Żmien “it-Tiġdid” Jinsab fil-Qrib!
Ftit qabel ma Ġesù talaʼ s-sema, xi wħud mid-dixxipli leali tiegħu staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġaʼ twaqqaf is-Saltna taʼ Iżrael?” It-tweġiba taʼ Ġesù tat wieħed x’jifhem li kellu jgħaddi ċertu żmien qabel ma tiġi s-Saltna. Matul dak iż-żmien, is-segwaċi tiegħu kien se jkollhom xogħol kbir x’jagħmlu. Kellhom ikunu xhieda taʼ Ġesù “f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.”—Atti 1:6-8.
Dan l-inkarigu ma setax jitwettaq fi kwistjoni taʼ ftit ġranet, ġimgħat, jew xhur. Minkejja dan, id-dixxipli mill-ewwel bdew jippridkaw. Imma ma tilfux l-interess fis-suġġett tat-tiġdid. L-appostlu Pietru tkellem dwar dan it-tiġdid quddiem folla mdaqqsa miġbura f’Ġerusalemm, meta qalilhom: “Indmu . . . u erġgħu lura minn dnubietkom biex jinħafrulkom. Hekk jiġu żminijiet taʼ mistrieħ mingħand il-Mulej, u jibagħtilkom il-Messija li għażlilkom, li hu Ġesù, li għalissa għandu jibqaʼ fis-sema sa ma jseħħ it-tiġdid kollu li fl-imgħoddi semma Alla b’fomm il-profeti qaddisa tiegħu.”—Korsiv tagħna; Atti 3:19-21.
Dak it-“tiġdid” kellu jagħti bidu għal “żminijiet taʼ mistrieħ” mingħand Jehovah. It-tiġdid imbassar kellu jiġi f’żewġ stadji. L-ewwel, kellu jkun hemm tiġdid spiritwali rifreskanti, li qed iseħħ bħalissa. Imbagħad għandha tiġi stabbilita ġenna letterali fuq l-art.
Jibda Żmien it-Tiġdid
Bħalma qal l-appostlu Pietru lil dik il-folla f’Ġerusalemm, ‘Ġesù kellu jibqaʼ fis-sema.’ Hekk ġara sa l-1914, meta Ġesù ħa l-poter irjali u beda jsaltan bħala s-Sultan maħtur. Pietru bassar li f’dak iż-żmien Jehovah kellu ‘jibgħat’ lil Ibnu fis-sens li Hu kellu jħalli lil Ġesù jwettaq l-irwol tiegħu bħala l-figura ċentrali fl-iskopijiet t’Alla. Dik il-ġrajja l-Bibbja tiddeskriviha b’lingwaġġ simboliku: “U hi [l-organizzazzjoni t’Alla fis-sema] wildet iben, tifel [is-Saltna t’Alla f’idejn Ġesù Kristu], li kien għad irid jirgħa l-ġnus b’xettru tal-ħadid.”—Apokalissi 12:5.
Imma l-ġnus ma kellhom l-ebda intenzjoni li jbaxxu rashom għall-ħakma taʼ Kristu. Mhux talli hekk, talli ħaduha qatta bla ħabel kontra s-sudditi leali tiegħu fuq l-art, li llum huma magħrufin bħala x-Xhieda taʼ Jehovah. Bħall-appostli qabilhom, ix-Xhieda ħadu fuq spallejhom bla tnikkir taʼ xejn “ix-xogħol taʼ li jagħtu xiehda dwar Ġesù.” (Apokalissi 12:17, NW) L-oppożizzjoni għax-xogħol taʼ dawn il-Kristjani sinċieri xegħlet kontrihom f’pajjiż wara l-ieħor. Fl-1918, xi membri responsabbli li kienu jaħdmu fil-kwartieri ġenerali tal-Watch Tower Society fi Brooklyn, New York, ittellgħu l-qorti fuq akkużi foloz u ġew sentenzjati bla ħtija għal żmien twil il-ħabs. Għal xi żmien kien donnu li x-xogħol taʼ għoti taʼ xiehda “sa truf l-art” fi żmienna kien se jfalli.—Apokalissi 11:7-10.
Madankollu, fl-1919, il-membri li kienu jaħdmu fil-kwartieri ġenerali ġew meħlusin mill-ħabs u iktar tard ġew dikjarati innoċenti minn kull akkuża falza li kienet inġiebet kontrihom. Ma tilfux ħin biex jerġgħu jibdew ix-xogħol taʼ tiġdid spiritwali. Minn dak iż-żmien ’l hawn, in-nies taʼ Jehovah qegħdin igawdu prosperità spiritwali li qatt ma kien hawn bħalha.
Inbdiet kampanja estensiva biex nies minn kull ġens jiġu mgħallmin iħarsu dak kollu li Ġesù ordna lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu. (Mattew 28:20) Kemm kienet ħaġa sabiħa li tara lil xi wħud, li darba kienu juru karatteristiċi annimaleski, ibiddlu l-ħarsa tagħhom! Dawn neżgħu l-personalità l-qadima, li rawmet fihom affarijiet ħżiena bħal “korla,” “dagħa,” u “kliem mhux xieraq,” u libsu l-personalità l-ġdida, ‘li tiġġedded dejjem skond ix-xbieha taʼ Alla li ħalaqha.’ F’sens spiritwali, kliem il-profeta Isaija qed jitwettaq saħansitra issa: “Il-lupu [bniedem li kien xi darba juri karatteristiċi bħal taʼ lupu] jibda jgħix mal-ħaruf [bniedem li juri li hu ġwejjed], il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun.”—Kolossin 3: 8-10; Isaija 11:6, 9.
Ġej Iktar Tiġdid Dalwaqt!
Minbarra t-tiġdid li rriżulta f’ġenna spiritwali llum, qed joqrob b’pass mgħaġġel iż-żmien meta din il-pjaneta tagħna se ssir ġenna taʼ l-art letterali. Kien hemm parti żgħira taʼ l-art li kienet ġenna meta Jehovah qiegħed l-ewwel antenati tagħna, Adam u Eva, fil-ġnien taʼ Għeden. (Ġenesi 1:29-31) Hu għalhekk li nistgħu ngħidu li l-Ġenna taʼ l-art se tiġġedded. Iżda qabel iseħħ dan, l-art trid tinħeles minn kull reliġjon falza li tant tiddiżonorah lil Alla. L-elementi politiċi taʼ did-dinja se jieħdu ħsieb din il-ħaġa. (Apokalissi 17:15-18) Imbagħad, se jinqerdu l-elementi politiċi u kummerċjali, flimkien maʼ dawk li jappoġġawhom. Fl-aħħarnett, Satana x-Xitan u d-demonji tiegħu, li huma l-aħħar opponenti t’Alla li jkun għad fadal, se jiġu maqfulin għal elf sena. Daqshekk se jdum sejjer il-proġett taʼ tiġdid. Matul dak iż-żmien, “ħa jifirħu d-deżert u l-art maħruqa; ħa jifraħ ix-xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-ranġis.” (Isaija 35:1) L-art kollha se tinħeles minn kull inkwiet. (Isaija 14:7) Saħansitra l-miljuni taʼ nies li diġà mietu se jingħataw il-ħajja mill-ġdid fuq l-art. Ilkoll se jgawdu l-benefiċċji taʼ tiġdid li jiġu permezz tas-sagrifiċċju li Ġesù ħallas biex fdiena. (Apokalissi 20:12-15; 22:1, 2) Ma se jkun hemm ħadd li jkun agħmi, trux, jew magħtub fuq l-art. “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Ftit wara li tintemm il-Ħakma t’Elf Sena taʼ Kristu, Satana u d-demonji tiegħu se jiġu meħlusin għal ftit taż-żmien u se jaraw kif l-iskop t’Alla għall-art ikun twettaq sa dak il-punt. Imbagħad, sa fl-aħħar, se jinqerdu għal dejjem.—Apokalissi 20:1-3.
Meta l-art tilħaq tmiem l-elf sena taʼ tiġdid, “kull ma jieħu nifs” se jfaħħar lil Jehovah, u dan se jagħmluh għall-eternità kollha. (Salm 150:6) Se tkun int fosthom? Tistaʼ, jekk trid.