Għala l-Umanità Għandha Bżonn Wieħed li Jgħinha
‘JIEN kont persekutur żeblieħi,’ ammetta wieħed raġel li qabel kien kburi u vjolenti, dagħaj abbużiv li kien jhedded u jattakka bla ħniena taʼ xejn lis-segwaċi taʼ Ġesù Kristu li kellhom il-biżaʼ t’Alla. “Iżda,” stqarr hu mimli gratitudni, “sibt il-ħniena.” Għalkemm mhux faċli li temminha, dan il-persekutur estremament vjolenti sar l-appostlu leali Kristjan Pawlu.—1 Timotju 1:12-16; Atti 9:1-19.
Mhux kulħadd għamel l-istess affarijiet li għamel Pawlu. Madankollu, ilkoll kemm aħna nonqsu li nilħqu l-livelli t’Alla. Għala? Għaliex “kollha dinbu u ċċaħħdu mill-glorja taʼ Alla.” (Rumani 3:23) Iktar minn hekk, huwa faċli ħafna li nħallu d-disperazzjoni tegħlibna, forsi billi nħossu li aħna ħżiena wisq biex nirċievu l-ħniena t’Alla. Waqt li kien qed jimmedita fuq it-tendenza midinba tiegħu, Pawlu nnifsu esklama: “Msejken bniedem li jien! Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” Biex iwieġeb il-mistoqsija tiegħu stess, hu kiteb: “Niżżi ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu Sidna!”—Rumani 7:24, 25.
Kif jistaʼ Ħallieq mimli tjieba jkollu relazzjonijiet maʼ midinbin? (Salm 5:5 [5:4, NW]) Innota li Pawlu qal: “Niżżi ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu Sidna.” (Korsiv tagħna.) Individwu ieħor li rċieva ħniena mingħand Alla spjega: “Jekk xi ħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha.”—1 Ġwann 2:1, 2.
Ġesù Kristu għala jissejjaħ “Difensur quddiem il-Missier”? U Ġesù kif ‘iħallas’ għad-dnubiet?
Għala Neħtieġu Difensur
Ġesù ġie fid-dinja “biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” (Mattew 20:28) Fidwa hija meta jitħallas prezz biex jinxtara lura, jew biex jinġieb lura, il-ħelsien taʼ xi ħadd jew xi ħaġa. Il-forma tal-verb tal-kelma Ebrajka tradotta “fidwa” ġġorr l-idea taʼ li tgħatti d-dnubiet jew tpatti għalihom. (Salm 78:38, NW) Il-kelma Griega, bħal dik li nsibu f’Mattew 20:28, kienet użata b’mod partikulari biex tirreferi għall-prezz li kien jitħallas biex jifdu lill-priġunieri tal-gwerra jew biex jeħilsu lill-ilsiera. Biex il-ħtiġijiet tal-ġustizzja jiġu sodisfati, tingħata xi ħaġa bi tpartit maʼ oħra taʼ l-istess valur.
L-umanità waqgħet fil-jasar minħabba li l-ewwel bniedem irribella kontra Alla. Bħalma jurina Ġenesi kapitlu 3, dak il-bniedem perfett—Adam—għażel li jkun diżubbidjenti lejn Alla Jehovah. Billi għamel hekk, hu biegħ lilu nnifsu kif ukoll lid-dixxendenti tiegħu, li kienu għadhom ma twildux, għall-jasar tad-dnub u l-mewt. B’hekk, Adam tilef kemm għalih innifsu kif ukoll għal nislu kollu r-rigal taʼ ħajja umana perfetta.—Rumani 5:12, 18, 19; 7:14.
F’Iżrael tal-qedem, Alla għamel arranġament biex is-sagrifiċċji taʼ l-annimali jpattu għad-dnubiet tan-nies, jew jgħattuhom. (Levitiku 1:4; 4:20, 35) Fil-fatt, il-ħajja taʼ l-annimal sagrifikat kienet tingħata flok dik tal-midneb. (Levitiku 17:11) B’hekk, “jum l-espjazzjoni” setaʼ jintqal ukoll li kien “jum il-ħlas tal-fidwa.”—Levitiku 23:26-28.
Madankollu, ladarba l-annimali huma inferjuri għall-bniedem, “ma jistax ikun li d-demm tal-gniedes u tal-mogħoż ineħħi d-dnubiet [kompletament].” (Lhud 10:1-4) Biex sagrifiċċju jkollu valur suffiċjenti biex ipatti għad-dnubiet, jew ineħħihom, għal dejjem, ried ikollu l-istess valur taʼ dak li tilef Adam. Il-miżien tal-ġustizzja kellu bżonn taʼ bniedem perfett (Ġesù Kristu) biex jagħmel tajjeb b’mod preċiż għal dak li kien tilef bniedem perfett ieħor (Adam). Ħajja umana perfetta biss setgħet tħallas il-prezz tal-fidwa biex tifdi lin-nisel taʼ Adam mill-jasar li l-ewwel missier tagħhom kien tefagħhom fih. Li jkun hemm “ħajja b’ħajja” kien se jissodisfa l-ħtiġijiet tal-vera ġustizzja.—Eżodu 21:23-25.
Meta Adam dineb u ġie kundannat għall-mewt, nislu, li kien għadu ġewwa fih bħala żerriegħa, miet miegħu. Il-bniedem perfett Ġesù, ‘l-aħħar Adam,’ ma fformax familja minn jeddu. (1 Korintin 15:45) Meta miet bħala sagrifiċċju uman perfett, ġewwa fih kellu nisel mhux imwieled. Għalhekk, jistaʼ jingħad li r-razza umana li kellu ġewwa fih u li setgħet tnisslet minnu mietet miegħu. Ġesù ħa l-familja midinba u moribonda taʼ Adam bħallikieku kienet tiegħu stess. Hu ċeda d-dritt li jkollu familja tiegħu stess. Billi ssagrifika l-ħajja umana u perfetta tiegħu, Ġesù reġaʼ xtara l-umanità kollha li tnisslet minn Adam biex b’hekk din setgħet issir il-familja Tiegħu, u Hu sar għalihom “Missier għal dejjem.”—Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]).
Il-prezz tal-fidwa li ħallas Ġesù fetaħ it-triq għall-umanità ubbidjenti biex tirċievi l-ħniena t’Alla u tikseb il-ħajja taʼ dejjem. Għalhekk, l-appostlu Pawlu kiteb: “Il-ħlas tad-dnub hu l-mewt, imma d-don li tana Alla huwa l-ħajja taʼ dejjem fi Kristu Ġesù Sidna.” (Rumani 6:23) Ma nistgħux ma nitqanqlux biex infaħħru lil Jehovah għall-imħabba u l-mogħdrija li wera f’li jipprovdi l-prezz tal-fidwa, minkejja li dan sewa ferm, kemm għalih kif ukoll għal Ibnu l-għażiż. (Ġwann 3:16) U Ġesù ċertament li wera li kien “Difensur quddiem il-Missier” meta ġie rxoxtat għall-ħajja fis-sema u ppreżenta l-valur tas-sagrifiċċju tiegħu li ħallas bħala prezz għall-fidwa lil Alla fis-smewwiet.a (Lhud 9:11, 12, 24; 1 Pietru 3:18) Imma issa Ġesù kif qed juri li qed jgħinna fis-sema?
[Nota taʼ taħt]
a Ara kapitli 4 u 7 tal-ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-Ħajja Taʼ Dejjem, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Stampa f’paġna 4]
Il-ħajja umana u perfetta taʼ Ġesù saret il-prezz tal-fidwa għal nisel Adam