X’Jistaʼ Jsir Dwar l-Iskuraġġiment?
KIF jistaʼ xi ħadd jiġġieled kontra l-iskuraġġiment? Din kienet il-mistoqsija li tpoġġiet lil diversi indokraturi li jivvjaġġaw, li jżuru regolarment il-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah. It-tweġibiet tagħhom jistgħu jgħinuna nanalizzaw x’inhuma l-affarijiet li jikkaġunaw l-iskuraġġiment u x’rimedji hemm għal din il-kundizzjoni li tistaʼ teffettwa lil kwalunkwe Kristjan.
Biex nikkumbattu l-iskuraġġiment hemm bżonn iktar milli sempliċement nanalizzaw il-problema, imma s-sintomi għandhom mnejn jinkludu nuqqas taʼ interess fit-talb jew fl-istudju persunali, attendenza inqas regulari għal-laqgħat, nuqqas taʼ entużjażmu, u saħansitra ċerta bruda lejn Kristjani sħabna. Madankollu, wieħed mill-iktar sinjali li jindika dan huwa t-tnaqqis f’daqqa fiż-żelu għall-evanġelizzar. Ejja neżaminaw is-sintomi u nikkunsidraw xi rimedji.
L-Iskuraġġiment fix-Xogħol Tagħna taʼ l-Evanġelizzar
Ġesù Kristu kien konxju tad-diffikultajiet assoċjati maʼ l-inkarigu taʼ li nagħmlu dixxipli. (Mattew 28:19, 20) Hu bagħat lis-segwaċi tiegħu bħal “nagħaġ qalb l-ilpup,” billi kien jaf li l-attività tagħhom taʼ l-ippridkar kienet se ġġib il-persekuzzjoni fuqhom. (Mattew 10:16-23) Madankollu, din ma kinitx raġuni biex huma jsiru skuraġġiti. Fil-fatt, qaddejja t’Alla li straħu bit-talb fuq Jehovah taʼ spiss ġew imsaħħin permezz tal-persekuzzjoni.—Atti 4:29-31; 5:41, 42.
Anki meta d-dixxipli taʼ Kristu ma kinux għaddejjin minn persekuzzjoni ħarxa, huma mhux dejjem intlaqgħu tajjeb. (Mattew 10:11-15) B’mod simili, illum mhux dejjem ikun faċli għax-Xhieda taʼ Jehovah biex jagħmlu x-xogħol taʼ l-ippridkar.a Għal ħafna nies, it-twemmin f’Alla huwa kwistjoni persunali li ma jkunux jixtiequ jiddiskutuha. Oħrajn ma jkunu jridu li jkollhom xejn x’jaqsmu maʼ organizzazzjoni reliġjuża li huma għandhom ċerti preġudizzji lejha. Bla dubju taʼ xejn, l-indifferenza, in-nuqqas taʼ riżultati pożittivi, u diversi problemi oħrajn jistgħu jikkaġunaw skuraġġiment kbir. Kif nistgħu negħlbuhom dawn l-ostakli?
Niksbu Riżultati Aħjar
Il-ferħ li jġibilna l-ministeru f’ċertu sens huwa relatat mar-riżultati li niksbu. Allura kif jistaʼ jkollna ministeru iktar produttiv? Sewwa, aħna “sajjieda tal-bnedmin.” (Mark 1:16-18) Is-sajjieda f’Iżrael tal-qedem kienu joħorġu jistadu bil-lejl, għax f’dan il-ħin l-iktar li kienu jaqbdu ħut. Aħna wkoll għandna bżonn nanalizzaw it-territorju tagħna sabiex immorru “nistadu” f’ħin meta l-maġġuranza tan-nies ikunu d-dar u jkun hemm iktar ċans li jilqgħu l-messaġġ tagħna. Dan jistaʼ jkun fil-għaxija, fi tmiem il-ġimgħa, jew f’xi ħin ieħor. Skond indokratur li jivvjaġġa, dan huwa prattiku fi nħawi fejn in-nies jaħdmu l-ġurnata kollha. Hu josserva li taʼ spiss l-għoti taʼ xiehda fil-għaxija jkollu riżultati eċċellenti. L-għoti taʼ xiehda bit-telefon jew b’mod informali wkoll jgħinna nilħqu iktar nies.
Il-perseveranza fil-ministeru tipproduċi riżultati tajbin. Fl-Ewropa tal-Lvant u f’ċerti pajjiżi Afrikani, qed isir progress mill-aħjar fix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna, u dan irriżulta fi żjidiet tajbin. B’mod simili, ġew ifformati ħafna kongregazzjonijiet fi nħawi li kienu ilhom meqjusin bħala li m’humiex produttivi jew saħansitra f’territorju li jinħadem taʼ spiss. Madankollu, xi ngħidu jekk it-territorju tiegħek mhux qed jipproduċi riżultati bħal dawn?
Inżommu Attitudni Tajba
Jekk inżommu l-miri li stabbilixxa Ġesù ċari f’moħħna, dan se jgħinna biex ma nsirux skuraġġiti meta niffaċċjaw l-indifferenza fil-ministeru. Kristu ried li d-dixxipli tiegħu jfittxu lil dawk li jistħoqqilhom, u mhux li jikkonvertu lil mases kbar taʼ nies. F’diversi okkażjonijiet, hu wera li l-maġġuranza l-kbira tan-nies ma kinux se jaċċettaw l-aħbar tajba, l-istess bħalma l-biċċa l-kbira taʼ l-Iżraeliti ma tawx widen lill-profeti tal-qedem.—Eżekjel 9:4; Mattew 10:11-15; Mark 4:14-20.
L-“Evanġelju tas-Saltna” jintlaqaʼ bi gratitudni minn dawk l-individwi li huma “konxji tal-bżonn spiritwali tagħhom.” (Mattew 5:3, NW; 24:14) Dawn ikunu jridu jaqdu lil Alla bil-mod li jispeċifika hu. Għaldaqstant, ir-riżultati taʼ l-attività tagħna huma konnessi iktar mal-kundizzjoni tal-qalb tan-nies milli mal-kapaċità tagħna f’li nippreżentaw il-messaġġ. M’għandniex xi ngħidu, jeħtieġ li nagħmlu l-aħjar tagħna biex l-aħbar tajba tolqothom lin-nies. Madankollu, ir-riżultati jiddependu minn Alla, għax Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajjmu mill-imwiet fl-aħħar jum.”—Ġwann 6:44.
Ix-xogħol tagħna taʼ l-evanġelizzar jagħmel isem Jehovah magħruf. Sew jekk in-nies jagħtu widen u sew jekk le, l-attività tagħna taʼ l-ippridkar tikkontribwixxi għat-taqdis taʼ l-isem qaddis taʼ Jehovah. Barra minn hekk, permezz tax-xogħol tagħna taʼ l-evanġelizzar, nagħtu prova li aħna dixxipli taʼ Kristu, u għandna l-privileġġ li nieħdu sehem fl-iktar missjoni importanti li qegħda titwettaq fi żmienna.—Mattew 6:9; Ġwann 15:8.
L-Iskuraġġiment u r-Relazzjonijiet Tagħna m’Oħrajn
Ċerti relazzjonijiet umani, fil-familja jew fil-kongregazzjoni, jistgħu jkunu taʼ skuraġġiment. Per eżempju, nistgħu nħossu li oħrajn ma jifhmuniex. L-imperfezzjonijiet taʼ sħabna fit-twemmin għandhom mnejn jiskuraġġuna wkoll. Anki f’dan ir-rigward, l-Iskrittura tistaʼ tkun t’għajnuna kbira għalina.
“L-aħwa kollha” madwar id-dinja jifformaw familja spiritwali kbira. (1 Pietru 2:17, Saydon) Imma wieħed jistaʼ ma jibqax iħossu parti minn poplu magħqud meta jqumu xi diffikultajiet minħabba konflitti tal-personalità. Evidentement, il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu ma kinux ħelsin minn problemi bħal dawn, ladarba l-appostlu Pawlu kellu jfakkarhom ripetutament biex jgħixu flimkien f’unità. Per eżempju, hu ħeġġeġ lil żewġ nisa Kristjani—Evodja u Sintiki—biex isolvu d-differenzi taʼ bejniethom.—1 Korintin 1:10; Efesin 4:1-3; Filippin 4:2, 3.
Jekk din hi l-problema tagħna, kif nistgħu nerġgħu nkebbsu mħabba sinċiera għal ħutna? Billi nfakkru lilna nfusna li Kristu miet għalihom u li huma, bħalna, eżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju li hu ħallas bħala prezz għall-fidwa. Nistgħu wkoll inżommu f’moħħna li ħafna minn ħutna huma lesti li jimitaw lil Ġesù Kristu billi jissograw ħajjithom għalina.
Xi snin ilu, f’Pariġi, ġewwa Franza, wieħed Xhud żagħżugħ ma qagħadx jaħsibha biex jaqbad bagalja b’bomba ġo fiha li kienet tqegħdet barra s-Sala tas-Saltna. Hu kellu jinżel diversi indani taraġ qabel setaʼ jwaddabha ġo funtana, fejn imbagħad splodiet. Meta staqsewh x’kien li wasslu biex jissogra ħajtu b’dan il-mod, hu wieġeb: “Irrealizzajt li ħajjitna kienet fil-periklu. Għalhekk ħsibt li kien ikun aħjar jekk immut jien biss milli mmutu lkoll.”b X’barka hi li għandna bħala sħabna lil aħwa bħal dawn, li huma lesti li jimitaw l-eżempju taʼ Ġesù tant mill-qrib!
Iktar minn hekk, nistgħu nimmeditaw fuq l-ispirtu taʼ kooperazzjoni li kien jeżisti fost ix-Xhieda taʼ Jehovah li kienu fil-kampijiet tal-konċentrament matul it-Tieni Gwerra Dinjija.c Iktar reċenti, ħutna fil-Malawi billi wrew l-istess fedeltà żammew l-integrità tagħhom bħala Kristjani veri. Meta naħsbu li ħutna fil-kongregazzjoni tagħna se jaġixxu l-istess taħt ċirkustanzi diffiċli, ma jqanqalniex dan biex ninjoraw jew għall-inqas inċekknu t-tensjonijiet u d-diffikultajiet taʼ kuljum? Jekk nikkultivaw il-moħħ taʼ Kristu ġewwa fina, ir-relazzjonijiet taʼ kuljum tagħna m’adoraturi sħabna se jirrifreskawna, mhux jiskuraġġuna.
Sentimenti Persunali Skuraġġanti
“It-tama mtawwla tmarrad il-qalb, imma xewqa maqtugħa hi bħal siġra tal-ħajja.” (Proverbji 13:12) F’għajnejn xi wħud mill-qaddejja taʼ Jehovah, it-tmiem taʼ din is-sistema ħażina t’affarijiet m’huwiex ġej malajr daqs kemm jixtiequ huma. Il-Kristjani jsibu li ż-żmien li qed ngħixu fih huwa “żmien iebes,” l-istess bħal ħafna nies oħrajn li m’humiex taʼ l-istess twemmin.—2 Timotju 3:1-5.
Madankollu, f’kuntrast maʼ nies li m’humiex taʼ l-istess twemmin, il-Kristjani għandhom jifirħu li f’dawn il-kundizzjonijiet taʼ prova jistgħu jaraw is-“sinjal” tal-preżenza taʼ Ġesù, li jindika li s-Saltna t’Alla dalwaqt se ġġib fi tmiem lil din is-sistema t’affarijiet mill-agħar. (Mattew 24:3-14) Saħansitra meta s-sitwazzjoni tmur għall-agħar—kif żgur se jiġri waqt it-“tribulazzjoni kbira”—dawn il-ġrajjiet ikunu sors taʼ ferħ għalina għaliex iħabbru l-wasla tad-dinja l-ġdida t’Alla.—Mattew 24:21, NW; 2 Pietru 3:13.
Jekk Kristjan iwarrab minn moħħu l-fatt li s-Saltna se tintervieni fl-affarijiet tal-preżent, dan jistaʼ jġagħlu jiddedika iżjed u iżjed ħin għal interessi materjali. Jekk iħalli affarijiet bħax-xogħol sekulari u d-divertiment jiħdulu l-ħin u l-enerġija kollha tiegħu, ikun diffiċli għalih biex iwettaq ir-responsabbiltajiet Skritturali tiegħu kif jixraq. (Mattew 6:24, 33, 34) Attitudni bħal din x’aktarx li ġġib il-frustrazzjoni, li twassal għall-iskuraġġiment. Indokratur li jivvjaġġa kkummenta: “M’hijiex ħaġa realistika li nipprovaw nibnu imitazzjoni fqira tas-sistema l-ġdida f’din is-sistema t’affarijiet.”
Tnejn mill-Aqwa Rimedji
Ladarba l-kaġun tal-problema jkun ġie identifikat, wieħed kif jistaʼ jsib rimedju tajjeb? L-istudju persunali huwa wieħed mill-aqwa metodi disponibbli. Għala? “Għax ifakkarna fir-raġunijiet għala nagħmlu dak li nagħmlu,” irrimarka indokratur li jivvjaġġa. Jerġaʼ ieħor spjega: “Li nippridkaw sempliċement għax inħossuna obbligati maż-żmien jibda jkun taʼ piż.” Imma studju persunali tajjeb jgħinna nerġgħu niksbu ħarsa ċara taʼ l-irwol tagħna hekk kif noqorbu iktar lejn it-tmiem. Fuq l-istess linja taʼ ħsieb, l-Iskrittura tfakkarna ripetutament dwar il-ħtieġa li nkunu mitmugħin tajjeb spiritwalment sabiex insibu l-ferħ veru f’li nagħmlu r-rieda t’Alla.—Salm 1:1-3; Salm 19:8-11 [Salm 19:7-10, NW]; Salm 119:1, 2.
L-anzjani jistgħu jgħinu lil oħrajn jegħlbu l-iskuraġġiment billi jmorru għandhom biex jagħmlulhom żjajjar pastorali inkuraġġanti. Waqt dawn iż-żjajjar privati, l-anzjani jistgħu juru li kull wieħed minna huwa apprezzat ferm u jokkupa post importanti fost il-poplu taʼ Jehovah. (1 Korintin 12:20-26) Billi rrefera għal Kristjani sħabu, wieħed anzjan qal: “Biex nenfasizza l-valur tagħhom, infakkarhom f’dak li jkunu wettqu fil-passat. Niġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li huma prezzjużi f’għajnejn Jehovah u li d-demm taʼ Ibnu ġie mxerred għalihom. Dan ir-raġunar dejjem ikollu suċċess. Ladarba dan ikun ġie appoġġat minn referenzi Bibliċi konkreti, uħud skuraġġiti jkunu f’pożizzjoni li jistabbilixxu miri ġodda, bħat-talb u l-istudju bħala familja, kif ukoll il-qari tal-Bibbja.—Lhud 6:10.
Waqt iż-żjajjar pastorali, l-anzjani jridu joqogħdu attenti li ma jagħtux l-impressjoni li lil Alla qatt ma nistgħu nogħġbuh biżżejjed. Minflok, l-anzjani jistgħu jgħinu lil adoraturi sħabhom li jkunu skuraġġiti jaraw li t-tagħbija tagħhom bħala segwaċi taʼ Ġesù hija ħafifa. Minħabba f’hekk, is-servizz Kristjan tagħna jkun sors taʼ ferħ.—Mattew 11:28-30.
Nirbħu l-Ġlieda Kontra l-Iskuraġġiment
Hu x’inhu li jikkaġuna l-iskuraġġiment, dan huwa pjaga li rridu niġġildulha. Ftakar, iżda, li m’aħniex waħedna f’din il-ġlieda. Jekk inħossuna skuraġġiti, ejja naċċettaw l-għajnuna taʼ Kristjani sħabna, speċjalment taʼ l-anzjani. Billi nagħmlu hekk, inkunu nistgħu nnaqqsu s-sentimenti taʼ skuraġġiment.
Fuq kollox, jeħtieġ li nduru lejn Alla għall-għajnuna biex negħlbu l-iskuraġġiment. Jekk nistrieħu fuq Jehovah bit-talb, hu jistaʼ jgħinna niksbu rebħa assoluta fil-ġlieda tagħna kontra l-iskuraġġiment. (Salm 55:22, NW; Filippin 4:6, 7) Xorta waħda, bħala l-poplu tiegħu nistgħu nħossuna bħalma ħassu s-salmista, li kanta: “Hieni l-poplu li jaf jgħajjat bil-ferħ, li jimxi, Mulej, fid-dawl taʼ wiċċek. B’ismek jithennew il-jum kollu, u bil-ġustizzja tiegħek jifirħu. Għax inti l-foħrija tal-qawwa tagħhom; għal tjubitek nerfgħu rasna fl-għoli.”—Salm 89:16-18 [Salm 89:15-17, NW].
[Noti taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “The House-to-House Challenge” (L-Isfida taʼ l-Ippridkar minn Dar għal Dar) f’The Watchtower tal-15 taʼ Mejju, 1981.
b Ara paġni 12 u 13 fl-Awake! tat-22 taʼ Frar, 1985, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
c Ara l-artikli “I Survived the ‘Death March’” (Bqajt Ħaj wara l-‘Mixja tal-Mewt’) f’The Watchtower tal-15 t’Awissu, 1980, u “Keeping Integrity in Nazi Germany” (Kif Żammejt l-Integrità fil-Ġermanja Nazista) fl-Awake! tat-22 taʼ Ġunju, 1985.
[Stampa f’paġna 31]
Żjajjar pastorali li jibnu minn anzjani kollhom imħabba jistgħu jgħinu lill-Kristjani jegħlbu l-iskuraġġiment