LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 3/1 pp. 25-28
  • Xi Skoprew f’Ġeżragħel?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Xi Skoprew f’Ġeżragħel?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġeżragħel fil-​Bibbja
  • X’Sabu l-​Arkeoloġi?
  • Il-​Kronoloġija taʼ Ġeżragħel
  • Jistaʼ xi Ħadd Isir Jaf l-​Istorja taʼ Ġeżragħel?
  • Iżomm Sod mal-Id il-Leminija t’Alla
    Stenbaħ!—2009
  • Hu ssaporta minkejja l-inġustizzja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sultana kattiva tiġi kkastigata
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Il-Ġeografija tal-Bibbja Hi Eżatta?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 3/1 pp. 25-28

Xi Skoprew f’Ġeżragħel?

GĦAL sekli sħaħ il-​post fejn qabel kien hemm il-​belt antika taʼ Ġeżragħel ilu ħerba. Xi darba din kienet prominenti fl-​istorja tal-​Bibbja. Issa, imneżżaʼ mill-​glorja li kellha u miksija b’saffi taʼ ħamrija, saret għolja, jew borġ ġebel. Fis-​snin reċenti l-​arkeoloġi bdew jeżaminaw il-​fdalijiet taʼ Ġeżragħel. X’jirrivelaw dawn il-​fdalijiet dwar ir-​rakkonti Bibliċi?

Ġeżragħel fil-​Bibbja

Billi kienet tinsab fin-​naħa tal-​lvant tal-​Wied taʼ Ġeżragħel, Ġeżragħel kienet f’waħda mill-​iktar inħawi fertili fl-​art taʼ Iżrael taʼ l-​antik. Eżatt fuq in-​naħa l-​oħra tal-​wied, lejn it-​tramuntana, hemm l-​għolja Mori fejn il-​Midjanin ikkampjaw waqt li kienu qed jippreparaw biex jattakkaw lill-​Imħallef Gidgħon u lin-​nies tiegħu. Kemm kemm lejn il-​lvant hemm Għajn-ħarod, biswit il-​muntanja Gilbogħa. Kien hawnhekk li Jehovah naqqas l-​armata taʼ l-​eluf taʼ Gidgħon għal 300 raġel biss sabiex juri l-​abbiltà tiegħu f’li jeħles lill-​poplu tiegħu mingħajr forza militari qawwija. (Mħallfin 7:​1-25; Żakkarija 4:6) Fuq il-​muntanja Gilbogħa li kienet qrib, Sawl, l-​ewwel sultan taʼ Iżrael, ġie megħlub mill-​Filistin f’battalja drammatika li fiha nqatlu Ġonatan u żewġ ulied oħra taʼ Sawl u fejn Sawl qatel lilu nnifsu.—1 Samwel 31:​1-5.

Xi referenzi Bibliċi dwar il-​belt antika taʼ Ġeżragħel jipprovdu kuntrasti impressjonanti. Dawn jgħidu dwar l-​abbuż tal-​poter u l-​apostasija tal-​ħakkiema taʼ Iżrael kif ukoll dwar il-​fedeltà u ż-​żelu min-​naħa tal-​qaddejja taʼ Jehovah. Kien f’Ġeżragħel li s-​Sultan Aħab—il-​ħakkiem tas-​saltna taʼ l-​għaxar tribujiet tat-​tramuntana taʼ Iżrael fl-​aħħar ħamsin sena tas-​seklu għaxra Q.E.K.—stabbilixxa r-​residenza rjali tiegħu, għalkemm il-​belt kapitali uffiċjali kienet is-​Samarija. (1 Slaten 21:1) Kien minn Ġeżragħel li Ġeżabel, il-​mara barranija t’Aħab, heddet li toqtol lill-​profeta taʼ Jehovah Elija. Hi kienet inkorlata minħabba li Elija kien qatel mingħajr biżaʼ lill-​profeti taʼ Bagħal wara l-​prova dwar min kien il-​veru Alla, li Elija kien wettaq fuq il-​Muntanja Karmel.—1 Slaten 18:36–19:2.

Imbagħad seħħ qtil ġewwa Ġeżragħel. Ġie maqtul Nabot il-​Ġeżragħeli. Is-​Sultan Aħab kien ixxennaq għall-​għalqa tad-​dwieli taʼ Nabot. Meta s-​sultan talab biex jingħata dik l-​art, Nabot wieġeb lealment: “Iħarisni l-​Mulej milli qatt nagħtik wirt missirijieti!” Din it-​tweġiba bi prinċipju m’għoġbitu xejn lil Aħab. Hekk kif rat lis-​sultan bil-​buri, is-​Sultana Ġeżabel għamlet arranġamenti għal taparsi ġuri, billi akkużat lil Nabot fuq dagħwa. L-​innoċenti Nabot instab ħati u ġie mħaġġar għall-​mewt, u s-​sultan ħataf taħt idejh l-​għalqa tad-​dwieli tiegħu.—1 Slaten 21:​1-16.

Minħabba din l-​azzjoni mill-​agħar, Elija pprofetizza: “Fuq is-​swar taʼ Ġeżragħel lil Ġeżabel għad jikluha l-​klieb.” Il-​profeta kompla jiddikjara: “Kull min mill-​familja taʼ Aħab imut fil-​belt, jikluh il-​klieb . . . U tassew, qatt ħadd bħal Aħab ma nbiegħ biex jagħmel il-​ħażin f’għajnejn il-​Mulej, billi martu Ġeżabel kienet issus warajh.” Madankollu, peress li Aħab umilja ruħu meta Elija ħabbar il-​ġudizzju taʼ Jehovah, Jehovah ddikjara li dan il-​kastig ma kienx se jseħħ fi żmien Aħab. (1 Slaten 21:​23-29) Ir-​rakkont Bibliku jkompli juri li fi żmien Eliżew, is-​suċċessur taʼ Elija, Ġeħu nħatar bħala s-​sultan taʼ Iżrael. Hekk kif daħal riekeb f’Ġeżragħel, Ġeħu kkmanda biex iwaddbu lil Ġeżabel mit-​tieqa tal-​palazz tagħha, u hi ġiet mgħaffġa taħt saqajn iż-​żwiemel. Iktar tard, instab li l-​klieb ħallewlha biss il-​qorriegħa, riġlejha, u l-​pali taʼ idejha. (2 Slaten 9:​30-37) L-​aħħar ġrajja Biblika li għandha x’taqsam direttament maʼ Ġeżragħel hi dwar l-​esekuzzjoni taʼ 70 minn ulied Aħab. Ġeħu ġabar irjushom f’żewġt igzuz kbar f’bieb il-​belt taʼ Ġeżragħel, u wara qatel lil xi kbarat u qassisin oħrajn li kienu involuti fil-​ħakma apostata t’Aħab.—2 Slaten 10:​6-11.

X’Sabu l-​Arkeoloġi?

Fl-​1990 ftehmu biex jinbeda proġett taʼ tħaffir fuq il-​post fejn qabel kien hemm Ġeżragħel. Ħadu sehem fih l-​Istitut taʼ l-​Arkeoloġija taʼ l-​Università taʼ Tel Aviv (rappreżentat minn David Ussishkin) u l-​Iskola Britannika taʼ l-​Arkeoloġija f’Ġerusalemm (rappreżentata minn John Woodhead). Għal sebaʼ perijodi (li kull wieħed minnhom dam sitt ġimgħat) matul is-​snin taʼ bejn l-​1990-96, bejn 80 u 100 volontier ħadmu fuq dak il-​post.

Il-mod modern kif taħdem l-​arkeoloġija huwa li tiġi eżaminata l-​evidenza tal-​post fuq il-​mertu tiegħu stess, mingħajr ma ssir referenza għal ideat u teoriji preġudikati. Għalhekk, l-​arkeologu li jistudja l-​artijiet Bibliċi, ma jqisx ir-​rakkonti Skritturali bħala awtorità finali fuq is-​suġġett. Is-​sorsi l-​oħrajn kollha u l-​evidenza fiżika għandhom jiġu kunsidrati u eżaminati bir-​reqqa. Madankollu, bħalma jirrakkonta John Woodhead, m’hemm ebda evidenza antika bil-​miktub rigward Ġeżragħel ħlief ftit kapitli fil-​Bibbja. Għalhekk, ir-​rakkonti u l-​kronoloġija Biblika għandhom dejjem jiġu eżaminati bir-​reqqa. X’irrivelaw l-​isforzi taʼ l-​arkeoloġi?

Hekk kif bdew iħaffru u jsibu fortifikazzjonijiet u oġġetti tal-​fuħħar, beda jidher ċar mill-​bidunett li dawn il-​fdalijiet kienu jmorru lura għall-​hekk imsejjaħ Żmien il-​Ħadid, li jaqbel eżattament mal-​perijodu taż-​żmien Ġeżragħel tal-​Bibbja. Imma hekk kif tkompla t-​tħaffir, kien hemm diversi sorpriżi. L-​ewwel sorpriża kienet il-​qjies tal-​post u l-​fortifikazzjonijiet enormi tiegħu. L-​arkeoloġi kienu qed jistennew post b’fortifikazzjonijiet bħal dawk taʼ Samarija l-​antika, il-​belt kapitali tas-​saltna taʼ Iżrael. Madankollu, hekk kif tkompla t-​tħaffir, deher ċar li Ġeżragħel kienet ferm akbar. Billi l-​qjies tagħha kien taʼ 300 metru b’150 metru mad-​dawra tal-​ħitan tagħha, il-​post kollu flimkien mal-​fortifikazzjonijiet kien iktar minn tliet darbiet akbar minn kwalunkwe belt oħra skoperta f’Iżrael taʼ dak il-​perijodu. Kien imdawwar b’foss niexef, li kien 11-il metru ’l isfel mill-​fortifikazzjonijiet. Skond il-​Professur Ussishkin, dan il-​foss kien karatteristika li qatt ma kien hemm bħalha fiż-​żminijiet Bibliċi. “Ma nsibu xejn iktar li jixbah lil dan f’Iżrael sal-​perijodu tal-​Kruċjati,” hu qal.

Karatteristika oħra mhix mistennija kienet in-​nuqqas taʼ strutturi estensivi fiċ-​ċentru tal-​belt. Kienu ntużaw ammonti kbar taʼ ħamrija ħamra li nġabet waqt li kienet qed tinbena l-​belt biex joħolqu l-​livell tal-​wiċċ iktar għoli—tip taʼ podju kbir elevat, jew pjattaforma—mad-​dawra tagħha. Dwar it-​tħaffir f’Tel Jezreel is-​Second Preliminary Report jikkummenta li dan il-​podju prominenti jistaʼ jkun evidenza li Ġeżragħel kienet iktar minn residenza rjali. Dan qal: “Nixtiequ nippreżentaw il-​possibbiltà li Ġeżragħel kienet il-​bażi ċentrali militari għall-​armata rjali Iżraelija fi żmien is-​slaten Omride [Omri u d-​dixxendenti tiegħu] . . . fejn kienu jinżammu u jiġu mħarrġin il-​karrijiet u l-​kavalleriji rjali.” Billi jibbaża fuq il-​qjies taʼ dan il-​podju elevat, kif ukoll fuq dak tad-​dawra nfisha, Woodhead jispekula li dan setaʼ kien tip taʼ post fejn isiru l-​parati biex jiffanfraw bil-​qawwa militari taʼ l-​akbar forza taʼ karrijiet fil-​Lvant Nofsani taʼ dak iż-​żmien.

Il-fdalijiet taʼ bieb il-​belt li sabu taħt l-​art huma karatteristika taʼ interess speċjali għall-​arkeoloġi. Dawn juru daħla taʼ mill-​inqas erbaʼ kmamar tal-​bieb. Madankollu, peress li ħafna mill-​ġebel taʼ dak il-​post kienu ġew misruqin matul is-​sekli, is-​sejbiet ma jwasslu għal ebda konklużjoni. Woodhead jaħseb li l-​fdalijiet jippontaw lejn sitt kmamar tal-​bieb simili fil-​qjies għal dawk misjubin f’Megiddo, f’Ħażor, u f’Geżer.a

Is-​sejbiet arkeoloġiċi jippontaw lejn eżistenza qasira li tissorprendik għal belt f’post daqshekk ideali, kemm militarment kif ukoll ġeografikament. Woodhead jenfasizza li bħala belt kbira u fortifikata, Ġeżragħel kienet eżistiet għal ċertu perijodu taʼ żmien biss—għal ftit għaxriet taʼ snin biss. Hemm kuntrast kbir bejnha u bejn il-​ħafna postijiet prinċipali oħrajn Bibliċi f’Iżrael, bħal Megiddo, Ħażor, u l-​belt kapitali tas-​Samarija, li kemm il-​darba ġew mibnijin, imkabbrin, u mgħammrin matul perijodi differenti. Dan il-​post ideali għala baqaʼ jintuża għal ftit tas-​snin biss? Woodhead huwa tal-​fehma li Aħab u d-​dinastija tiegħu kienu kważi kkaġunaw kollass ekonomiku minħabba li berbqu r-​riżorsi tal-​ġens. Dan kien evidenti fil-​qjies u fil-​qawwa eċċessivi taʼ Ġeżragħel. Ir-​reġim ġdid taħt Ġeħu x’aktarx ried jiddiżassoċja ruħu mill-​memorja t’Aħab u għalhekk abbanduna l-​belt.

L-evidenza kollha li nstabet taħt l-​art s’issa tikkonferma li l-​post taʼ Ġeżragħel kien ċentru ewlieni Iżraeli fil-​perijodu taʼ Żmien il-​Ħadid. Il-​qjies u l-​fortifikazzjonijiet tagħha jaqblu mad-​deskrizzjoni li l-​Bibbja tagħti tagħha bħala residenza rjali prominenti taʼ Aħab u Ġeżabel. Is-​sinjali li din ġiet mgħammra għal ftit żmien matul dan il-​perijodu jaqbel mar-​rakkonti Bibliċi dwar il-​belt: Din malajr saret prominenti matul il-​ħakma t’Aħab u mbagħad, mal-​kmand taʼ Jehovah, mid-​dehra tneżżgħet mill-​glorja li kellha meta Ġeħu “qatel f’Ġeżragħel lil dawk kollha li kien fadal mid-​dar taʼ Aħab, u l-​kbarat tiegħu, il-​ħbieb u l-​qassisin tiegħu, sakemm ma ħallielu anqas wieħed.”—2 Slaten 10:11.

Il-​Kronoloġija taʼ Ġeżragħel

“Huwa ferm diffiċli li fl-​arkeoloġija jkollok bażi eżatta għad-​dati,” jammetti John Woodhead. Għalhekk, hekk kif l-​arkeoloġi jeżaminaw ir-​riżultati tas-​sebaʼ snin taʼ tħaffir, huma jqabblu dawn maʼ xi fdalijiet minn postijiet arkeoloġiċi oħrajn. Dan wassal għal eżaminar mill-​ġdid u dibattiti. Għala? Għax minn mindu l-​arkeologu Iżraeljan Yigael Yadin beda jħaffer f’Megiddo matul is-​snin sittin u l-​bidu tas-​snin sebgħin, ħafna minn fost l-​arkeoloġi kienu jikkunsidraw bħala konfermat il-​fatt li hu kien skopra l-​fortifikazzjonijiet u l-​bibien tal-​belt li jmorru lura sa żmien is-​Sultan Salamun. Issa, il-​fortifikazzjonijiet, l-​oġġetti tal-​fuħħar, u l-​bibien misjubin f’Ġeżragħel qed iġagħlu lil xi wħud jiddubitaw dwar dawn il-​konklużjonijiet.

Per eżempju, l-​oġġetti tal-​fuħħar misjubin f’Ġeżragħel huma identiċi għal dawk misjubin fis-​saffi taʼ l-​art f’Megiddo, li Yadin jassoċjahom mal-​ħakma taʼ Salamun. L-​istruttura tal-​bibien u l-​qisien taż-​żewġ postijiet huma simili, jekk mhux identiċi. Woodhead jgħid: “L-​evidenza kollha jew tpoġġi d-​data tal-​post fejn kienet Ġeżragħel lura għaż-​żmien taʼ Salamun jew inkella tnaqqas iż-​żmien taʼ dawn il-​karatteristiċi fil-​postijiet l-​oħrajn [Megiddo u Ħażor] għaż-​żmien t’Aħab.” Ladarba l-​Bibbja tassoċja biċ-​ċar il-​post taʼ Ġeżragħel maʼ żmien Aħab, hu jqisha bħala iktar raġunevoli biex wieħed jaċċetta li dawn is-​saffi taʼ l-​art jirriflettu ż-​żmien tal-​ħakma t’Aħab. David Ussishkin jaqbel: “Il-​Bibbja tgħid li Salamun bena Megiddo—ma tgħidx li hu bena eżattament dawk il-​bibien.”

Jistaʼ xi Ħadd Isir Jaf l-​Istorja taʼ Ġeżragħel?

Jistgħu dawn is-​sejbiet arkeoloġiċi u d-​dibattiti li ġew wara jitfgħu xi dubju fuq ir-​rakkonti Bibliċi dwar Ġeżragħel jew Salamun? Attwalment, il-​kontroversja arkeoloġika ftit li xejn għandha konnessjoni diretta mar-​rakkonti Bibliċi. L-​arkeoloġija teżamina l-​istorja fuq bażi differenti minn dik tar-​rakkonti Bibliċi. Din tqajjem mistoqsijiet differenti u għandha enfasi differenti. Wieħed jistaʼ jqabbel l-​istudent tal-​Bibbja u l-​arkeologu maʼ vjaġġaturi li sejrin bejn wieħed u ieħor f’toroq paralleli. Wieħed minnhom qed isuq fit-​triq u l-​ieħor qed jimxi fuq il-​bankina. Il-​ħaġa li qed jiffokaw fuqha u t-​tħassib tagħhom huma differenti. Madankollu, il-​perspettivi tagħhom taʼ spiss ikunu jaqblu minflok ma jkunu kontradittorji. Li tqabbel l-​impressjonijiet taż-​żewġ vjaġġaturi jistaʼ jwasslek għal ħsibijiet u fehmiet affaxxinanti.

Il-Bibbja fiha rekord bil-​miktub dwar ġrajjiet u nies tal-​qedem; l-​arkeoloġija tipprova tikseb informazzjoni dwar dawn il-​ġrajjiet u n-​nies billi teżamina kwalunkwe traċċa li tistaʼ tinstab dwarhom li jistaʼ jkun għad hemm fil-​ħamrija. Madankollu, dawn il-​fdalijiet normalment ma tantx ikunu kompluti u jkunu suġġetti għal diversi interpretazzjonijiet. F’dan ir-​rigward, fil-​ktieb tiegħu Archaeology of the Land of the Bible​—10,000−586 B.C.E., Amihai Mazar jikkummenta: “Biċċa xogħol arkeoloġika . . . x’aktarx hija arti kif ukoll taħlita taʼ taħriġ u abbiltà professjonali. L-​ebda metodoloġija riġida ma tistaʼ tassigura suċċess, u huwa obbligatorju li l-​arkeoloġi li jkunu qed imexxu x-​xogħol ikunu flessibbli u kreattivi fil-​ħsieb. Il-​karattru, it-​talent, u s-​sens komun taʼ l-​arkeologu huma importanti daqs it-​taħriġ tiegħu u r-​riżorsi disponibbli għalih.”

L-arkeoloġija kkonfermat l-​eżistenza taʼ ċentru militari u rjali ewlieni f’Ġeżragħel, ċentru li eżista għal żmien ferm qasir matul il-​perijodu storiku li jaqbel eżattament mal-​ħakma t’Aħab—sewwa sew bħalma tirrakkonta l-​Bibbja. Tqajmu ħafna mistoqsijiet interessanti oħrajn li l-​arkeoloġi forsi se jibqgħu jistudjawhom fis-​snin li ġejjin. Madankollu, il-​paġni tal-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, ikomplu jitkellmu ċar, billi jipprovdulna l-​istorja sħiħa b’mod li l-​arkeoloġi qatt ma jistgħu jipprovduha.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​artiklu “The Mystery of the Gates” f’The Watchtower tal-​15 t’Awissu, 1988.

[Stampi f’paġna 26]

Tħaffir arkeoloġiku f’Ġeżragħel

[Stampa f’paġna 28]

Idolu Kangħani misjub f’Ġeżragħel

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja