LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 12/1 pp. 20-23
  • Kif Jistaʼ Jkollok Ħafna Ħbieb

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Jistaʼ Jkollok Ħafna Ħbieb
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ħbieb Veri Huma Imprezzabbli
  • Fejn Tistaʼ Ssib Ħbieb Veri
  • Ħbieb Għal Dejjem
  • Nissodisfaw ix-Xewqa Kbira Tagħna għall-Ħbiberija
    Stenbaħ!—2004
  • Int Tista’ Tkun Ħabib ta’ Ġeħova
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • “Intom Ħbiebi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2009
  • “Sejjaħtilkom Ħbieb”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 12/1 pp. 20-23

Kif Jistaʼ Jkollok Ħafna Ħbieb

“LI JKOLLOK ĦABIB WIEĦED TUL ĦAJTEK DIĠÀ XI ĦAĠA KBIRA; LI JKOLLOK TNEJN, DIFFIĊLI ĦAFNA; LI JKOLLOK TLIETA HU KWAŻI IMPOSSIBBLI.”—Henry Brooks Adams.

RIMARKA bħal din tissuġġerixxi li l-​ħbieb veri huma rari. Taʼ spiss kummenti bħalma huma “Ma nsib għajnuna mingħand ħadd,” “Ma nistaʼ nafda lil ħadd,” jew “Il-​kelb hu l-​aqwa ħabib tiegħi” jiġu mingħand nies li jħossuhom waħedhom u li qed ifittxu l-​ħbiberija.

Li tagħmel u żżomm ħbiberiji dejjiema hu taʼ sfida kbira. Stħarriġ li sar wera li “fl-​Istati Uniti 25 fil-​mija mill-​popolazzjoni adulta jbatu minn ‘solitudni kronika’ u . . . fi Franza nofs il-​popolazzjoni esperjenzat iżolament qawwi.” Iż-​żjieda kbira fl-​ammont taʼ aġenziji matrimonjali u chat rooms tal-​kompjuter, kif ukoll l-​ammont taʼ avviżi fil-​gazzetta mingħand dawk li qed ifittxu kumpanija taʼ xi ħadd jindikaw li n-​nies jixxennqu għal kuntatt uman.

In-newropsikologu, Dr. David Weeks jgħid li s-​solitudni ma teffettwax biss l-​istat mentali taʼ dak li jkun iżda wkoll is-​saħħa fiżika tiegħu. “Jien għandi proporzjon kbir taʼ pazjenti li jbatu bl-​ansjetà u d-​dipressjoni li tistaʼ tiddeskrivihom bħala li jbatu mis-​solitudni. Hemm konnessjoni bejn kemm tkun qawwija d-​dipressjoni u kemm tkun qawwija s-​solitudni.”

Id-divorzju u l-​falliment fil-​ħajja tal-​familja jġagħlu lil iktar u iktar nies jgħixu l-​ħajja waħedhom. Stħarriġ li sar fil-​Gran Britannja kkonkluda li sal-​bidu tas-​seklu 21, mat-​30 fil-​mija tal-​popolazzjoni taʼ dak il-​pajjiż se jkunu jgħixu f’dar waħedhom.

L-Iskrittura ispirata bassret li fl-​aħħar jiem ikun hawn spirtu taʼ egoiżmu kbir. (2 Timotju 3:​1-5) Donnu li ħafna huma iktar interessati f’affarijiet materjali bħal xi dar jew karozza, jew fl-​impjieg tagħhom milli f’li jikkultivaw relazzjonijiet maʼ nies oħrajn. L-​awtur Anthony Storr josserva: “Minflok ma ħajjithom tkun iċċentrata fuq l-​imseħbin u t-​tfal tagħhom, din tkun ibbażata fuq l-​uffiċċju.”

Il-​Ħbieb Veri Huma Imprezzabbli

Il-​kwalità taʼ ħajtek tiddependi ħafna fuq il-​kwalità taʼ ħbiberiji li għandek. Spiss dawk li jgħixu għalihom infushom m’humiex ferħanin għax m’għandhomx ħbieb maʼ min jaqsmu l-​affarijiet u l-​ħsibijiet tagħhom. Veru hu l-​kliem taʼ Ġesù Kristu: “Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.” (Atti 20:35) Din il-​verità tidwi fil-​kliem tal-​poeta Ingliż George Byron li kiteb: “Biex tikseb il-​ferħ, trid taqsmu m’oħrajn.”

