‘O Alla, Ibgħat Id-dawl Tiegħek’
“Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek: huma jmexxuni.”—SALM 43:3.
1. Jehovah kif jirrivela l-iskopijiet tiegħu?
JEHOVAH juri konsiderazzjoni kbira fil-mod kif jgħarraf l-iskopijiet tiegħu lill-qaddejja tiegħu. Minflok ma jirrivelalna l-verità kollha f’daqqa u f’leħħa qawwija taʼ dawl li jagħmina, hu jdawwalna bil-mod il-mod u pass pass. Il-vjaġġ tagħna tul il-mogħdija tal-ħajja jistaʼ jitqabbel maʼ mixja li wieħed joħroġ jagħmel f’mogħdija twila fil-kampanja. Dan jibda fil-għodu kmieni u bil-kemm jibda jara fejn sejjer. Però hekk kif ix-xemx tibda tielaʼ bil-mod il-mod fuq ix-xefaq, hu jibda jiddistingwi xi ftit mill-affarijiet li hemm madwaru. Il-kumplament ikun jidher imċajpar. Imma kif tkompli titlaʼ x-xemx, ikun jistaʼ jara iktar u iktar fil-bogħod. L-istess japplika għad-dawl spiritwali li Alla jipprovdi. Hu jħallina nifhmu pass pass, ftit affarijiet kull darba. L-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, ipprovda tidwil spiritwali bl-istess mod. Ejja nikkunsidraw kif Jehovah dawwal lill-poplu tiegħu fl-antik u kif jagħmel dan illum.
2. Jehovah kif ipprovda tidwil qabel il-Kristjanità?
2 Il-kompożituri taʼ Salm 43 x’aktarx li kienu wlied Koraħ. Bħala Leviti, huma kienu privileġġati li jgħallmu l-Liġi t’Alla lin-nies. (Malakija 2:7) M’għandniex xi ngħidu, Jehovah kien l-Istruttur Grandjuż tagħhom, u huma ħarsu lejh bħala s-Sors taʼ kull għerf. (Isaija 30:20) “Mulej, . . . ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek,” talab is-salmista. “Huma jmexxuni.” (Salm 43:1, 3) Dment li l-Iżraelin kienu leali lejh, Jehovah għallimhom triqatu. Sekli wara, Jehovah ffavoriehom b’dawl u verità mill-iktar straordinarji. Alla dan għamlu meta bagħat lil Ibnu fuq l-art.
3. Il-Lhud b’liema mod iġġarrbu bit-tagħlim taʼ Ġesù?
3 Bħala l-bniedem Ġesù Kristu, l-Iben t’Alla kien id-“dawl tad-dinja.” (Ġwann 8:12) Hu għallem lin-nies “ħafna ħwejjeġ bil-parabboli”—ħwejjeġ ġodda. (Mark 4:2) Qal lil Ponzju Pilatu: “Is-saltna tiegħi m’hijiex taʼ din id-dinja.” (Ġwann 18:36) Din kienet idea ġdida għal wieħed Ruman u ċertament għal-Lhud nazzjonalistiċi, għax dawn kienu jaħsbu li l-Messija kien se jumilja lill-Imperu Ruman u jirrestawra lil Iżrael għall-glorja li kellu qabel. Ġesù kien qed jirrifletti dawl mingħand Jehovah, imma kliemu m’għoġobhomx lill-mexxejja reliġjużi, li “għalihom kienet aktar għażiża l-glorja tal-bnedmin mill-glorja taʼ Alla.” (Ġwann 12:42, 43) Ħafna min-nies għażlu li jibqgħu mqabbdin mat-tradizzjonijiet umani tagħhom milli jaċċettaw dawl spiritwali u verità mingħand Alla.—Salm 43:3; Mattew 13:15.
4. Kif nafu li d-dixxipli taʼ Ġesù kellhom ikomplu jikbru fil-fehma?
4 Madankollu, xi rġiel u nisa taʼ qalb onesta ħaddnuha bil-ferħ il-verità li għallem Ġesù. Huma għamlu progress mgħaġġel fil-fehma tagħhom dwar l-iskopijiet t’Alla. Iżda, hekk kif qorob tmiem il-ħajja fuq l-art taʼ l-Għalliem tagħhom, kien għad baqgħalhom ħafna x’jitgħallmu. Ġesù qalilhom: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom.” (Ġwann 16:12) Iva, id-dixxipli kellhom ikomplu jikbru fil-fehma tal-verità t’Alla.
Id-Dawl Jibqaʼ Jiddi
5. Liema mistoqsija qamet fl-ewwel seklu, u min kellu r-responsabbiltà li jsolviha?
5 Wara l-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù, dawl mingħand Alla idda iżjed bil-qawwi minn qabel. Permezz taʼ viżjoni mogħtija lil Pietru, Jehovah rrivela li Ġentili mhux ċirkonċiżi setgħu, minn dak in-nhar ’il quddiem, isiru segwaċi taʼ Kristu. (Atti 10:9-17) X’rivelazzjoni dik! Xorta waħda, iktar tard qamet mistoqsija: Kien Jehovah jirrikjedi li dawn il-Ġentili jiġu ċirkonċiżi wara li jsiru Kristjani? Din il-mistoqsija ma twiġbitx fil-viżjoni, u l-kwistjoni saret suġġett taʼ diskussjoni taħraq fost il-Kristjani. Riedet tissolva biex l-unità prezzjuża tagħhom ma tiġix mhedda. Għalhekk, f’Ġerusalemm, “l-appostli u l-presbiteri ltaqgħu flimkien biex jaraw din il-kwistjoni.”—Atti 15:1, 2, 6.
6. L-appostli u l-irġiel ixjeħ liema proċedura segwew meta kkunsidraw il-kwistjoni taċ-ċirkonċiżjoni?
6 Kif setgħu dawk preżenti f’din il-laqgħa jiddeterminaw x’kienet ir-rieda t’Alla għall-Ġentili li jemmnu? Jehovah ma bagħatx xi anġlu biex jippresiedi fuq id-diskussjonijiet, u lanqas ma ffavorixxa lil dawk preżenti b’xi viżjoni. Xorta waħda, l-appostli u l-irġiel ixjeħ ma tħallewx kompletament mingħajr direzzjoni. Huma kkunsidraw ix-xiehda taʼ ċerti Kristjani Lhud li kienu raw kif Alla kien beda jittratta maʼ nies tal-ġnus, billi ferraʼ l-ispirtu qaddis tiegħu fuq Ġentili mhux ċirkonċiżi. Fittxew ukoll fl-Iskrittura għall-gwida. Bħala riżultat, id-dixxiplu Ġakbu għamel rakkomandazzjoni bbażata fuq vers mill-Bibbja li jitfaʼ dawl fuq il-kwistjoni. Hekk kif irriflettew fuq l-evidenza, ir-rieda t’Alla ċċarat. Nies mill-ġnus ma kellhomx għalfejn jiġu ċirkonċiżi biex igawdu l-approvazzjoni taʼ Jehovah. L-appostli u l-irġiel ixjeħ ma damux ma niżżlu d-deċiżjoni bil-miktub sabiex il-Kristjani sħabhom setgħu jiġu gwidati permezz tagħha.—Atti 15:12-29; 16:4.
7. Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu b’liema mod kienu progressivi?
7 Kuntrarju għall-mexxejja reliġjużi Lhud, li baqgħu jżommu mat-tradizzjonijiet taʼ missirijiethom, il-biċċa l-kbira mill-Kristjani Lhud ferħu meta rċivew din il-fehma ġdida straordinarja dwar l-iskop t’Alla rigward in-nies tal-ġnus, avolja biex jaċċettawha kien ikollhom ibiddlu l-opinjoni tagħhom rigward il-Ġentili in ġenerali. Jehovah bierek l-ispirtu umli tagħhom, u l-kongregazzjonijiet “kienu jitwettqu fil-fidi u jiżdiedu fl-għadd kuljum.”—Atti 15:31; 16:5.
8. (a) Kif nafu li iżjed dawl setaʼ jiġi mistenni wara tmiem l-ewwel seklu? (b) Liema mistoqsijiet pertinenti se nikkunsidraw?
8 Dawl spiritwali kompla jiddi tul l-ewwel seklu kollu. Imma lill-Kristjani bikrin Jehovah ma rrivelalhomx kull aspett taʼ l-iskopijiet tiegħu. L-appostlu Pawlu qal lill-kredenti sħabu taʼ l-ewwel seklu: “Bħalissa naraw bħallikieku f’mera [tal-metall], mċajpar.” (1 Korintin 13:12) Din il-mera ma kinitx tirrifletti ċar. Mela għall-ewwel, il-fehma taʼ dawl spiritwali kellha tkun limitata. Wara l-mewt taʼ l-appostli, id-dawl tbaxxa għal xi żmien, imma fi żminijiet reċenti l-għarfien Skritturali sar abbundanti. (Danjel 12:4) Jehovah kif idawwal lill-poplu tiegħu llum? U kif għandna nwieġbu meta hu jiftħilna l-fehma tagħna fl-Iskrittura?
Id-Dawl Jitqawwa Pass Pass
9. L-Istudenti tal-Bibbja bikrin liema metodu uniku u effettiv taʼ studju tal-Bibbja wżaw?
9 Fiż-żmien modern l-ewwel raġġ veru taʼ dawl beda jidher fl-aħħar snin tas-seklu 19 hekk kif grupp taʼ rġiel u nisa Kristjani bdew studju serju taʼ l-Iskrittura. Huma żviluppaw metodu prattiku għall-istudju tal-Bibbja. Xi ħadd kien iqajjem mistoqsija; imbagħad il-grupp kien janalizza t-testi Skritturali relatati kollha. Meta xi vers Bibliku kien donnu jikkontradixxi vers ieħor, dawn il-Kristjani sinċieri kienu jipprovaw iġibuhom fi qbil. Kuntrarju għall-mexxejja reliġjużi taʼ żmienhom, l-Istudenti tal-Bibbja (bħalma kienu magħrufin dak iż-żmien ix-Xhieda taʼ Jehovah) kienu determinati li jħallu l-Iskrittura Mqaddsa, mhux it-tradizzjoni jew id-domma magħmula mill-bniedem, tkun il-gwida tagħhom. Wara li kienu jikkunsidraw l-evidenza Skritturali li kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom, huma kienu jniżżlu bil-miktub il-konklużjonijiet li jaslu għalihom. B’dan il-mod ġiet iċċarata l-fehma tagħhom dwar ħafna duttrini bażiċi tal-Bibbja.
10. Charles Taze Russell liema kotba bħala għajnuna utli għall-istudju tal-Bibbja kiteb?
10 Fost l-Istudenti tal-Bibbja spikka Charles Taze Russell. Hu kiteb serje taʼ sitt kotba bħala għajnuna utli għall-istudju tal-Bibbja intitolati Studies in the Scriptures. Ħuna Russell ried jikteb is-sebaʼ volum, li kien se jagħti spjegazzjoni tal-kotba Bibliċi taʼ Eżekjel u Apokalissi. “Meta nsib tarf,” hu qal, “nikteb is-Sebaʼ Volum.” Madankollu, żied: “Jekk il-Mulej jagħtih lil xi ħaddieħor, dan jistaʼ jiktbu hu.”
11. X’konnessjoni hemm bejn il-waqt addattat u l-fehma tagħna dwar l-iskopijiet t’Alla?
11 L-istqarrija t’hawn fuq minn C. T. Russell turi fattur importanti fl-abbiltà tagħna biex nifhmu ċerti passaġġi mill-Bibbja—il-waqt addattat. Ħuna Russell kien jaf li hu ma setax iġiegħel id-dawl jiddi fuq il-ktieb taʼ l-Apokalissi daqs kemm bniedem ansjuż biex joħroġ jimxi jistaʼ jġiegħel lix-xemx titlaʼ qabel il-waqt.
Irrivelat—Imma meta Jkun il-Waqt t’Alla
12. (a) Il-profezija tal-Bibbja meta tinftiehem l-aħjar? (b) Liema eżempju juri li l-abbiltà tagħna biex nifhmu l-profezija tal-Bibbja tiddependi fuq l-orarju t’Alla? (Ara n-nota taʼ taħt.)
12 Sewwa sew bħalma kien biss wara l-mewt u l-irxoxt taʼ Ġesù li l-appostli fehmu ħafna mill-profeziji rigward il-Messija, il-Kristjani llum jifhmu l-profezija tal-Bibbja sa l-iċken dettall biss wara li din titwettaq. (Luqa 24:15, 27; Atti 1:15-21; 4:26, 27) L-Apokalissi hu ktieb profetiku, u għalhekk għandna nistennew li nifhmuh b’mod l-iktar ċar x’ħin jitwettqu l-ġrajjiet li jiddeskrivi. Per eżempju, C. T. Russell ma setax jifhem b’mod korrett is-sinjifikat tal-bhima simbolika taʼ lewn aħmar dagħmieni li tissemma f’Apokalissi 17:9-11, ladarba l-organizzazzjonijiet rappreżentati mill-bhima, jiġifieri, il-Lega tan-Nazzjonijiet u l-Ġnus Magħquda, ma bdewx jeżistu ħlief wara mewtu.a
13. Xi drabi x’jiġri meta jintafaʼ dawl fuq xi suġġett Bibliku?
13 Meta l-Kristjani bikrin saru jafu li Ġentili mhux ċirkonċiżi setgħu jsiru kredenti bħalhom, din il-bidla qajmet mistoqsija ġdida rigward il-ħtieġa għal nies tal-ġnus li jkunu ċirkonċiżi. Dan qanqal lill-appostli u l-irġiel ixjeħ biex jeżaminaw mill-ġdid il-kwistjoni kollha dwar iċ-ċirkonċiżjoni. Dan il-mudell għadu jiġi segwit illum. Leħħa qawwija taʼ dawl fuq xi suġġett Bibliku xi drabi twassal lill-qaddejja midlukin t’Alla, “l-ilsir leali u diskret,” biex jeżaminaw mill-ġdid suġġetti relatati, kif juri l-eżempju reċenti li ġej.—Mattew 24:45, NW.
14-16. Aġġustament tal-ħarsa tagħna rigward it-tempju spiritwali kif effettwa l-fehma tagħna dwar Eżekjel kapitli 40 sa 48?
14 Fl-1971 ġiet pubblikata spjegazzjoni tal-profezija taʼ Eżekjel fil-ktieb “The Nations Shall Know That I Am Jehovah”—How? Kapitlu minn dan il-ktieb iddiskuta fil-qosor il-viżjoni taʼ Eżekjel dwar tempju. (Eżekjel, kapitli 40-48) Dak iż-żmien, l-attenzjoni kienet iffokata dwar kif il-viżjoni tat-tempju taʼ Eżekjel kienet se titwettaq fid-dinja l-ġdida.—2 Pietru 3:13.
15 Madankollu, żewġ artikli pubblikati fil-Watchtower taʼ l-1 taʼ Diċembru, 1972, effettwaw il-fehma tagħna dwar il-viżjoni taʼ Eżekjel. Dawn iddiskutew it-tempju spiritwali deskritt mill-appostlu Pawlu f’Lhud kapitlu 10. The Watchtower spjega li l-post Qaddis u l-bitħa taʼ ġewwa tat-tempju spiritwali huma marbutin mal-kundizzjoni tal-midlukin waqt li qegħdin fuq l-art. Meta xi snin wara ġew reveduti kapitli 40 sa 48 taʼ Eżekjel, deher biċ-ċar li sewwa sew bħalma t-tempju spiritwali qed jopera llum, hekk it-tempju li Eżekjel ra fil-viżjoni wkoll irid ikun qed jiffunzjona llum. Dan għala?
16 Fil-viżjoni taʼ Eżekjel, jidhru qassisin għaddejjin fil-btieħi tat-tempju waqt li jaqdu lit-tribujiet mhux saċerdotali. Jidher ċar li dawn il-qassisin jirrappreżentaw lis-“saċerdozju rjali,” il-qaddejja midlukin taʼ Jehovah. (1 Pietru 2:9) Madankollu, dawn m’humiex se jkunu qed jaqdu fil-bitħa tat-tempju, li tirrappreżenta l-art, matul ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu. (Apokalissi 20:4) Matul il-parti l-kbira taʼ dak il-perijodu, jekk mhux matulu kollu, il-midlukin se jkunu qed jaqdu lil Alla fil-post l-Iktar Qaddis tat-tempju spiritwali, “fis-sema stess.” (Lhud 9:24) Ladarba jidhru qassisin għaddejjin ’l hawn u ’l hinn fil-btieħi tat-tempju taʼ Eżekjel, din il-viżjoni bilfors li qed titwettaq illum, waqt li xi wħud mill-midlukin għadhom hawn fuq l-art. Għaldaqstant, il-ħarġa taʼ l-1 taʼ Marzu, 1999, taʼ din ir-rivista kkunsidrat ħarsa reveduta dwar dan is-suġġett. B’hekk, saħansitra sa tmiem is-seklu 20, inxteħet dawl spiritwali fuq il-profezija taʼ Eżekjel.
Kun Lest li Tirranġa l-Ħarsa Tiegħek
17. Minn mindu sirt taf il-verità, liema aġġustamenti għamilt fil-mod taʼ kif kont taħsibha dwar ċerti affarijiet, u kif ibbenefikajt minn dan?
17 Kulmin jixtieq jasal għall-għarfien tal-verità jrid ikun lest li ‘ijassar kull ħsieb għall-ubbidjenza lil Kristu.’ (2 Korintin 10:5) Dan mhux dejjem faċli, speċjalment jekk tkun ilek taħsibha b’mod differenti għal tul taʼ żmien. Per eżempju, qabel ma tgħallimt il-verità, forsi kont tieħu gost tiċċelebra ċerti btajjel reliġjużi mal-familja tiegħek. Wara li bdejt tistudja l-Bibbja, int irrealizzajt li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet huma attwalment taʼ oriġini pagana. Għall-ewwel, forsi bdejt ittellaʼ u tniżżel dwar jekk għandekx tapplika dak li kont qed titgħallem. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar l-imħabba għal Alla rebħet fuq is-sentiment reliġjuż, u ma bqajtx tieħu sehem f’ċelebrazzjonijiet li ma jogħġbux lil Alla. Jehovah żgur li bierek id-deċiżjoni tiegħek!—Qabbel Lhud 11:25.
18. Kif għandna nirreaġixxu meta tiġi ċċarata l-fehma tagħna dwar xi verità mill-Bibbja?
18 Dejjem nibbenefikaw meta nagħmlu l-affarijiet skond ma jrid Alla. (Isaija 48:17, 18) Għalhekk meta tiġi ċċarata l-ħarsa tagħna rigward xi silta mill-Bibbja, ejja nifirħu li l-verità qed tavanza ’l quddiem! Tassew, li nibqgħu niġu mdawlin jikkonferma li ninsabu fit-triq it-tajba. Hija “triq it-tajbin” li “bħal dawl iż-żerniq” ‘titqawwa sal-milja tal-jum.’ (Proverbji 4:18) Veru, fil-preżent naraw xi aspetti taʼ l-iskop t’Alla “mċajprin.” Imma meta jasal il-waqt t’Alla, naraw il-verità fil-ġmiel kollu tagħha, dment li saqajna baqgħu mħawlin fis-sod fit-“triq.” Sadattant, jalla nithennew bil-veritajiet li Jehovah ċċaralna, waqt li nistennew tidwil fuq dawk li għadna ma nifhmuhomx ċari.
19. Liema hu mod wieħed kif nuru li nħobbu l-verità?
19 Kif nistgħu nuru b’mod prattiku mħabbitna għad-dawl? Mod wieħed huwa billi naqraw il-Kelma t’Alla regolarment—kuljum jekk jistaʼ jkun. Qed issegwi programm regulari taʼ qari tal-Bibbja? Ir-rivisti It-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! ukoll ifornuna b’abbundanza taʼ ikel spiritwali bnin. Ikkunsidra wkoll il-kotba, browxers, u pubblikazzjonijiet oħrajn li tħejjew għall-benefiċċju tagħna. U xi ngħidu dwar ir-rapporti inkuraġġanti dwar l-attivitajiet taʼ l-ippridkar tas-Saltna li jiġu pubblikati fil-Yearbook of Jehovah’s Witnesses?
20. X’konnessjoni hemm bejn dawl u verità mingħand Jehovah u l-attendenza tagħna għal-laqgħat Kristjani?
20 Iva, Jehovah weġibha b’mod taʼ l-għaġeb it-talba magħmula f’Salm 43:3. Fi tmiem dan il-vers, naqraw: “[Jalla d-dawl u s-sewwa tiegħek] iwassluni sa l-għolja mqaddsa tiegħek u sa l-għerejjex tiegħek.” Tħares int ’il quddiem biex tqim lil Jehovah, flimkien maʼ kotra kbira t’oħrajn? L-istruzzjoni spiritwali preżentata fil-laqgħat tagħna hija mod importanti li bih Jehovah jipprovdi tidwil illum. X’nistgħu nagħmlu biex inkabbru l-apprezzament tagħna għal-laqgħat Kristjani? Nistidnuk tikkunsidra dan is-suġġett bit-talb fl-artiklu li jmiss.
[Nota taʼ taħt]
a Wara l-mewt taʼ C. T. Russell, tħejjiet pubblikazzjoni nnominata bħala s-sebaʼ volum taʼ Studies in the Scriptures f’attentat biex tipprovdi spjegazzjoni tal-kotba taʼ Eżekjel u Apokalissi. Il-volum kien ibbażat, parzjalment, fuq kummenti li kien għamel Russell dwar dawk il-kotba tal-Bibbja. Madankollu, kien għadu ma wasalx il-waqt biex jiġi rivelat is-sinjifikat taʼ dawk il-profeziji, u b’mod ġenerali, l-ispjegazzjoni offruta f’dak il-volum taʼ Studies in the Scriptures kienet imċajpra. Fis-snin taʼ wara, il-qalb tajba mhix mistħoqqa taʼ Jehovah u żviluppi fix-xena dinjija ppermettew lill-Kristjani jagħrfu s-sinjifikat taʼ dawk il-kotba profetiċi b’mod iktar eżatt.
Taf Twieġeb?
• Jehovah għala jirrivela l-iskopijiet tiegħu pass pass?
• L-appostli u l-irġiel ixjeħ f’Ġerusalemm kif solvewha l-kwistjoni dwar iċ-ċirkonċiżjoni?
• L-Istudenti tal-Bibbja bikrin liema metodu taʼ studju tal-Bibbja adottaw, u dan għala kien uniku?
• Uri kif id-dawl spiritwali jiġi rivelat meta jasal il-waqt t’Alla.
[Stampa f’paġna 12]
Charles Taze Russell kien jaf li d-dawl kien se jiddi fuq il-ktieb taʼ l-Apokalissi meta jasal il-waqt t’Alla