LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 5/15 pp. 15-19
  • Uri Fidi fil-Kelma Profetika t’Alla!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uri Fidi fil-Kelma Profetika t’Alla!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tfittxija għan-​Nisel
  • Jidher il-​Messija!
  • Merħba lis-​Sultan Messjaniku!
  • Ibqaʼ Uri Fidi fil-​Kelma Profetika t’Alla
  • Il-​Futur taʼ l-​Umanità Mbassar fil-​Kelma Profetika t’Alla
  • Jehovah Jwiegħed Premju taʼ l-​Għaġeb lil Danjel
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • Oqgħod Attent għall-Kelma Profetika t’Alla għal Żmienna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Nidentifikaw lill-​Adoraturi Veri fiż-​Żmien taʼ l-​Aħħar
    Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!
  • L-Armonija Sħiħa tal-Bibbja
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 5/15 pp. 15-19

Uri Fidi fil-​Kelma Profetika t’Alla!

“Għandna mwettqa aħjar il-​kelma tal-​profeti.”—2 PIETRU 1:19.

1, 2. Liema kienet l-​ewwel profezija li qatt inkitbet, u x’kienet waħda mill-​mistoqsijiet li qajmet?

JEHOVAH kien is-​Sors taʼ l-​ewwel profezija li qatt inkitbet. Wara li dinbu Adam u Eva, Alla qal lis-​serp: “Inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:​1-7, 14, 15) Kellhom jgħaddu sekli sħaħ biex dan il-​kliem profetiku jiġi mifhum għalkollox.

2 Din l-​ewwel profezija ppreżentat tama vera għall-​bnedmin midinba. Iktar tard l-​Iskrittura identifikat lil Satana x-​Xitan bħala s-​“Serp tal-​qedem.” (Apokalissi 12:9) Imma min kellu jkun in-​Nisel imwiegħed minn Alla?

Tfittxija għan-​Nisel

3. Abel kif wera fidi fl-​ewwel profezija?

3 Kuntrarju għal missieru, Abel kien devot lejn Alla u wera fidi fl-​ewwel profezija. Milli jidher Abel irrealizza li kien hemm bżonn li jixxerred id-​demm biex setaʼ jitgħatta d-​dnub. Għalhekk il-​fidi qanqlitu biex joffri annimali bħala sagrifiċċju u dan kien aċċettabbli għal Alla. (Ġenesi 4:​2-4) Madankollu, baqaʼ misteru min kien in-​Nisel imwiegħed.

4. Alla liema wegħda tah lil Abraham, u din x’kienet tindika dwar in-​Nisel imwiegħed?

4 Madwar 2,000 sena wara Abel, Jehovah ta din il-​wegħda profetika lill-​patrijarka Abraham: “Jien imbierkek żgur u nkattarlek sewwa lil nislek bħall-​kwiekeb tas-​sema . . . U jitbierku b’nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art.” (Ġenesi 22:​17, 18) Dan il-​kliem rabat lil Abraham mat-​twettiq taʼ l-​ewwel profezija. Kien jindika li n-​Nisel li kellu jġib fix-​xejn l-​opri tax-​Xitan kien se jkun minn fost id-​dixxendenti t’Abraham. (1 Ġwann 3:8) “Quddiem il-​wegħda taʼ Alla [Abraham] ma qagħadx itallaʼ u jniżżel jekk jemminx jew le” u lanqas ma għamlu hekk xhieda oħrajn taʼ Jehovah li għexu qabel Kristu għalkemm “ma kisbux dak li kien imwiegħed.” (Rumani 4:​20, 21; Lhud 11:39) Minflok, huma baqgħu juru fidi soda fil-​kelma profetika t’Alla.

5. Il-​wegħda t’Alla dwar in-​Nisel f’min twettqet, u għala twieġeb hekk?

5 L-appostlu Pawlu wera min kien in-​Nisel imwiegħed minn Alla meta kiteb: “Issa l-​wegħdiet saru lil Abraham ‘u lin-​nisel’ tiegħu. L-​Iskrittura ma tgħidx ‘u lin-​nislijiet’, bħallikieku [“kienu ħafna, iżda bħallikieku,” GħB, 1984] wieħed: ‘lin-​nisel tiegħek’, li hu Kristu.” (Galatin 3:16) In-​Nisel li permezz tiegħu l-​ġnus kellhom ibierku lilhom infushom ma kienx jinkludi lit-​tfal kollha t’Abraham. Id-​dixxendenti taʼ ibnu Ismagħel u dawk taʼ wliedu minn Ketura ma ntużawx biex titbierek l-​umanità. In-​Nisel tal-​barka ġie minn ibnu Iżakk u minn neputih Ġakobb. (Ġenesi 21:12; 25:​23, 31-34; 27:​18-29, 37; 28:14) Ġakobb wera li “ġnus” kienu se jobdu lil Silo tat-​tribù taʼ Ġuda, imma iktar tard in-​Nisel sar marbut mal-​linja taʼ David. (Ġenesi 49:10; 2 Samwel 7:​12-16) Il-​Lhud fl-​ewwel seklu stennew li bniedem wieħed jiġi bħala l-​Messija, jew Kristu. (Ġwann 7:​41, 42) U l-​profezija t’Alla dwar in-​Nisel twettqet f’Ibnu, Ġesù Kristu.

Jidher il-​Messija!

6. (a) Kif għandna nifhmu l-​profezija tas-​70 ġimgħa? (b) Ġesù meta u kif ‘temm id-​dnub’?

6 Il-profeta Danjel niżżel bil-​miktub profezija vitali dwar il-​Messija. Fl-​ewwel sena taʼ Dariju l-​Medi, Danjel irrealizza li kien wasal it-​tmiem tas-​70 sena taʼ ħerba fuq Ġerusalemm. (Ġeremija 29:10; Danjel 9:​1-4) Waqt li Danjel kien qed jitlob, l-​anġlu Gabrijel ġie u rrivelalu li ‘sebgħin ġimgħa kienu maqtugħin biex jintemm id-​dnub.’ Il-​Messija kellu jinqatel f’nofs l-​aħħar ġimgħa, is-​sebgħin waħda. “Sebgħin ġimgħa taʼ snin” bdew fis-​sena 455 Q.E.K. meta s-​Sultan Persjan Artasersi I ‘ħareġ il-​kelma biex Ġerusalemm tinbena mill-​ġdid.’ (Danjel 9:​20-​27, Saydon; Neħemija 2:​1-8) Il-​Messija kellu jiġi wara 7 ġimgħat u 62 ġimgħa. Dawn l-​483 sena ħadu mis-​sena 455 Q.E.K. sas-​sena 29 E.K., meta Ġesù tgħammed u Alla dilku bħala l-​Messija, jew Kristu. (Luqa 3:​21, 22) Ġesù ‘temm id-​dnub’ billi ta ħajtu bħala prezz tal-​fidwa fis-​sena 33 E.K. (Mark 10:45) Kemm għandna raġunijiet sodi biex nuru fidi fil-​kelma profetika t’Alla!a

7. Billi tuża l-​Iskrittura, uri kif Ġesù wettaq il-​profeziji dwar il-​Messija.

7 Fidi fil-​kelma profetika t’Alla tagħmilha possibbli għalina li nidentifikaw lill-​Messija. Minn fost il-​ħafna profeziji dwar il-​Messija li nsibu fl-​Iskrittura Ebrajka, kien hemm dawk li ġew applikati dirett għal Ġesù mill-​kittieba taʼ l-​Iskrittura Kristjana Griega. Dawn huma xi eżempji: Ġesù twieled minn verġni f’Betlehem. (Isaija 7:14; Mikea 5:1 [5:​2, NW]; Mattew 1:​18-23; Luqa 2:​4-11) Inħareġ mill-​Eġittu, u nqatlu t-​trabi wara t-​twelid tiegħu. (Ġeremija 31:15; Hosegħa 11:1; Mattew 2:​13-18) Ġesù tgħabba bil-​mard tagħna. (Isaija 53:4; Mattew 8:​16, 17) Bħalma tbassar, daħal f’Ġerusalemm fuq felu taʼ ħmara. (Żakkarija 9:9; Ġwann 12:​12-15) Kliem is-​salmista twettaq wara li Ġesù ngħata l-​mewt meta s-​suldati qasmu ħwejġu bejniethom u qatgħu x-​xorti għal-​libsa tiegħu. (Salm 22:18; Ġwann 19:​23, 24) Il-​fatt li lil Ġesù ma kissrulux għadmu u li nifduh ukoll wettaq il-​profezija. (Salm 34:21 [34:​20, NW]; Żakkarija 12:10; Ġwann 19:​33-37) Dawn huma biss ftit eżempji taʼ profeziji dwar il-​Messija applikati għal Ġesù minn kittieba tal-​Bibbja li kienu mnebbħin minn Alla.b

Merħba lis-​Sultan Messjaniku!

8. Min hu x-​Xiħ fl-​għomor, u kif twettqet il-​profezija li nsibu f’Danjel 7:​9-14?

8 Fl-ewwel sena tas-​Sultan Beltassar taʼ Babilonja, Jehovah bagħat ħolma u viżjonijiet taʼ l-​għaġeb lill-​profeta tiegħu Danjel. Il-​profeta l-​ewwel ra erbaʼ bhejjem enormi. L-​anġlu t’Alla identifikahom bħala “erbaʼ slaten,” u b’hekk wera li dawn issimbolizzaw qawwiet dinjin li kellhom jiġu wara xulxin. (Danjel 7:​1-8, 17) Danjel imbagħad ra lil Jehovah, ix-​“Xiħ fl-​għomor,” bil-​qegħda glorjuż fuq it-​tron. Peress li l-​bhejjem tahom ġudizzju taʼ kundanna, hu ħa l-​ħakma minn idejhom u qered ir-​rabaʼ bhima. Ħakma dejjiema fuq “kull ġens, u poplu, u lsien” ngħatat lil wieħed li hu “bħal iben taʼ bniedem.” (Danjel 7:​9-14) Xi profezija taʼ l-​għaġeb dik, marbuta maʼ l-​għoti tat-​tron lil “Bin il-​bniedem,” Ġesù Kristu, fis-​sema fl-​1914!—Mattew 16:13.

9, 10. (a) X’jindikaw id-​diversi partijiet taʼ l-​istatwa fil-​ħolma? (b) Kif tispjega t-​twettiq taʼ Danjel 2:​44?

9 Danjel kien jaf li Alla qed “ineħħi slaten u jqajjem slaten.” (Danjel 2:21) B’fidi f’Jehovah, Dak “li jikxef il-​misteri,” il-​profeta rrivela s-​sinjifikat tal-​ħolma li kellu s-​Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja dwar statwa immensa. Id-​diversi partijiet tagħha indikaw il-​qawma u l-​waqgħa taʼ qawwiet dinjin bħalma huma Babilonja, il-​Medo-Persja, il-​Greċja, u Ruma. Alla uża wkoll lil Danjel sabiex isemmi ġrajjiet dinjin li seħħew minn dak in-​nhar sa żmienna u li għad iridu jiġru.—Danjel 2:​24-30.

10 “Fi żmien dawn is-​slaten,” tgħid il-​profezija, “Alla tas-​sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-​ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” (Danjel 2:44) Meta ntemm “żmien il-​ġnus” fl-​1914, Alla stabbilixxa s-​Saltna tas-​sema f’idejn Kristu. (Luqa 21:24; Apokalissi 12:​1-5) Imbagħad, permezz taʼ qawwa divina, il-​“ġebla,” li tiffigura s-​Saltna tal-​Messija, inqatgħet mill-​“muntanja” tas-​sovranità universali t’Alla. F’Armageddon din il-​ġebla se tolqot l-​istatwa u titħanha. Bħala muntanja governattiva li teffettwa “l-​art kollha,” is-​Saltna Messjanika se tibqaʼ għal dejjem.—Danjel 2:​35, 45; Apokalissi 16:​14, 16.c

11. It-​trasfigurazzjoni taʼ Ġesù kienet dehra bil-​quddiem taʼ liema ħaġa, u din il-​viżjoni x’effett kellha fuq Pietru?

11 Billi kellu f’moħħu l-​ħakma tas-​Saltna tiegħu, Ġesù qal lid-​dixxipli: “Hawn xi wħud minn dawk li qegħdin hawn, li ma jġarrbux il-​mewt qabel ma jaraw Bin il-​bniedem ġej fis-​Saltna tiegħu.” (Mattew 16:28) Sitt ijiem wara, Ġesù ħa lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni fuq muntanja għolja fejn inbidel quddiemhom. Hekk kif sħaba tiddi għattiet lill-​appostli, Alla ddikjara: “Dan hu Ibni l-​għażiż, li fih sibt l-​għaxqa tiegħi: isimgħu lilu.” (Mattew 17:​1-9; Mark 9:​1-9) X’dehra bil-​quddiem taʼ Kristu fil-​glorja tas-​Saltna! Mhux taʼ b’xejn li Pietru rrefera għal din il-​viżjoni impressjonanti u qal: “U hekk għandna mwettqa aħjar il-​kelma tal-​profeti.”—2 Pietru 1:​16-19.d

12. Għala issa hu speċjalment iż-​żmien biex nuru l-​fidi tagħna fil-​kelma profetika t’Alla?

12 “Il-​kelma profetika” milli jidher ma tinkludix biss il-​profeziji fl-​Iskrittura Ebrajka dwar il-​Messija imma wkoll l-​istqarrija taʼ Ġesù li hu kellu jiġi “b’qawwa u glorja kbira.” (Mattew 24:30) It-​trasfigurazzjoni kkonfermat il-​kelma profetika dwar il-​miġja glorjuża taʼ Kristu bil-​qawwa tas-​Saltna. Dalwaqt, ir-​rivelazzjoni tiegħu fil-​glorja se tkun tfisser il-​qerda tan-​nies bla fidi u l-​barka għal dawk li juru fidi. (2 Tessalonikin 1:​6-10) It-​twettiq tal-​profeziji tal-​Bibbja jagħti prova li qegħdin fi żmien “l-​aħħar tad-​dinja.” (2 Timotju 3:​1-5, 16, 17; Mattew 24:​3-​14) Bħala l-​Esekutur Ewlieni taʼ Jehovah, Mikiel, li hu Ġesù Kristu, qiegħed għal-​lest biex itemm lil din is-​sistema mill-​agħar matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. (Mattew 24:21; Danjel 12:1) Mela issa ċertament li hu ż-​żmien biex aħna nuru li għandna fidi fil-​kelma profetika t’Alla.

Ibqaʼ Uri Fidi fil-​Kelma Profetika t’Alla

13. X’jistaʼ jgħinna nibqgħu nuru mħabbitna lejn Alla u nżommu ħajja l-​fidi tagħna fil-​kelma tiegħu?

13 Żgur li ridna ntiru bil-​ferħ meta smajna għall-​ewwel darba dwar it-​twettiq tal-​kelma profetika t’Alla. Imma minn dak in-​nhar ’l hawn naqset il-​fidi tagħna u birdet imħabbitna? Jalla qatt ma nsiru bħall-​Kristjani f’Efesu li ‘ħallew dik l-​imħabba li kienu wrew fil-​bidu.’ (Apokalissi 2:​1-4) Ilna kemm ilna naqdu lil Jehovah, xorta jistaʼ jiġrilna hekk jekk ma nibqgħux infittxu l-​ewwel is-​Saltna t’Alla u t-​tjieba tiegħu, u b’hekk naħżnu teżori fis-​sema. (Mattew 6:​19-​21, 31-​33) Studju ħabrieki tal-​Bibbja, partiċipazzjoni regulari fil-​laqgħat Kristjani, u attività żeluża fl-​ippridkar tas-​Saltna se jgħinuna nibqgħu nuru mħabbitna għal Jehovah, għal Ibnu, u għall-​Iskrittura. (Salm 119:105; Mark 13:10; Lhud 10:​24, 25) Dan, imbagħad, se jżomm ħajja l-​fidi tagħna fil-​kelma t’Alla.—Salm 106:12.

14. Kristjani midlukin kif jiġu premjati għall-​fidi tagħhom fil-​kelma profetika taʼ Jehovah?

14 Sewwa sew bħalma twettqet il-​kelma profetika t’Alla fil-​passat, bl-​istess mod jistaʼ jkollna fidi f’dak li tbassar għall-​futur. Per eżempju, il-​preżenza taʼ Kristu fil-​glorja tas-​Saltna issa hija realtà, u Kristjani midlukin li kienu leali sal-​mewt ġarrbu t-​twettiq tal-​wegħda profetika: “Lir-​rebbieħ nagħtih jiekol mis-​siġra tal-​Ħajja li hemm fil-​Ġenna taʼ Alla.” (Apokalissi 2:​7, 10; 1 Tessalonikin 4:​14-17) Lil dawn ir-​rebbiħin Ġesù jagħtihom il-​privileġġ ‘li jieklu mis-​siġra tal-​ħajja’ fil-​“Ġenna taʼ Alla” fis-​sema. Fl-​irxoxt tagħhom u permezz taʼ Ġesù Kristu, huma jiksbu l-​immortalità u n-​nuqqas taʼ taħsir mogħtijin minn Jehovah, “is-​Sultan taʼ dejjem, li ma jmutx u li ma jidhirx, . . . Alla waħdu.” (1 Timotju 1:17; 1 Korintin 15:​50-54; 2 Timotju 1:10) Xi premju grandjuż jieħdu talli wrew imħabba li ma tmutx għal Alla u fidi li ma titħarrikx fil-​kelma profetika tiegħu!

15. Fuq min tqiegħed il-​pedament taʼ l-​“art ġdida,” u min qed jissieħeb magħhom?

15 Ftit wara li l-​midlukin leali li kienu mietu ġew irxoxtati għal ġol-​“Ġenna taʼ Alla” fis-​sema, il-​fdal taʼ Iżrael spiritwali fuq l-​art inħeles minn “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 14:8; Galatin 6:16) Fuqhom tqiegħed il-​pedament taʼ l-​“art ġdida.” (Apokalissi 21:1) B’hekk twieled “pajjiż” u dan inbena f’ġenna spiritwali li qed tiffjorixxi maʼ l-​art kollha llum. (Isaija 66:8) Kotriet taʼ nies, ġwejdin bħan-​ngħaġ, li qed jissieħbu maʼ Iżrael spiritwali deħlin bi ħġarhom fiha minn issa stess, f’dawn l-​“aħħar jiem.”—Isaija 2:​2-4; Żakkarija 8:23; Ġwann 10:16; Apokalissi 7:9.

Il-​Futur taʼ l-​Umanità Mbassar fil-​Kelma Profetika t’Alla

16. Xi prospetti għandhom dawk li jappoġġaw lealment lill-​midlukin?

16 Xi prospetti għandhom dawk li jappoġġaw lealment lill-​midlukin? Huma wkoll għandhom fidi fil-​kelma profetika t’Alla, u jittamaw li jidħlu fil-​Ġenna taʼ l-​art. (Luqa 23:​39-43) Hemmhekk se jixorbu minn “xmara taʼ l-​ilma tal-​Ħajja” li ssostni l-​ħajja u se jsibu fejqan ‘mill-​weraq tas-​siġar’ li huma mħawlin fuq ix-​xtut tagħha. (Apokalissi 22:​1, 2) Jekk għandek din it-​tama meraviljuża, jalla tkompli turi mħabba profonda lejn Jehovah u fidi fil-​kelma profetika tiegħu. Jalla tkun fost dawk li se jġarrbu l-​ferħ bla tarf taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-​art magħmula Ġenna.

17. Il-​ħajja fil-​Ġenna taʼ l-​art liema barkiet se tinkludi?

17 Bnedmin imperfetti m’għandhomx kliem biex jiddiskrivu l-​ħajja fil-​Ġenna li ġejja fuq l-​art, imma l-​kelma profetika t’Alla tgħinna nifhmu l-​barkiet li hemm maħżunin għal bnedmin ubbidjenti. Meta s-​Saltna t’Alla taħkem mingħajr għedewwa u r-​rieda t’Alla tkun qed issir fuq l-​art bħalma ssir fis-​sema, l-​ebda bniedem feroċi—le, lanqas saħansitra l-​annimali—ma se jagħmlu “aktar deni u anqas ħsara.” (Isaija 11:9; Mattew 6:​9, 10) Il-​ġwejdin se jgħixu fuq l-​art, “u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:11) Ma jkunx hemm mases taʼ nies imutu bil-​ġuħ, għax “ikun kotran il-​qamħ fuq l-​art, jogħla sal-​qċaċet taʼ l-​għoljiet.” (Salm 72:16) Ma jixxerrridx iżjed dmugħ taʼ niket. Jispiċċa l-​mard, u saħansitra l-​mewt ma tkunx iżjed. (Isaija 33:24; Apokalissi 21:4) Tistaʼ timmaġina—mingħajr tobba, mingħajr mediċini, mingħajr sptarijiet jew istituzzjonijiet mentali, u mingħajr funerali? Xi prospetti meraviljużi!

18. (a) Danjel liema ċertezza ngħata? (b) X’se jkun il-​“wirt” taʼ Danjel?

18 Anki l-​qabar komuni taʼ l-​umanità se jitbattal hekk kif il-​mewt tagħmel il-​wisaʼ għall-​irxoxt. Ir-​raġel twajjeb Ġob kien iħaddanha din it-​tama. (Ġob 14:​14, 15, Karm Żammit) L-​istess nistgħu ngħidu dwar il-​profeta Danjel, għax l-​anġlu taʼ Jehovah farrġu b’din iċ-​ċertezza: “Imma int ibqaʼ sejjer lejn l-​aħħar mistrieħ tiegħek; u mbagħad, meta jintemm iż-​żmien, tqum għall-​wirt li jmissek.” (Danjel 12:13) Danjel qeda fedelment lil Alla sa tmiem ħajtu. Issa qed jistrieħ fil-​mewt, imma se ‘jqum’ “meta l-​ġusti jqumu għall-​ħajja” matul ir-​Renju Millennjali taʼ Kristu. (Luqa 14:14) X’se jkun il-​“wirt” taʼ Danjel? Sewwa, fit-​twettiq tagħha fil-​Ġenna taʼ l-​art, il-​profezija taʼ Eżekjel tindika li se jkun hemm post għan-​nies kollha taʼ Jehovah, u li saħansitra l-​art se titqassam b’mod ġust u bl-​ordni. (Eżekjel 47:13–48:35) Mela Danjel se jkollu post fil-​Ġenna taʼ l-​art, imma wirtu hemmhekk se jinvolvi iktar minn biċċa art. Dan se jkun jinkludi l-​post li se jkollu fl-​iskop taʼ Jehovah.

19. X’inhu meħtieġ biex wieħed jgħix fil-​Ġenna taʼ l-​art?

19 Xi ngħidu dwarek u dwar wirtek? Jekk għandek fidi fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, x’aktarx li tixxennaq għall-​ħajja fil-​Ġenna taʼ l-​art. Forsi saħansitra timmaġinak hemmhekk tgawdi l-​barkiet abbundanti tagħha, waqt li tieħu ħsieb l-​art u tilqaʼ lura bil-​ferħ lill-​mejtin. Wara kollox, post il-​bnedmin hu fil-​Ġenna taʼ l-​art. Alla ħalaq lill-​ewwel koppja umana biex tgħix f’post bħal dan. (Ġenesi 2:​7-9) Hu jrid li bnedmin ubbidjenti jgħixu għal dejjem fil-​Ġenna taʼ l-​art. Se taġixxi int fi qbil maʼ l-​Iskrittura sabiex tistaʼ tkun fost il-​biljuni taʼ nies li fl-​aħħar mill-​aħħar se jkunu jgħixu fuq l-​art magħmula Ġenna? Int tistaʼ tkun hemm jekk għandek imħabba vera lejn Missierna tas-​sema, Jehovah, u fidi dejjiema fil-​kelma profetika t’Alla.

[Noti taʼ taħt]

a Ara kapitlu 11 tal-​ktieb Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel! u “Seventy Weeks” fl-​Insight on the Scriptures, pubblikati mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

b Ara “All Scripture Is Inspired of God and Beneficial,” paġni 343-4, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

c Ara kapitli 4 u 9 tal-​ktieb Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel!

d Ara l-​artiklu intitolat “Oqgħod Attent għall-​Kelma Profetika t’Alla,” li deher fit-​Torri taʼ l-​Għassa taʼ l-​1 t’April, 2000.

Int Kif Twieġeb?

• Liema kienet l-​ewwel profezija, u min kien in-​Nisel imwiegħed?

• Liema kienu xi ftit profeziji dwar il-​Messija li wettaq Ġesù?

• Danjel 2:​44, 45 kif se jitwettaq?

• Il-​kelma profetika t’Alla liema futur tippreżenta quddiem il-​bnedmin ubbidjenti?

[Stampa f’paġna 18]

Tittama int li tgħix fil-​Ġenna taʼ l-​art?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja