Żomm it-“Tama tas-Salvazzjoni” Tiegħek Ċara f’Moħħok!
‘Ilbsu l-elmu tat-tama tas-salvazzjoni.’—1 TESSALONIKIN 5:8.
1. It-“tama tas-salvazzjoni” kif tgħinna nissaportu?
META wieħed ikollu t-tama li se jiġi salvat, din tistaʼ tgħinu ma jaqtax qalbu saħansitra fl-iktar ċirkustanzi diffiċli li jistaʼ jsib ruħu fihom. Meta wieħed isib ruħu f’nofs taʼ baħar fuq xi biċċa għuda, wara li jkun għereq il-bastiment li jkun fuqu, se jsibha iktar faċli li jissaporti meta jkun jaf li hemm xi ħadd ġej biex jagħtih l-għajnuna. Bl-istess mod, għal eluf taʼ snin, it-tama fis-‘salvazzjoni tal-Mulej’ sostniet lil irġiel u nisa taʼ fidi meta kienu għaddejjin minn żmien taʼ inkwiet, u din it-tama qatt ma ddiżappuntat lil ħadd. (Eżodu 14:13; Salm 3:8, Karm Żammit; Rumani 5:5; 9:33, Saydon) L-appostlu Pawlu xebbah it-“tama tas-salvazzjoni” maʼ “l-elmu” li hu parti mill-armatura spiritwali taʼ Kristjan. (1 Tessalonikin 5: 8; Efesin 6:17) Iva, il-fiduċja tagħna li Alla se jsalvana tipproteġilna l-ħsieb tagħna u tgħinna nibqgħu f’sensina minkejja l-għawġ, l-oppożizzjoni u t-tentazzjonijiet li jiġu fuqna.
2. It-“tama tas-salvazzjoni” b’liema modi hija bażika għall-qima vera?
2 “Tama rigward il-futur ma kinitx karatteristika tad-dinja pagana,” tistqarr The International Standard Bible Encyclopedia. (Efesin 2:12; 1 Tessalonikin 4:13) Però, it-“tama tas-salvazzjoni” hija element bażiku tal-qima vera. Kif? L-ewwel ħaġa, is-salvazzjoni tal-qaddejja taʼ Jehovah hija marbuta maʼ ismu. Is-salmista Asaf talab: “Għinna, o Alla, Salvatur tagħna, f’ġieħ is-sebħ taʼ l-isem tiegħek; eħlisna.” (Salm 79:9; Eżekjel 20:9) Madankollu, jekk ma jkollniex fiduċja fil-barkiet li Jehovah wegħedna, ma jistax ikollna relazzjoni tajba miegħu. Pawlu poġġieha b’dan il-mod: “Mingħajr il-fidi ma jistax ikun li wieħed jogħġob lil Alla. Għax kull min jersaq lejn Alla jeħtieġlu jemmen li Alla jeżisti u li hu jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh.” (Lhud 11:6) Barra minn hekk, Pawlu spjega li s-salvazzjoni taʼ dawk li jindmu kienet waħda mir-raġunijiet ewlenin għala Ġesù ġie fuq l-art. Hu ddikjara: “Din hija kelma taʼ min jemminha u jilqagħha għalkollox: li Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin.” (1 Timotju 1:15) U l-appostlu Pietru rrefera għas-salvazzjoni bħala ‘l-għan [jew, ir-riżultat aħħari] tal-fidi tagħna.’ (1 Pietru 1:9) M’hemm ebda dubju li huwa xieraq li nittamaw għas-salvazzjoni. Imma x’inhi verament is-salvazzjoni? U x’hemm bżonn biex niksbuha?
Is-Salvazzjoni—Xi Tfisser?
