LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 9/15 pp. 29-31
  • L-Umli Ġosija Kellu l-Favur taʼ Jehovah

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Umli Ġosija Kellu l-Favur taʼ Jehovah
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ġosija Jidħol fl-​Azzjoni!
  • Sejba Imprezzabbli!
  • Il-​Kelma taʼ Jehovah Titwassal
  • Tavanza l-​Qima Vera
  • Ċelebrata Festa tal-​Qbiż Grandjuża
  • Mibki Ferm f’Mewtu
  • Ġosija kellu ħbieb tajbin
    Għallem lil Uliedek
  • Ġosija kien iħobb il-Liġi t’Alla
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Ġosija Għażel li Jagħmel Dak li Hu Tajjeb
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • L-Aħħar Sultan Tajjeb t’Iżrael
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 9/15 pp. 29-31

L-​Umli Ġosija Kellu l-​Favur taʼ Jehovah

TAʼ ĦAMES snin, il-​Prinċep Ġosija taʼ Ġuda bilfors li jinsab imbeżżaʼ. Ommu Ġedida qegħda tolfoq. Ġedida għandha raġun tibki għaliex miet is-​Sultan Manassi, in-​nannu taʼ Ġosija.—2 Slaten 21:18.

Issa jmiss lil Amon, missier Ġosija, li jkun is-​sultan taʼ Ġuda. (2 Kronaki 33:20) Sentejn wara (659 Q.E.K.), Amon jinqatel mill-​qaddejja tiegħu. In-​nies joqtlu lil dawk li kkonfoffaw, u liż-​żagħżugħ Ġosija jagħmluh sultan. (2 Slaten 21:24; 2 Kronaki 33:25) Matul ir-​renju t’Amon, Ġosija kien dara jxomm ir-​riħa taʼ l-​inċens li kienet timla l-​arja taʼ Ġerusalemm. Dan kien minħabba li fuq il-​bjut kien hemm ħafna artali li n-​nies kienu jinxteħtu quddiemhom biex jaduraw l-​allat foloz. F’dak iż-​żmien wieħed setaʼ jara lill-​qassisin pagani jippassiġġaw ’l hawn u ’l hinn, u xi nies devoti, saħansitra xi wħud li kienu jsostnu li qegħdin iqimu lil Jehovah, kienu qegħdin jaħilfu bl-​alla Milkom.—Sofonija 1:​1, 5.

Ġosija jaf li Amon ma setax jaġixxi agħar milli jqim lid-​divinitajiet foloz. Barra minn hekk, is-​sultan żagħżugħ taʼ Ġuda jsir jifhimhom aħjar il-​proklamazzjonijiet taʼ Sofonija, il-​profeta t’Alla. Meta jagħlaq 15-il sena (652 Q.E.K.), Ġosija jinsab fit-​tmien sena tar-​renju tiegħu u huwa deċiż li jagħti widen għal kliem Sofonija. Għalkemm għadu żgħir, Ġosija jibda jfittex lil Jehovah.—2 Kronaki 33:​21, 22; 34:3.

Ġosija Jidħol fl-​Azzjoni!

Jgħaddu erbaʼ snin u Ġosija jibda jnaddaf lil Ġuda u lil Ġerusalemm mir-​reliġjon falza (648 Q.E.K.). Dan jagħmlu billi jeqred l-​idoli, l-​arbli sagri u l-​artali taʼ l-​inċens użati fil-​qima taʼ Bagħal. Ix-​xbihat taʼ l-​allat foloz jintgħamlu frak li mbagħad jixxerred fuq l-​oqbra taʼ dawk li ssagrifikawlhom. L-​artali wżati għall-​qima mhix safja jiġu profanati u mbagħad imfarrkin biċċiet.—2 Slaten 23:​8-14.

It-tindif minn Ġosija jinsab fl-​aqwa tiegħu meta Ġeremija, bin qassis Levita, jasal Ġerusalemm (647 Q.E.K.). Alla Jehovah ħatar liż-​żagħżugħ Ġeremija bħala l-​profeta tiegħu, u dan kemm jiddikjarah b’qawwa kbira l-​messaġġ taʼ Jehovah kontra r-​reliġjon falza! Ġosija kellu kważi l-​istess età taʼ Ġeremija. Iżda, minkejja t-​tindif kuraġġuż minn Ġosija u l-​proklamazzjonijiet bla biżaʼ taʼ Ġeremija, in-​nies malajr jerġgħu jaqgħu għall-​qima falza.—Ġeremija 1:​1-10.

Sejba Imprezzabbli!

Jgħaddu bejn wieħed u ieħor ħames snin. Ġosija, li għandu ħamsa u għoxrin sena, issa ilu jaħkem xi 18-il sena. Hu jsejjaħ lil Safan, is-​segretarju; lil Magħxija, il-​kmandant tal-​belt; u lill-​kronista Ġowaħ. Is-​sultan jikkmanda lil Safan: ‘Għid lil Ħilkija, il-​qassis il-​kbir, biex jieħu l-​flus kollha li ġabru l-​għassiesa tal-​bieb mingħand il-​poplu u jgħaddihom lill-​ħaddiema tat-​tempju tal-​Mulej biex isewwu l-​ħsara fit-​tempju.’—2 Slaten 22:​3-6; 2 Kronaki 34:8.

Minn kmieni fil-​għodu, dawk li jsewwu t-​tempju jaħdmu b’ilsienhom barra. Ġosija żgur li hu grat lejn Jehovah li l-​ħaddiema qegħdin isewwu l-​ħsara li saret lid-​dar t’Alla minn xi wħud mill-​antenati mill-​agħar tiegħu. Hekk kif ix-​xogħol jinsab miexi ’l quddiem, jiġi Safan biex jagħmel rapport. Imma x’għandu f’idu? Għandu romblu! Hu jispjega li l-​Qassis il-​Kbir Ħilkija sab “il-​ktieb tal-​liġi tal-​Mulej mogħtija permezz taʼ Mosè.” (2 Kronaki 34:​12-18) X’sejba dik—bla dubju l-​kopja oriġinali tal-​Liġi!

Ġosija hu ħerqan biex jismaʼ kull kelma li fih il-​ktieb. Hekk kif Safan jibda jaqra, is-​sultan jipprova jara kif kull kmand japplika għalih u għan-​nies. L-​iktar li jimpressjonah huwa l-​mod kif il-​ktieb jenfasizza l-​qima vera u jbassar il-​kastigi u l-​eżilju li jirriżultaw jekk in-​nies jieħdu sehem fir-​reliġjon falza. Billi issa jirrealizza li l-​kmandi t’Alla ma twettqux kollha, Ġosija jċarrat ħwejġu u jagħti din l-​ordni lil Ħilkija, Safan, u oħrajn: ‘Morru staqsu ’l-Mulej dwar il-​kliem li hawn f’dan il-​ktieb, għax kbira hi l-​korla tal-​Mulej li xegħlet għalina, għax missirijietna ma semgħux minn kliem dan il-​ktieb.’—2 Slaten 22:​11-13; 2 Kronaki 34:​19-21.

Il-​Kelma taʼ Jehovah Titwassal

Il-​messaġġiera taʼ Ġosija jmorru Ġerusalemm għand il-​profetessa Ħulda u jiġu lura b’rapport. Ħulda wasslet il-​kelma taʼ Jehovah, billi indikat li l-​ħsarat miktubin fil-​ktieb li għadu kif instab se jiġu fuq il-​ġens apostat. Madankollu, peress li umilja ruħu quddiem Alla Jehovah, Ġosija ma kienx se jaraha din il-​ħsara. Hu kien se jinġabar maʼ missirijietu u jittieħed lejn qabru bis-​sliem.—2 Slaten 22:​14-20; 2 Kronaki 34:​22-28.

Kienet eżatta l-​profezija taʼ Ħulda, ladarba Ġosija miet fil-​battalja? (2 Slaten 23:​28-30) Iva, għax is-​“sliem” li bih inġabar lejn qabru qiegħed f’kuntrast mal-​“ħsara” li ġejja fuq Ġuda. (2 Slaten 22:20; 2 Kronaki 34:28) Ġosija miet qabel il-​ħsara li seħħet fis-​snin 609-607 Q.E.K. meta l-​Babiloniżi assedjaw lil Ġerusalemm u qerduha. U l-​fatt li wieħed ‘jinġabar maʼ missirijietu’ ma jeskludix neċessarjament li jmut mewta vjolenti. Espressjoni simili tintuża b’referenza kemm għal imwiet vjolenti u kemm għal dawk mhux vjolenti.—Dewteronomju 31:16; 1 Slaten 2:10; 22:​34, 40.

Tavanza l-​Qima Vera

Ġosija jiġbor lin-​nies taʼ Ġerusalemm fit-​tempju u jaqralhom il-​“kliem kollu tal-​ktieb tal-​patt” li kien instab fid-​dar taʼ Jehovah. Imbagħad hu jagħmel patt “li jimxi wara l-​Mulej u jħares il-​kmandamenti u l-​preċetti u l-​liġijiet tiegħu b’qalbu kollha u b’ruħu kollha, u jżomm il-​kliem taʼ dan il-​patt, miktub f’dan il-​ktieb.” In-​nies kollha jieħdu l-​waqfa tagħhom favur il-​patt.—2 Slaten 23:​1-3.

Is-Sultan Ġosija issa jibda kampanja oħra u b’mod evidenti iktar qawwija kontra l-​idolatrija. Il-​qassisin taʼ l-​allat barranin taʼ Ġuda jitilfu xogħolhom. Il-​qassisin Leviti li kienu involuti fil-​qima mhix safja jitilfu l-​privileġġ tagħhom li jaqdu fuq l-​artal taʼ Jehovah, u l-​postijiet għoljin mibnijin matul ir-​renju tas-​Sultan Salamun ma jibqgħux tajbin għall-​qima. It-​tindif isir ukoll fit-​territorju taʼ dik li qabel kienet is-​saltna b’għaxar tribujiet taʼ Iżrael, li ntrebħet iktar kmieni mill-​Assirjani (740 Q.E.K.).

Biex iwettaq il-​kliem li kien intqal 300 sena qabel minn ċertu “bniedem taʼ Alla,” li ismu baqaʼ mhux magħruf, Ġosija jaħraq l-​għadam tal-​qassisin taʼ Bagħal fuq l-​artal mibni f’Betel mis-​Sultan Ġerobogħam I. Il-​postijiet għoljin jitneħħew minn hemmhekk u mill-​bliet l-​oħrajn, u l-​qassisin idolatrużi jiġu sagrifikati fuq l-​istess artali fejn wettqu l-​funzjonijiet tagħhom.—1 Slaten 13:​1-4; 2 Slaten 23:​4-20.

Ċelebrata Festa tal-​Qbiż Grandjuża

Dak li jagħmel Ġosija biex iġib ’il quddiem il-​qima safja għandu l-​appoġġ divin. Kemm idum ħaj, is-​sultan se jiżżi ħajr lil Alla li n-​nies “ma warrbux mill-​Mulej, Alla taʼ missirijiethom.” (2 Kronaki 34:33) U Ġosija kif jistaʼ jinsa ġrajja taʼ l-​għaġeb li seħħet meta kien ilu jsaltan 18-il sena?

Is-sultan jikkmanda lin-​nies: “Agħmlu l-​Għid [jew, Qbiż] lill-​Mulej, Alla tagħkom, skond ma hemm miktub f’dan il-​ktieb tal-​patt [li għadu kif instab].” (2 Slaten 23:21) Ġosija jifraħ meta jara r-​reazzjoni mill-​aħjar tan-​nies. Għal din l-​osservanza, hu nnifsu jikkontribwixxi 30,000 ħaruf u gidi taʼ l-​Għid u 3,000 gendus. X’festa tal-​Qbiż dik! F’dawk li huma offerti, arranġamenti ppjanati tajjeb, u l-​għadd t’adoraturi, dan il-​Qbiż jisboq kwalunkwe Qbiż ieħor ċelebrat minn żmien il-​profeta Samwel ’l hawn.—2 Slaten 23:​22, 23; 2 Kronaki 35:​1-19.

Mibki Ferm f’Mewtu

Għall-​bqija tar-​renju tiegħu li dam 31 sena (659-629 Q.E.K.), Ġosija jaħkem bħala sultan tajjeb. Lejn tmiem il-​ħakma tiegħu, hu jsir jaf li l-​Fargħun Neko qed jippjana li jgħaddi minn Ġuda fi triqtu biex iwaqqaf lill-​eżerċti taʼ Babilonja u b’hekk jgħin lis-​sultan taʼ l-​Assirja f’Karkemis fuq ix-​Xmara Ewfrat. Għal xi raġuni mhix magħrufa, Ġosija joħroġ biex jiġġieled kontra l-​Eġizzjan. Neko jibgħatlu l-​messaġġiera, u dawn jgħidulu: “Tiqafx lil Alla għax hu miegħi, li ma jeqirdekx.” Imma Ġosija jinħeba taħt sura oħra u jipprova jdawwar lill-​Eġizzjani lura lejn Megiddu.—2 Kronaki 35:​20-22.

Xi straġi għas-​sultan taʼ Ġuda! L-​arċieri taʼ l-​għadu jolqtu l-​mira tagħhom, u Ġosija jgħid lill-​qaddejja tiegħu: “Ħuduni minn hawn għaliex midrub sewwa!” Dawn jiħduh minn fuq il-​karru tal-​gwerra tiegħu, jgħabbuh fuq karru ieħor, u jerħulha lejn Ġerusalemm. Jew hemmhekk, inkella fi triqithom lejn il-​belt, Ġosija jieħu l-​aħħar nifs tiegħu. “Miet u difnuh fl-​oqbra taʼ missirijietu,” jgħid ir-​rakkont ispirat, “u Ġuda kollu u Ġerusalemm għamlu l-​vistu għal Ġosija.” Ġeremija għannielu fuq qabru, u wara din il-​ġrajja, is-​sultan sar is-​suġġett taʼ għanjiet taʼ lamentazzjoni f’okkażjonijiet speċjali.—2 Kronaki 35:​23-25.

Iva, is-​Sultan Ġosija għamel żball fatali meta ġġieled kontra l-​Eġizzjani. (Salm 130:3) Minkejja dan, l-​umiltà u s-​sodizza tiegħu favur il-​qima vera ġabulu l-​approvazzjoni t’Alla. Kemm jintwera tajjeb mill-​ħajja taʼ Ġosija li Jehovah juri favur lill-​qaddejja dedikati tiegħu li jkollhom qalb umli!—Proverbji 3:34; Ġakbu 4:6.

[Stampa f’paġna 29]

Is-​Sultan żagħżugħ Ġosija fittex bil-​ħrara lil Jehovah

[Stampa f’paġna 31]

Ġosija qered il-​postijiet għoljin u ġab ’il quddiem il-​qima vera

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja