Magħmulin Żgħar imma Qalbhom Kbira
KIEKU int kif tħossok li titkellem maʼ nies li ma tafhomx dwar is-Saltna t’Alla jekk tkun twil 76 ċentimetru biss? Laura tistaʼ tgħidlek. Taʼ 33 sena, dak hu t-tul tagħha, 76 ċentimetru biss. Hi u oħtha María, li għandha 24 sena u twila 86 ċentimetru, jgħixu fi Quito, l-Ekwador. Ħa nħalluhom jispjegaw l-ostakli li jiffaċċjaw fil-ministeru Kristjan tagħhom.
“Sabiex immorru fit-territorju tagħna taʼ l-ippridkar u għal-laqgħat Kristjani, aħna nimxu madwar nofs kilometru biex naqbdu l-karozza tal-linja. Minfejn twaqqafna l-karozza, nerġgħu nimxu nofs kilometru ieħor biex naqbdu t-tieni karozza. Sfortunatament, f’dik it-triq hemm ħamest iklieb aggressivi. Aħna nibżgħu ħafna mill-klieb għax għalina jistgħu jidhru kbar daqs żwiemel. Jekk ikun hemm bżonn, biex inkeċċuhom, aħna nieħdu stikka magħna, li naħbuha xi mkien fit-triq qabel ma naqbdu l-karozza tal-linja biex b’hekk nistgħu nerġgħu nużawha aħna u sejrin lura d-dar.
“Biex nitilgħu fuq il-karozza tal-linja hija xi ħaġa tassew iebsa għalina. Waqt li nkunu qed nistennew il-karozza tal-linja noqogħdu fuq munzell trab sabiex inkunu nistgħu nirkbu iktar faċilment. Xi sewwieqa jsuqu qrib il-munzell, imma oħrajn le. F’dak il-każ, l-itwal waħda minna tgħin lill-qasira biex titlaʼ. Biex naqbdu t-tieni karozza tal-linja jeħtieġ li naqsmu triq prinċipali traffikuża—sforz verament kbir bis-saqajn qosra li għandna. Minħabba l-istatura qasira tagħna, basket tqil bil-kotba jippreżenta sfida oħra. Biex nagħmluh iktar ħafif, nużaw Bibbja żgħira li tistaʼ toqgħod fil-but u nillimitaw ukoll l-ammont taʼ letteratura li nġorru.
“Minn mindu konna għadna żgħar, it-tnejn li aħna konna magħluqin fina nfusna. Il-ġirien tagħna jafu li biex inkellmu lil xi ħadd li ma nafuhx dejjem kienet esperjenza tal-biżaʼ għalina. Għalhekk, huma jibqgħu mistagħġbin u impressjonati meta jarawna nħabbtulhom il-bibien, u normalment joqogħdu jisimgħuna. Imma fejn ma tantx jafuna, in-nies taʼ spiss iqisuna biss bħala nani; u b’hekk, mhux dejjem jagħtu l-attenzjoni xierqa li l-messaġġ tagħna jixraqlu. Madankollu, il-fatt li nħossu l-imħabba taʼ Jehovah fuqna jagħtina l-kuraġġ biex inkomplu fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar. Li nimmeditaw fuq Proverbji 3:5, 6 wkoll jagħtina kuraġġ.”
Bħalma jidher fil-każ taʼ Laura u María, li wieħed jippersevera minkejja xi difetti fiżiċi jistaʼ jigglorifika lil Alla. L-appostlu Pawlu talab biex ix-‘xewka f’ġismu,’ x’aktarx xi afflizzjoni fiżika, titneħħa minn fuqu. Imma Alla qallu: “Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax is-setgħa tiegħi tidher kollha fin-nuqqas taʼ saħħa.” Iva, mankament fiżiku m’għandux għalfejn jitneħħa minn fuqna biex inkunu kapaċi naqdu lil Alla. Il-fatt li nistrieħu kompletament fuq Alla jistaʼ jgħinna biex nagħmlu l-aħjar fiċ-ċirkustanzi tagħna. Minħabba li Pawlu qies ix-‘xewka f’ġismu’ b’dan il-mod, hu setaʼ jgħid: “Meta jien dgħajjef, jien inkun qawwi.” (2 Korintin 12:7, 9, 10, Saydon) Ftit snin wara Pawlu kiteb: “Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.”—Filippin 4:13.
Fi żmienna, Alla qed iwettaq xogħol setgħan permezz taʼ rġiel, nisa, u tfal li huma devoti bis-sħiħ lejh. Numru minnhom għandhom xi mankament b’xi mod jew ieħor. Għalkemm kollha kemm huma jittamaw għal fejqan divin taħt is-Saltna t’Alla, huma m’humiex qed jistennew sakemm Alla jneħħilhom il-problemi tagħhom qabel ma jipprovaw jagħmlu xi ħaġa fis-servizz tiegħu.
Qiegħed int tbati minn xi dgħjufija fiżika? Agħmel kuraġġ! Permezz tal-fidi tiegħek int tistaʼ tkun fost dawk bħal Pawlu, Laura, u María. Dwarhom jistaʼ jingħad, bħalma kien fil-każ taʼ rġiel u nisa taʼ fidi fiż-żminijiet tal-qedem: “Minn dgħajfin [huma] saru b’saħħithom.”—Lhud 11:34, Karm Żammit.
[Stampa f’paġna 8]
María
Laura
[Stampa f’paġna 9]
María waqt li qed tgħin lil Laura titlaʼ fuq il-karozza tal-linja
[Stampi f’paġna 9]
“Aħna nibżgħu ħafna mill-klieb għax għalina jistgħu jidhru kbar daqs żwiemel”
Taħt: Laura u María u dawk li studjaw il-Bibbja magħhom