Dedikazzjoni taċ-Ċentru Edukattiv tal-Watchtower—Festa lil Jehovah
SA MILL-eqdem żminijiet, il-festi mimlijin ferħ kienu jagħmlu parti mill-qima vera. Xi wħud mill-festi li kienu jinżammu f’Iżrael tal-qedem kienu jdumu ġranet sħaħ u kienu jattendu għalihom eluf kbar t’adoraturi taʼ Jehovah. L-inawgurazzjoni tat-tempju taʼ Salamun damet għaddejja sebat ijiem u kienet segwita mill-Festa taʼ l-Għerejjex li damet għaddejja ġimgħa sħiħa. Dan ipprovda opportunità lill-Iżraeliti biex jirriflettu fuq il-mod meraviljuż taʼ kif Jehovah kien tratta magħhom. Huma marru lura d-dar “ferħana u qalbhom hienja għall-ġid kollu li għamel il-Mulej.”—1 Slaten 8:66.
Dak li ġara bejn is-17 u t-22 taʼ Mejju, 1999, fiċ-Ċentru Edukattiv tal-Watchtower f’Patterson, New York, fl-Istati Uniti, fakkar lill-viżitaturi f’dawk il-festi mimlijin ferħ tal-qedem. Din kienet ġimgħa t’attività speċjali ċentrata fuq id-dedikazzjoni taʼ kumpless magħmul minn 28 binja li huwa disinjat biex jippromwovi l-edukazzjoni Biblika madwar il-globu. Saru provvedimenti biex il-5,400 membru kollha taʼ l-istaff tal-kwartieri ġenerali fi Brooklyn, Wallkill, u Patterson ikunu jistgħu jaraw fid-dettall il-faċilitajiet taʼ Patterson matul dik il-ġimgħa memorabbli. Fost il-mistidnin kien hemm iktar minn 500 ruħ li qabel kienu membri taʼ l-istaff u li kienu ħadu sehem fix-xogħol tal-bini taċ-ċentru edukattiv. Kien hemm ukoll rappreżentanti minn 23 fergħa tal-Watch Tower Society, u oħrajn mill-kongregazzjonijiet tal-qrib—total taʼ mill-inqas 8,100 ruħ.
Esibizzjonijiet Jipprovdu Edukazzjoni waqt iż-Żjara
Esibizzjonijiet speċjali, preżentazzjonijiet edukattivi fuq il-vidjo, u żjajjar bir-rotta indikata minn qabel biex jiggwidaw lil dak li jkun ġew irranġati sabiex il-viżitaturi jsiru midħla taċ-ċentru edukattiv. Fl-entratura prinċipali, il-viżitaturi mill-ewwel laqathom mudell tat-tempju skond l-iskala li kien jeżisti f’Ġerusalemm matul il-perijodu tal-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art. Esibizzjonijiet oħrajn ġibdu l-attenzjoni lejn l-istorja bikrija taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead), konvenzjonijiet storiċi, u laqgħat tal-kongregazzjoni. Oħrajn urew l-iżvilupp li qed isir fi żmienna rigward l-istudji tal-Bibbja fid-djar u li qed jiġu kondotti kull ġimgħa bil-miljuni, u x-xogħol li qiegħed isir mid-Dipartiment Legali ħalli t-triq tibqaʼ miftuħa għal attività bħal din. Dan kollu qed isir biex jiġi obdut il-kmand taʼ Ġesù.—Mattew 28:19, 20.
Fl-awditorju biswit, li jesaʼ faċilment 1,700 ruħ bil-qegħda, dawk li kienu qed iżuru ċ-ċentru matul il-festi tad-dedikazzjoni raw preżentazzjoni taʼ 33 minuta fuq vidjo intitolata “Mhux bil-Qawwa—Bl-Ispirtu Tiegħi!” Dan il-vidjo wera kif inħoloq iċ-Ċentru Edukattiv tal-Watchtower. Fl-intervisti li saru ssemmew każijiet li jindikaw biċ-ċar id-direzzjoni taʼ Jehovah fil-kwistjoni u l-mod kif bierek l-isforzi sabiex dan il-proġett li dam għaddej 15-il sena setaʼ jitlesta b’suċċess. Kien hemm eluf li ħadu sehem fix-xogħol attwali tal-bini. F’perijodu minnhom fl-1994 kien hemm 526 ħaddiem fuq il-post, inkluż 350 volontier full-time, 113-il ħaddiem temporanju, u 63 li kienu jiġu kuljum fuq il-post biex jagħtu daqqa t’id. Ħafna oħrajn appoġġaw ix-xogħol permezz tad-donazzjonijiet. Ilkoll kemm huma jirrealizzaw li dan kollu qatt ma kien ikun possibbli mingħajr l-ispirtu taʼ Jehovah.—Żakkarija 4:6.
Dawk li żaru l-post setgħu jaraw li l-iskop prinċipali tax-xogħol li qiegħed isir fiċ-ċentru edukattiv huwa l-avvanz tat-tagħlim divin. L-esibizzjoni li hemm fl-entratura għall-Iskola taʼ Gilgħad, li tinsab fl-ewwel sular tal-bini taʼ l-iskola, enfasizzat il-wirt spiritwali u abbundanti u l-istorja taʼ l-iskola. Minn meta nżammet l-ewwel klassi fl-1943 fil-kampus oriġinali taʼ l-iskola f’South Lansing, New York, l-Iskola taʼ Gilgħad ħarrġet iktar minn 7,000 student għas-servizz missjunarju. Esibizzjonijiet fit-tieni sular tal-bini taʼ l-iskola pprovdew xeni taʼ l-Iskola għall-Membri tal-Kumitati tal-Fergħa u l-Iskola għall-Indokraturi li Jivvjaġġaw. Iż-żewġ skejjel isirulhom il-lezzjonijiet hemmhekk. Minn meta bdiet f’Novembru taʼ l-1995, l-iskola tal-fergħa pprovdiet tagħlim avanzat għal 360 membru tal-Kumitati tal-Fergħa minn 106 pajjiżi.
Waqt iż-żjara, il-viżitaturi mill-ewwel irrealizzaw li ħafna drabi, setgħu jaraw iktar milli sempliċement esibizzjoni taʼ ritratti. Setgħu jibqgħu deħlin ġod-diversi dipartimenti, iżuru l-uffiċċji u postijiet oħra tax-xogħol, u jieħdu idea iktar dettaljata tax-xogħol li qiegħed isir. Taʼ interess speċjali waqt iż-żjara kien hemm il-binja tas-Servizzi taʼ l-Awdjo u tal-Vidjo. X’faċilitajiet mill-aqwa qed jintużaw hemmhekk sabiex tiġi avanzata l-edukazzjoni Biblika! Permezz taʼ serje t’esibizzjonijiet informattivi u vidjos qosra, il-viżitaturi ġew megħjunin jifhmu kif isiru r-rikordings tal-vuċijiet u kif jitħejjew il-vidjos. Tgħallmu wkoll xi ħaġa dwar ir-riċerka estensiva li hija involuta fit-tħejjija taʼ l-armar u l-kostumi. Raw kif ix-xeni tal-palk jinbnew bl-inqas spiża possibbli imma b’attenzjoni kbira għal kull dettall. Raw b’għajnejhom kif tintuża l-mużika ħalli n-nies iħossuhom li huma attwalment fix-xena li jkunu qed jaraw. Mill-1990 s’issa s-Soċjetà pproduċiet għaxar vidjos f’41 lingwa, li jkopru varjetà taʼ temi Bibliċi, flimkien maʼ vidjos oħrajn għal dawk l-uħud li jużaw il-Lingwa Amerikana bis-Sinjali.
Ħafna minn dawk li żaru l-post marru fil-Laboratorju tal-Fotografija, fid-Dipartiment taʼ l-Arti, u fis-Servizzi taʼ l-Informazzjoni, fejn jiġu provduti taħriġ u għajnuna rigward kompjuters. Dawn żaru wkoll id-Dipartiment tas-Servizz, li josserva u jidderieġi l-attività taʼ 11,242 kongregazzjoni u 572 indokratur li jivvjaġġa, u l-Korrispondenza bil-Kitba, fejn jiġu trattati madwar 14,000 mistoqsija fis-sena. Dawn baqgħu impressjonati bir-riċerka involuta fl-ittri li jintbagħtu u t-tħassib ġenwin muri lejn dawk li mill-mistoqsijiet tagħhom tinduna li qegħdin jipprovaw ikampaw maʼ problemi serji.
Ħafna minn dawk li daru mal-post żaru wkoll is-Servizzi tat-Traduzzjoni. Dawn baqgħu sorpriżi meta saru jafu li matul dawn l-aħħar ħames snin, 102 lingwi oħrajn żdiedu man-numru li bihom is-Soċjetà tipprovdi letteratura Biblika. Madwar id-dinja, mat-80 fil-mija tax-Xhieda taʼ Jehovah jaqraw il-pubblikazzjonijiet tas-Soċjetà f’lingwi oħrajn barra l-Ingliż. Biex jiġu sodisfati l-ħtiġijiet tagħhom, hemm iktar minn 1,700 volontier li qed jaħdmu fil-qasam tat-traduzzjoni f’100 pajjiż differenti. Esibizzjonijiet urew It-Torri taʼ l-Għassa bil-lingwi taʼ l-Amerka taʼ Fuq u t’Isfel, taʼ l-Ewropa, taʼ l-Asja u taʼ l-Afrika. Il-viżitaturi setgħu jaraw it-traduzzjoni tal-Bibbja tan-New World Translation fil-31 lingwa li ġiet pubblikata. Tgħallmu li l-pubblikazzjonijiet tal-Watch Tower issa jinsabu disponibbli fi 332 lingwa u li l-browxer Alla X’Jirrikjedi Minna? ġie pubblikat f’219 minn dawn il-lingwi.
Il-viżitaturi li żaru d-Dipartiment Legali ġew murijin id-diversi oqsma t’attività li jinħtieġu attenzjoni legali madwar id-dinja. Permezz taʼ vidjo, dawn raw smigħ attwali f’qorti fejn avukat Xhud kien qiegħed jiddefendi każ li jinvolvi t-trasfużjoni tad-demm. Dawn tgħallmu wkoll x’qed isir ħalli t-triq tibqaʼ miftuħa għax-xandir pubbliku taʼ l-aħbar tajba. (Filippin 1:7) Inġibdet l-attenzjoni lejn id-deċiżjoni li ttieħdet f’Marzu taʼ din is-sena minn qorti distrettwali federali, fejn il-borough taʼ Oradell, fi New Jersey, l-Istati Uniti, ġie ordnat ibiddel il-liġijiet tiegħu sabiex ma jkomplix jimponi fuq ix-Xhieda taʼ Jehovah l-ħtieġa taʼ permessi u badges biex jieħdu sehem fil-ministeru pubbliku tagħhom minn dar għal dar f’dik il-komunità.
Il-viżitaturi raw ħafna iktar affarijiet milli ssemmew s’issa. Huma eżaminaw esibizzjonijiet taʼ bini fl-Istabbiliment tal-Precast u żaru l-faċilitajiet konnessi maʼ l-Ipproċessar tad-Drenaġġ, l-Impjant taʼ l-Elettriku, il-Faċilità konnessa mat-Trattament taʼ l-Ilma, u l-għadd taʼ stabbilimenti taʼ manutenzjoni, minbarra affarijiet oħrajn. Kienet tassew opportunità unika!
Il-Programm taʼ Dedikazzjoni Jenfasizza l-Edukazzjoni Divina
Il-programm innifsu tad-dedikazzjoni nżamm l-Erbgħa, 19 taʼ Mejju, u beda fl-4:00 taʼ wara nofsinhar. Il-ġemgħa ferriħija taʼ 6,929 ruħ kienet tinkludi membri taʼ l-istaff tal-kwartieri ġenerali, mistidnin tas-Soċjetà, u 372 ruħ miġburin fil-fergħa tal-Kanada, li kienet konnettjata elettronikament.
In-nies fl-udjenza tassew ħadu pjaċir jisimgħu l-kliem inkuraġġanti taʼ merħba mingħand Milton.G.Henschel, il-president tal-Watch Tower Society. Imbagħad Theodore Jaracz, membru tal-Ġemgħa li Tiggverna u chairman għall-okkażjoni, introduċa lil William Malenfant. Fil-preżentazzjoni tiegħu, “Punti Prinċipali mill-Programm tal-Bini,” hu intervista tliet aħwa li kellhom irwoli importanti fl-iżvilupp, tfassil, u bini taċ-Ċentru Edukattiv tal-Watchtower. Waqt l-intervisti ntqal li matul is-snin tax-xogħol attwali tal-bini, iktar minn 8,700 ħaddiem temporanju kienu ġew bi spejjeż tagħhom stess biex jaħdmu fuq il-proġett. X’testimonjanza mill-aħjar taʼ l-unità u l-ġenerożità li jsiru possibbli permezz tat-tagħlim divin!
Wara dan kien hemm simposju intitolat “Edukazzjoni Divina fuq Skala Globali.” Dan ġie preżentat minn erbaʼ membri tal-Ġemgħa li Tiggverna. John E. Barr enfasizza l-punt li l-edukazzjoni divina għandha l-bażi tagħha fil-Kelma t’Alla, il-Bibbja, li tinkuraġġixxi lill-Kristjani biex ‘ikomplu jagħmlu frott taʼ kull għamil tajjeb u jikbru fil-għarfa taʼ Alla.’ (Kolossin 1:10) Daniel Sydlik tkellem dwar kif l-edukazzjoni divina hija organizzata b’mod teokratiku mill-kap tal-kongregazzjoni Kristjana, Ġesù Kristu, u minn hemm għal fuq kull membru tal-fratellanza dinjija. (1 Korintin 12:12-27) L-aħħar żewġ partijiet tas-simposju, żviluppati minn Gerrit Lösch u Carey Barber, urew kif l-edukazzjoni divina tikkwalifika lil ministri biex jilħqu lin-nies taʼ kullimkien u jgħallmuhom sabiex huma wkoll ikunu jistgħu jimxu fit-triq t’Alla.—Isaija 2:1-4; 2 Korintin 3:5.
Sabiex in-nies fl-udjenza jsiru midħla tad-diversi skejjel li jiffunzjonaw f’dan iċ-ċentru edukattiv, ġew kondotti intervisti u diskussjonijiet maʼ l-għalliema kif ukoll m’oħrajn li huma involuti fit-tmexxija taʼ l-iskejjel. Hawnhekk intwera l-irwol li għandha kull skola f’li twettaq il-programm t’edukazzjoni divina fuq skala globali. Ħareġ il-punt li l-Iskola taʼ Gilgħad tiffoka fuq studju taʼ kull ktieb tal-Bibbja, fuq l-istorja fi żmienna tal-poplu taʼ Jehovah, u fuq it-tħejjija għas-servizz missjunarju. L-iskola tal-fergħa tinvolvi studju dettaljat għall-aħħar tal-bosta oqsma t’attività li huma involuti fihom il-membri tal-Kumitat tal-Fergħa. L-Iskola għall-Indokraturi li Jivvjaġġaw hija disinjata mhux biss biex tilħaq il-bżonnijiet taʼ l-aħwa li jivvjaġġaw, imma wkoll biex tgħammarhom ħalli jipprovdu x-xorta taʼ għajnuna spiritwali li tkun tistaʼ tibbenefika speċjalment lill-kongregazzjonijiet.
Biex jagħlaq il-programm mill-isbaħ, Lloyd Barry tal-Ġemgħa li Tiggverna ta t-taħdita tad-dedikazzjoni bis-suġġett “Nibnu Flimkien mal-Ħallieq Grandjuż Tagħna.” Hu ħareġ il-punt li l-Ħallieq, Jehovah, jitgħaxxaq bil-ħolqien kollu tiegħu u jistidinna biex nifirħu miegħu. (Isaija 65:18) Peress li “dak li jibni kollox hu Alla,” il-kredtu aħħari għal dan il-bini kollu jingħata lil Alla Jehovah. (Lhud 3:4) Wara li esprima dawn il-ħsibijiet, il-kelliem qal talba mill-qalb u ddedika ċ-Ċentru Edukattiv tal-Watchtower lil Jehovah, il-Ħallieq Grandjuż tagħna.a
M’hemm l-ebda dubju li dawk li attendew se jibqgħu jiftakru għal żmien twil il-festi li seħħew matul il-ġimgħa kollha. Għala ma tirranġax biex iżżur iċ-Ċentru Edukattiv tal-Watchtower? Aħna ċerti li żjara bħal din se ssibha taʼ inkuraġġiment għalik hekk kif tagħmel sforz biex titgħallem iktar dwar il-Ħallieq tagħna kollu mħabba u tgħix fi qbil mal-livelli taʼ tjieba tiegħu.
[Nota taʼ taħt]
a Ħuna Barry temm lealment il-korsa tiegħu fuq l-art fit-2 taʼ Lulju, 1999. Ara It-Torri taʼ l-Għassa taʼ l-1 t’Ottubru, 1999, paġna 16.
[Stampi f’paġna 10]
Awditorju ppakkjat u l-kamra taʼ l-ikel mimlija nies li ma kienx hemm post għalihom
[Stampi f’paġna 10]
Iż-żjajjar kienu tassew xi ħaġa ferriħija