Jagħmel Xi Ġid it-Talb?
Illum jew għada, kważi kulħadd iħoss il-ħtieġa li jitlob. Fil-fatt, in-nies taʼ kważi kull twemmin reliġjuż jitolbu bil-ħrara. Per eżempju, Buddista għandu mnejn jirrepeti t-talba “Jien inpoġġi l-fidi tiegħi fil-Budda Amida” eluf taʼ drabi matul il-ġurnata.
Meta tqis il-problemi li jippersistu madwar id-dinja, huwa raġunevoli li tistaqsi: In-nies x’qed jippretendu li jiksbu permezz tat-talb? Qiegħed dan it-talb kollu jagħmel xi ġid?
In-Nies Għala Jitolbu?
Ħafna nies fl-Orjent jitolbu lill-antenati tagħhom u lill-allat tax-Xintù jew Tao. Dan jagħmluh bit-tama li jgħaddu mill-eżamijiet taʼ l-iskola, li jkollhom ħsad tajjeb, jew li jiġu skansati mill-mard. Bl-isforzi tagħhom, il-Buddisti jittamaw li jiksbu xi tidwil. Il-Ħindi jitolbu bid-devozzjoni lill-allat favoriti tagħhom maskili u femminili biex jiksbu l-għarfien, l-għana u l-protezzjoni.
Xi Kattoliċi jittamaw li jagħmlu l-ġid lil bnedmin oħrajn billi jiddedikaw ħajjithom bħala patrijiet jew sorijiet u jinqaflu f’monasterji jew kunventi, jitolbu l-ħin kollu. Miljuni taʼ Kattoliċi jfittxu li jiksbu l-interċessjoni taʼ Marija billi jirrepetu talb bl-amment, forsi permezz taʼ xi kuruna tar-rużarju. F’pajjiżi Orjentali, ħafna nies jużaw rota tat-talb. Il-Protestanti jirrepetu l-kliem tal-Missierna, għalkemm għandhom mnejn ukoll jesprimu s-sentimenti tagħhom lil Alla spontanjament. Ħafna Lhud jivvjaġġaw distanzi twal ħafna biex jitolbu ħdejn il-Ħajt tal-Punent f’Ġerusalemm, waqt li jittamaw għal restawr tat-tempju u għal era ġdida taʼ riżq u sliem.
Għalkemm miljuni jitolbu fuq li jitolbu, is-soċjetà umana tkompli ssir dejjem iktar flaġellata bi problemi taʼ faqar, vizzji, familji mfarrkin, kriminalità u gwerer. Jistaʼ jkun li dawn in-nies kollha m’humiex jitolbu kif suppost? U jekk niġu f’dan, hemm xi ħadd li tassew jismaʼ t-talb?
Hemm Xi Ħadd li Jismaʼ t-Talb?
It-talb ma jistax jagħmel ġid veru jekk ma jinstemax. Meta wieħed jitlob, hu bilfors li jemmen li hemm xi ħadd li jisimgħu fil-qasam inviżibbli taʼ l-ispirti. Madankollu, it-talb ma jiġix trasmess bħallikieku kien xi sempliċi ħoss. Ħafna nies jemmnu li hemm xi ħadd li jistaʼ saħansitra jaqra x’għandu f’moħħu l-wieħed li qed jitlob. Min jistaʼ jkun dan?
Ir-riċerkaturi għadhom ma jafux eżatt kif joriġinaw il-ħsibijiet fil-biljuni taʼ newroni li jifformaw il-kortiċi ċerebrali, ir-rita taʼ barra taʼ moħħna. Iżda huwa raġunevoli li l-Wieħed li ddisinja l-moħħ jistaʼ jaqra dawn il-ħsibijiet. Dan il-wieħed m’hu ħadd ħlief il-Ħallieq tagħna, Alla Jehovah. (Salm 83:19 [83:18, NW]; Apokalissi 4:11) It-talb għandu jkun dirett lejh. Imma Jehovah jagħti attenzjoni għal dan it-talb kollu?
It-Talb Kollu Jinstemaʼ?
Is-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem kien bniedem li jitlob ħafna. Bħala salmista mnebbaħ b’mod divin, hu għanna: “Int, li tismaʼ talbna. Quddiemek jersaq kull bniedem.” (Salm 65:3, 4 [65:2, NW]) Jehovah kapaċi jifhem it-talb li jingħad bi kwalunkwe lingwa mill-eluf mitkellma mill-bnedmin. Il-fatt li ebda moħħ uman ma jistaʼ jlaħħaq maʼ daqstant informazzjoni ma jfissirx li Alla ma jistax jagħti attenzjoni lil dawk kollha li jitolbuh b’mod aċċettabbli.
Madankollu, Ġesù Kristu, li kien ukoll bniedem li jitlob ħafna, wera li mhux it-talb kollu jogħġob lil Alla. Innota x’qal Ġesù dwar id-drawwa popolari li kien hemm f’dak iż-żmien taʼ li wieħed jirrepeti talb bl-amment. Hu stqarr: “Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu.” (Mattew 6:7) Ma nistgħux nippretendu li Jehovah se jismaʼ talb li ma jesprimix is-sentimenti veri tagħna.
Waħda mir-raġunijiet għala xi talb ma jogħġobx lil Alla hija indikata minn proverbju Bibliku li jgħid: “Min isodd widnejh biex ma jismax il-Liġi, Alla wkoll jistmell it-talb tiegħu.” (Proverbji 28:9) Proverbju ieħor jgħid: “Il-Mulej jitbiegħed mill-ħżiena, imma jismaʼ talb il-ġusti.” (Proverbji 15:29) Fi żmien meta l-mexxejja taʼ Ġuda tal-qedem kienu mgħobbijin bi ħtija kbira, Jehovah ddikjara: “Meta intom tiftħu jdejkom, jien inwarrab għajnejja minnkom; ukoll jekk tkattru t-talb, jien ma nismagħkomx, għax idejkom mimlija demm.”—Isaija 1:1, 15.
L-appostlu Pietru semma raġuni oħra għala t-talb jistaʼ ma jkunx aċċettat minn Alla. Pietru kiteb: “Intom ukoll, rġiel, għammru bl-għaqal man-nisa tagħkom; agħtuhom il-ġieħ li ħaqqhom, kemm għax huma aktar dgħajfa minnkom u kemm għax huma wkoll imsejjħa għall-grazzja tal-ħajja. Hekk ma ssibux tfixkil fit-talb tagħkom.” (1 Pietru 3:7) It-talb taʼ raġel li jinjora dan il-parir ma jitlax ’il fuq iktar mis-saqaf!
Jidher ċar li jekk wieħed irid li t-talb tiegħu jinstemaʼ, irid jissodisfa ċerti ħtiġijiet. Madankollu, ħafna minn dawk li jitolbu ftit li xejn joqogħdu jħabblu rashom biex jagħmlu dak li Alla jirrikjedi minna. Huwa għalhekk li l-ħrara kollha murija fit-talb ma rriżultatx f’dinja aħjar.
Allura, Alla x’jirrikjedi minna biex jismaʼ t-talb tagħna? Ir-risposta għandha x’taqsam maʼ l-istess raġuni għala nitolbu. Fil-fatt, biex inkunu nafu jekk it-talb jagħmilx ġid jew le, irridu nifhmu l-iskop tiegħu. Jehovah għala għamilha possibbli għalina li nitkellmu miegħu?
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 3]
G.P.O., Ġerusalemm