3. Liema xorta taʼ salvazzjoni għaddew minnha l-qaddejja taʼ Jehovah tal-qedem?
3 Fl-Iskrittura Ebrajka, “salvazzjoni” ġeneralment tfisser ħelsien jew liberazzjoni mill-moħqrija jew minn mewta vjolenti ħabta u sabta. Per eżempju, waqt li lil Jehovah David isejjaħlu “Ħellies,” hu jkompli: “Alla tiegħi, sur tal-kenn tiegħi . . . kenn tiegħi! Ħellies tiegħi, mill-vjolenza jeħlisni. Nsejjaħ lil Mulej, hu taʼ min ifaħħru, u nkun meħlus mill-għedewwa tiegħi.” (2 Samwel 22:2-4) David kien jaf li Jehovah jismagħhom lill-qaddejja leali tiegħu meta dawn isejħulu għall-għajnuna.—Salm 31:23, 24 [31:22, 23, NW]; 145:19.
4. Liema tama għall-futur kellhom il-qaddejja taʼ Jehovah taʼ qabel Kristu?
4 Il-qaddejja taʼ Jehovah taʼ qabel Kristu wkoll kellhom it-tama taʼ ħajja futura. (Ġob 14:13-15, KŻ; Isaija 25:8; Danjel 12:13) Fil-fatt, ħafna mill-wegħdi taʼ ħelsien li nsibu fl-Iskrittura Ebrajka kienu jipprofetizzaw dwar salvazzjoni akbar—dik li twassal għall-ħajja taʼ dejjem. (Isaija 49:6, 8; Atti 13:47; 2 Korintin 6:2) Fi żmien Ġesù, ħafna Lhud kellhom tama taʼ ħajja taʼ dejjem, imma rrifjutaw li jaċċettaw lil Ġesù bħala l-mezz li setaʼ jwassalhom biex jaraw it-tama tagħhom titwettaq. Lill-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu Ġesù qalilhom: “Intom tistudjaw l-Iskrittura, għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja taʼ dejjem; din tagħti xhieda għalija.”—Ġwann 5:39.
5. Is-salvazzjoni x’se tkun tfisser fl-aħħar mill-aħħar?
5 Permezz taʼ Ġesù, Alla rrivela dak kollu li hu involut fis-salvazzjoni. Dan jinkludi ħelsien mill-ħakma tad-dnub, mill-jasar tar-reliġjon falza, mid-dinja li qegħda taħt il-kontroll taʼ Satana, mill-biżaʼ mill-bniedem, u saħansitra mill-biżaʼ mill-mewt. (Ġwann 17:16; Rumani 8:2; Kolossin 1:13; Apokalissi 18:2, 4) Fl-aħħar mill-aħħar, għall-qaddejja leali t’Alla, is-salvazzjoni minn Alla ma tkunx tfisser biss ħelsien mill-moħqrija u min-niket imma wkoll l-opportunità li jkollhom ħajja taʼ dejjem. (Ġwann 6:40; 17:3) Ġesù għallem li għal “merħla ċkejkna” s-salvazzjoni tfisser li huma jiġu rxoxtati għal ħajja fis-sema biex isaltnu maʼ Kristu fit-tmexxija tas-Saltna. (Luqa 12:32) Għall-bqija tal-bnedmin, is-salvazzjoni tfisser li jerġaʼ jkollhom il-ħajja perfetta u r-relazzjoni m’Alla li Adam u Eva kienu jgawdu fil-ġenna t’Għeden qabel ma dinbu. (Atti 3:21; Efesin 1:10) L-iskop oriġinali t’Alla għall-bnedmin kien ħajja taʼ dejjem f’kundizzjonijiet taʼ ġenna bħal dawn. (Ġenesi 1:28; Mark 10:30) Iżda kif jistaʼ qatt jerġaʼ jkun hawn dawn il-kundizzjonijiet?
Il-Bażi għal Salvazzjoni —Il-Prezz tal-Fidwa
6, 7. Ġesù liema rwol għandu fis-salvazzjoni tagħna?
6 Is-salvazzjoni taʼ dejjem tistaʼ tiġi biss permezz tas-sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz tal-fidwa. Għala? Il-Bibbja tispjega li meta Adam dineb, hu ‘bigħ’ lilu nnifsu u lid-dixxendenti futuri tiegħu, inkluż lilna, lid-dnub—minħabba f’hekk kien hemm bżonn li jitħallas il-prezz għall-fidwa biex il-bnedmin setaʼ jkollhom xi tama valida. (Rumani 5:14, 15; 7:14) Is-sagrifiċċji taʼ l-annimali li kienu jsiru taħt il-Liġi Mosajka kienu dell taʼ dak il-prezz tal-fidwa li Alla kien se jipprovdi għall-umanità kollha. (Lhud 10:1-10; 1 Ġwann 2:2) Ġesù kien dak li bis-sagrifiċċju tiegħu wettaq dawk il-profeziji. Qabel ma twieled Ġesù, l-anġlu taʼ Jehovah ħabbar: “Hu jsalva l-poplu tiegħu minn dnubiethom.”—Mattew 1:21; Lhud 2:10.
7 Ġesù twieled b’miraklu minn Marija u, bħala l-Iben t’Alla, ma wiritx il-mewt mingħand Adam. Minħabba dan il-fatt u peress li mexa b’fedeltà perfetta, ħajtu kienet tiswa daqs il-prezz meħtieġ biex l-umanità tiġi mifdija mid-dnub u l-mewt. (Ġwann 8:36; 1 Korintin 15:22) Ġesù, kontra taʼ kull bniedem ieħor, ma kienx taħt il-kundanna tal-mewt minħabba d-dnub. Hu apposta ġie fuq l-art, “biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.” (Mattew 20:28) Wara li għamel dan, Ġesù, li issa hu rxoxtat u fuq it-tron, jinsab f’pożizzjoni li jistaʼ jagħti s-salvazzjoni lil dawk kollha li jagħmlu dak li Alla jeħtieġ minnhom.—Apokalissi 12:10.
X’Inhu Meħtieġ biex Niksbu s-Salvazzjoni?
8, 9. (a) Ġesù kif wieġeb il-mistoqsija li għamillu wieħed mexxej żagħżugħ dwar is-salvazzjoni? (b) Ġesù kif uża din l-okkażjoni biex jgħallem lid-dixxipli tiegħu?
8 Darba waħda, wieħed żagħżugħ għani, li kien mexxej fost l-Iżraelin, lil Ġesù staqsieh: “X’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja taʼ dejjem?” (Mark 10:17) Il-mistoqsija li għamillu x’aktarx li kienet turi l-mentalità tal-Lhud taʼ dak iż-żmien, jiġifieri li Alla jistenna li wieħed jagħmel ċerti xogħlijiet tajbin u li, billi jwettaq biżżejjed minn dawk ix-xogħlijiet, wieħed ikun jistaʼ jaqlaʼ s-salvazzjoni mingħand Alla. Imma dik ix-xorta taʼ qima formali tistaʼ tiġi minn motivi egoistiċi. Xogħlijiet bħal dawn ma setgħux jipprovdu tama ċerta taʼ salvazzjoni, ladarba l-ebda bniedem imperfett ma setaʼ jilħaq għalkollox il-livelli t’Alla.
9 Bi tweġiba għall-mistoqsija taʼ dak iż-żagħżugħ, Ġesù sempliċement fakkru li għandu jobdi l-kmandamenti t’Alla. Il-mexxej żagħżugħ malajr aċċerta lil Ġesù li hu kien ilu jobdihom minn żgħożitu. It-tweġiba tiegħu lil Ġesù ġagħlitu jinġibed lejh. Ġesù qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; mbagħad ejja u imxi warajja.” Madankollu, iż-żagħżugħ telaq ’l hemm b’qalbu sewda, “għaliex kellu bosta ġid.” Ġesù mbagħad enfasizza lid-dixxipli tiegħu li jekk ikunu qalbhom marbuta żżejjed mal-ġid taʼ din id-dinja, dan se jtellfilhom is-salvazzjoni. Hu żied li ħadd ma jistaʼ jikseb is-salvazzjoni permezz taʼ l-isforzi tiegħu stess. Imma Ġesù kompla jinkuraġġihom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jistaʼ jkun.” (Mark 10:18-27; Luqa 18:18-23) Is-salvazzjoni kif inhi possibbli?
10. Liema kundizzjonijiet jeħtieġ li nilħqu jekk irridu niksbu s-salvazzjoni?
10 Is-salvazzjoni hija għotja mingħand Alla, imma din ma tiġix awtomatikament. (Rumani 6:23) Hemm ċerti kundizzjonijiet bażiċi li kull individwu jrid jilħaq biex ikun jixraqlu jieħu dik l-għotja. Ġesù qal: “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen [“jeżerċita fidi,” NW] fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” U l-appostlu Ġwanni żied: “Min jemmen [“jeżerċita fidi,” NW] fl-Iben għandu l-ħajja taʼ dejjem; iżda min ma joqgħodx għall-Iben ma jarax il-ħajja.” (Ġwann 3:16, 36) Jidher ċar li Alla jirrikjedi fidi u ubbidjenza minn kull individwu li jittama li jikseb is-salvazzjoni taʼ dejjem. Kull wieħed irid jagħmel id-deċiżjoni li jaċċetta l-prezz imħallas tal-fidwa u jsegwi l-passi taʼ Ġesù.
11. Kif jistaʼ xi ħadd imperfett jikseb l-approvazzjoni taʼ Jehovah?
11 Ladarba aħna imperfetti, mhux dejjem insibuha faċli li nobdu u huwa impossibbli li nobdu perfettament. Kien minħabba f’hekk li Jehovah pprovda l-prezz tal-fidwa biex ipatti għal dnubietna. Xorta waħda, irridu nibqgħu nistinkaw il-ħin kollu biex ngħixu fi qbil mar-rieda t’Alla. L-istess bħalma qal Ġesù lil dak il-mexxej għani, aħna rridu nobdu l-kmandamenti t’Alla. Jekk nagħmlu hekk, mhux biss se jkollna l-approvazzjoni t’Alla, imma se jkollna wkoll ferħ kbir, għax il-“kmandamenti tiegħu m’humiex tqal,” imma huma bħal “duwa.” (1 Ġwann 5:3; Proverbji 3:1, 8) Xorta waħda, mhux faċli li nżommu sod mat-tama tas-salvazzjoni.
‘Issieltu għall-Fidi’
12. It-tama tas-salvazzjoni kif issaħħaħ lil Kristjan biex jirreżisti tentazzjonijiet immorali?
12 Id-dixxiplu Ġuda ried jikteb lill-Kristjani tal-bidu dwar ‘is-salvazzjoni tagħhom ilkoll.’ Madankollu, minħabba li madwarhom kulħadd kien qed jipprattika l-ħażen u l-immoralità, hu kellu jagħti parir lil ħutu biex ‘jissieltu għall-fidi.’ Iva, biex niksbu s-salvazzjoni mhux biżżejjed li jkollna l-fidi, li nibqgħu fil-fidi Kristjana vera, u li nobdu meta kollox ikun miexi ħarir. Id-devozzjoni tagħna lejn Jehovah trid tkun b’saħħitha biżżejjed biex tgħinna nirreżistu tentazzjonijiet u influwenzi immorali. Madankollu, l-abbużi u l-perversjonijiet sesswali, in-nuqqas taʼ rispett lejn l-awtorità, il-firdiet, u d-dubji kienu qed iħassru l-ispirtu tal-kongregazzjoni taʼ l-ewwel seklu. Biex jgħinhom jikkumbattu kontra dawn it-tendenzi, Ġuda ħeġġeġ lill-Kristjani sħabu biex iżommu l-mira li kellhom quddiem għajnejhom: “Intom, għeżież, ibnu lilkom infuskom fuq il-fidi l-aktar qaddisa tagħkom; itolbu fl-Ispirtu s-Santu; żommu rwieħkom fl-imħabba taʼ Alla, stennew il-ħniena taʼ Sidna Ġesù Kristu għall-ħajja taʼ dejjem.” (Ġuda 3, 4, 8, 19-21) It-tama li kienu se jiksbu s-salvazzjoni setgħet issaħħaħhom fil-ġlieda li kellhom biex jibqgħu nodfa moralment.
13. Kif nistgħu nuru li aħna ma tlifniex l-iskop tal-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla?
13 Alla Jehovah jistenna kondotta morali eżemplari minn dawk li se jagħtihom is-salvazzjoni. (1 Korintin 6:9, 10) Però ma jfissirx li għax inżommu mal-livelli morali t’Alla nistgħu naqbdu u niġġudikaw lil oħrajn. Mhux aħna li niġġudikaw x’se jsir minn bnedmin oħra bħalna. Pjuttost, huwa Alla li se jagħmel dan, preċiż bħalma Pawlu qal lill-Griegi f’Ateni: “Hu għażel jum li fih għandu jagħmel ħaqq ġust mid-dinja permezz taʼ bniedem li ħatru hu; u taʼ dan kollu ta prova quddiem kulħadd billi lilu qajjmu mill-imwiet”—u dak il-bniedem kien Ġesù Kristu. (Atti 17:31; Ġwann 5:22) Jekk aħna qed nimxu bil-fidi fil-prezz tal-fidwa mħallas minn Ġesù, m’għandniex għalfejn nibżgħu minn jum il-ħaqq li ġej. (Lhud 10:38, 39) L-iktar ħaġa importanti hi li qatt m’għandna ‘naċċettaw il-qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla [il-fatt li hu ħabbibna miegħu permezz tal-prezz li tħallas għall-fidwa] u nitilfu l-iskop tagħha’ billi nħallu lilna nfusna naqgħu fi ħsibijiet u kondotta ħażina. (2 Korintin 6:1, NW) Barra minn hekk, jekk aħna ngħinu lil oħrajn jiksbu s-salvazzjoni nuru li aħna ma nkunux tlifna l-iskop tal-ħniena t’Alla. Kif nistgħu ngħinuhom?
Naqsmu t-Tama tas-Salvazzjoni m’Oħrajn
14, 15. Ġesù lil min inkariga biex ixandar il-bxara t-tajba tas-salvazzjoni?
14 Pawlu kkwota lill-profeta Ġoel meta kiteb: “Għax kull min isejjaħ isem il-Mulej isalva.” Imbagħad żied: “Imma kif jistgħu jsejjħu lil dak li ma jemmnux fih? Kif jistgħu jemmnu f’dak li ma semgħux bih? Kif jistgħu jisimgħu jekk ma jxandrulhomx?” Ftit versi wara, Pawlu jenfasizza li l-fidi ma tiġix waħedha; minflok, din “tiġi mis-smigħ,” jiġifieri, “mix-xandir tal-kelma taʼ [jew, dwar ] Kristu.”—Rumani 10:13, 14, 17; Ġoel 3:5 [2:32, NW].
15 Min kellu jwassal il-“kelma dwar Kristu” lill-ġnus? Ġesù ta l-inkarigu lid-dixxipli tiegħu—dawk li diġà kienu mgħallmin dwar dik il-“kelma.” (Mattew 24:14; 28:19, 20; Ġwann 17:20) Meta nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar dwar is-Saltna u taʼ li nagħmlu dixxipli, aħna nkunu qed nagħmlu preċiż bħal dak li kiteb dwaru l-appostlu Pawlu, din id-darba meta kkwota minn Isaija: “Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru [“l-bxara t-tajba fuq ħwejjeġ tajba,” KŻ].” Anki jekk ħafna nies ma jaċċettawx il-bxara t-tajba li nagħtuhom, saqajna xorta waħda jkunu “sbieħ” f’għajnejn Jehovah.—Rumani 10:15; Isaija 52:7.
16, 17. Liema żewġ skopijiet għandu x-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar?
16 Meta nwettqu dan l-inkarigu nkunu qed inwettqu żewġ skopijiet importanti. L-ewwel, l-aħbar tajba trid tiġi pridkata sabiex l-isem t’Alla jiġi glorifikat u dawk li jixtiequ jsalvaw ikunu jafu għand min għandhom imorru. Pawlu fehmu sew dan l-aspett tal-ħatra. Hu stqarr: “Għax hekk ordnalna l-Mulej, ‘Jien għamiltek dawl tal-ġnus, biex twassal is-salvazzjoni sa truf l-art.’” Għalhekk, bħala dixxipli taʼ Kristu, kull wieħed minna jrid ikollu sehem f’li jieħu l-messaġġ taʼ salvazzjoni lin-nies.—Atti 13:47; Isaija 49:6.
17 It-tieni, l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba jqiegħed il-pedament għall-ħaqq ġust t’Alla. Dwar dak il-ġudizzju, Ġesù qal: “Meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu u bl-anġli kollha miegħu, mbagħad joqgħod fuq it-tron glorjuż tiegħu. U quddiemu jinġabru l-ġnus kollha, u hu jifridhom minn xulxin, bħalma r-ragħaj jifred in-nagħaġ mill-mogħoż.” Għalkemm il-ġudizzju u l-frid se jsiru “meta jiġi Bin il-bniedem fil-glorja tiegħu,” permezz tax-xogħol taʼ l-ippridkar in-nies qed ikollhom l-opportunità li jagħrfu min huma l-aħwa spiritwali taʼ Kristu biex ikunu jistgħu jaħdmu ħalli jappoġġawhom, u dan ikun ifisser is-salvazzjoni eterna tagħhom stess.—Mattew 25:31-46.
Araw li t-“Tama Tagħkom Tilħaq il-Milja Tagħha”
18. Kif nistgħu nżommu t-“tama tas-salvazzjoni” tagħna ċara f’moħħna?
18 Mezz ieħor biex jgħinna nżommu t-tama tagħna ċara f’moħħna hu li nkunu attivi fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Pawlu kiteb: “Jiena nixtieq li kull wieħed minnkom juri l-istess ħerqa, biex it-tama tagħkom tilħaq il-milja tagħha sa l-aħħar.” (Lhud 6:11) Mela, jalla kull wieħed minna jilbes “l-elmu tat-tama tas-salvazzjoni,” u b’hekk niftakru li “Alla ma għażilniex għall-għadab, imma biex niksbu s-salvazzjoni permezz taʼ Sidna Ġesù Kristu.” (1 Tessalonikin 5:8, 9) Ejjew ukoll inżommu f’moħħna it-twissija taʼ Pietru: “Kunu mħażżmin fir-ruħ u rżina f’kollox; ittamaw għalkollox fil-grazzja li għad tingħatalkom meta jidher Ġesù Kristu.” (1 Pietru 1:13) Dawk kollha li jagħmlu hekk se jaraw it-“tama tas-salvazzjoni” tagħhom titwettaq għalkollox!
19. X’se nikkunsidraw fl-artiklu li jmiss?
19 Sadanittant, kif għandna nqisuh iż-żmien li fadal taʼ din is-sistema? Kif nistgħu nużaw il-ħin tagħna biex niksbu s-salvazzjoni għalina u għal oħrajn? Dawn il-mistoqsijiet se nikkunsidrawhom fl-artiklu li jmiss.
Tistaʼ Tispjega?
• Għala rridu nżommu t-“tama tas-salvazzjoni” tagħna ċara f’moħħna?
• Is-salvazzjoni x’tinkludi?
• X’irridu nagħmlu biex nirċievu dik l-għotja tas-salvazzjoni?
• Ix-xogħol tagħna taʼ l-ippridkar x’iwettaq f’konnessjoni maʼ l-iskop t’Alla?
[Stampi f’paġna 10]
Is-salvazzjoni ma tfissirx biss li sempliċement niġu meħlusin mill-qerda