għall-aħbar tajba u għall-isforzi tagħna jinkuraġġina ħafna. Per eżempju, f’belt żgħira fil-ġungla, student tal-Bibbja jismu Alfonso rrealizza kemm ikun taʼ benefiċċju kieku jingħataw taħditiet pubbliċi fl-inħawi fejn joqgħod hu. Kien għadu kif mar joqgħod fid-dar taʼ l-injam ġdida tiegħu, waħda mill-ftit li hemm fir-raħal. Billi ddeċieda li d-dar tiegħu kienet l-uniku bini fir-raħal li kien jixraqlu jirrappreżenta lil Jehovah, hu reġaʼ mar joqgħod fid-dar tal-ħaxix li kellu qabel u ta d-dar tiegħu lill-aħwa biex jużawha bħala Sala tas-Saltna.”
Jim: “Il-ħin li nqattgħu attwalment nitkellmu man-nies fil-ministeru huwa għaxar darbiet iktar milli konna nqattgħu fl-Istati Uniti. Barra minn hekk, il-ħajja hawnhekk hija ferm inqas mgħaġġla. Bla dubju, għandna iktar ħin għall-istudju u għas-servizz taʼ l-għalqa.”
Sandra: “Meta nara kif il-verità tal-Bibbja tistaʼ tbiddel lin-nies għall-aħjar, dan jagħtini sodisfazzjon kbir. Darba kont nistudja l-Bibbja maʼ Amada, mara taʼ 69 sena li kellha ħanut żgħir tal-merċa. Regolarment, maʼ kull għaxar litri ħalib kienet iżżid żewġ litri ilma. Kienet tkompli tqarraq bil-parruċċani tagħha billi tnaqqsilhom mill-flixkun tal-ħalib imħallat li tbigħilhom. Imma wara li studjat il-materjal taħt is-sottitlu ‘L-Onestà Tirriżulta f’Hena’ fil-kapitlu 13 tal-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, Amada waqqfet dawn il-prattiċi ħżiena. Kemm fraħt meta rajtha titgħammed xi żmien wara dan!”
Karen: “Qatt ma kelli niddependi daqshekk fuq Jehovah jew niġi wżata minnu daqs kemm kont minn mindu ġejt hawnhekk. Il-ħbiberija tiegħi maʼ Jehovah kibret u ssodat iktar.”
Xi Ngħidu Għalik?
Matul is-snin eluf taʼ Xhieda marru jaqdu f’art barranija. Xi wħud jibqgħu hemm xi sena jew sentejn, oħrajn imorru għal kollox. Huma jieħdu magħhom l-esperjenza, il-maturità spiritwali, u r-riżorsi finanzjarji tagħhom, bl-għan li jżidu l-interessi tas-Saltna f’art barranija. Huma setgħu jaqdu fi nħawi fejn il-pubblikaturi tas-Saltna lokali ma setgħux minħabba n-nuqqas taʼ xogħol sekulari. Ħafna xtraw vetturi li jingranaw fuq erbaʼ roti biex ikopru territorju li altrimenti ma jkunx jistaʼ jintlaħaq. Oħrajn, billi jippreferu l-ħajja tal-belt, saru fattur li jistabbilizza ġewwa kongregazzjonijiet kbar fejn hemm ftit anzjani. Madankollu, mingħajr ebda eċċezzjoni, ilkoll jinsistu li rċivew ħafna iktar milli taw f’dawk li huma barkiet spiritwali.
Huwa possibbli li int ukoll ikollok il-privileġġ li taqdi f’art barranija? Jekk iċ-ċirkustanzi tiegħek jippermettu, għala ma tinvestigax il-possibbiltà li tagħmel dan? Wieħed mill-ewwel u l-iktar passi essenzjali jkun li tikteb lill-uffiċċju tal-fergħa tas-Soċjetà fil-pajjiż fejn qed taħseb biex tmur taqdi. L-informazzjoni speċifika li tirċievi se tgħinek biex tiddetermina ċ-ċans li għandek biex tirnexxi. Iktar minn hekk, tistaʼ ssib ħafna suġġerimenti prattiċi fl-artiklu “Itlaq lil Pajjiżek u lil Qrabatek,” fil-ħarġa tal-15 t’Awissu, 1988, taʼ The Watchtower. Bi ppjanar xieraq u bil-barka taʼ Jehovah, forsi int ukoll tistaʼ tesperjenza l-ferħ li taqdi f’art barranija.
[Stampa f’paġna 24]
TOM U LINDA FI TREJQA F’POST IMWARRAB, FI TRIQITHOM LEJN KOMUNITÀ TAʼ L-INDJANI SHUAR
[Stampa f’paġna 25]
ĦAFNA JAQDU ĠEWWA QUITO, IL-BELT KAPITALI TAʼ L-EKWADOR
[Stampa f’paġna 25]
MAKIKO TIPPRIEDKA FIL-MUNTANJI ANDES
[Stampa f’paġna 26]
IL-FAMILJA HILBIG ILHA TAQDI FL-EKWADOR GĦAL DAWN L-AĦĦAR ĦAMES SNIN