X’inhu ħabib? Dizzjunarju wieħed jiddefinixxi ħabib bħala “persuna marbuta m’oħra permezz taʼ affezzjoni jew stima.” Ħabib veru jistaʼ jgħinek tidderieġi l-​ħsibijiet tiegħek lejn affarijiet tajbin. Jistaʼ jinkuraġġik u jibnik meta jkollok bżonn. Jistaʼ saħansitra jaqsam miegħek in-​niket. Is-​Sultan Salamun qal: “Il-​ħabib [veru] iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-​hemm.” (Proverbji 17:17) Filwaqt li l-​affarijiet materjali spiss jitilfu l-​valur tagħhom maż-​żmien, il-​ħbiberija vera tikber u tiffjorixxi biż-​żmien.

L-Iskrittura twiddeb lill-​Kristjani biex ‘jiftħu qalbhom beraħ’ fl-​affezzjoni tagħhom. (2 Korintin 6:13) Huwa għaqli li wieħed jipprova jingwalaha m’oħrajn. F’Koħèlet 11:​1, 2, naqraw: “Ibgħat ħobżok fuq wiċċ il-​baħar, għax wara żmien twil jerġagħlek lura. Qassmu f’sebat ishma, anzi fi tmienja, għax ma tafx xi ħsara tistaʼ tiġi fuq l-​art.” Dan il-​prinċipju kif japplika għall-​ħbiberija? Jekk tkun ħabib taʼ ħafna nies, xi wħud minnhom għandhom mnejn jiġu jgħinuk jekk issib ruħek f’xi diffikultà.

Ħbieb veri huma taʼ protezzjoni għalik b’mod ieħor. “Is-​swat taʼ min iħobb, sinċier,” jgħid Proverbji 27:6. Għalkemm jistaʼ jkun hemm ħafna nies li jfaħħruk, il-​ħbieb veri biss jistmawk biżżejjed biex juruk meta tonqos serjament u joffrulek pariri li jibnuk b’mod taʼ mħabba.—Proverbji 28:23.

Ħbieb tajbin u tal-​qalb huma fost dawk l-​għotjiet rari li jistgħu jipproduċu fik xejra pożittiva. F’Atti kapitlu 10, naqraw dwar ġrajja fil-​ħajja taʼ Kornelju, uffiċjal fl-​armata Rumana, li kien ġie informat minn anġlu li t-​talb tiegħu kien instemaʼ. Meta kien qed jistenna ż-​żjara taʼ l-​appostlu Pietru, Kornelju “laqqaʼ flimkien lil niesu [u] ’l ħbiebu.” Dawn il-​ħbieb intimi taʼ Kornelju kienu fost l-​ewwel Ġentili mhux ċirkonċiżi li ħaddnu l-​aħbar tajba u ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis, bil-​prospett li jaħkmu maʼ Kristu fis-​Saltna t’Alla. X’barka rċivew il-​ħbieb intimi taʼ Kornelju!—Atti 10:​24, 44.

Iżda, kif jistaʼ jirnexxilek issib il-​ħbieb? Il-​Bibbja, li għandha ħafna x’tgħid dwar il-​ħbiberija, twieġeb permezz taʼ pariri prattiċi. (Ara l-​kaxxa hawn taħt.)

Fejn Tistaʼ Ssib Ħbieb Veri

L-​aħjar post fejn tistaʼ ssib ħbieb veri hu f’konnessjoni mal-​kongregazzjoni Kristjana. L-​ewwelnett, tistaʼ tieħu l-​opportunità biex issir ħabib taʼ Jehovah, il-​Ħallieq tiegħek u Missierek tas-​sema, u taʼ Ġesù Kristu, is-​Salvatur tiegħek. “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu,” qal Ġesù, li jistiednek biex tkun il-​ħabib tiegħu. (Ġwann 15:13, 15) Billi ssir il-​ħabib taʼ Jehovah u taʼ Ġesù Kristu, tistaʼ tkun ċert li huma se ‘jilqgħuk fl-​għerejjex taʼ dejjem.’ Iva, ħbiberija maʼ Jehovah u maʼ Ġesù tfisser ħajja taʼ dejjem.—Luqa 16:9; Ġwann 17:3.

Kif tistaʼ ssir ħabib tagħhom tal-​qalb? Il-​ħtiġijiet biex tkun mistieden fit-​tinda taʼ Jehovah bħala wieħed minn ħbiebu jinsabu f’Salm 15. Fittex fil-​Bibbja, u aqra l-​ewwel ħames versi taʼ dan is-​salm. Jerġaʼ, Ġesù Kristu qal: “Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom.”—Ġwann 15:14.

Iva, billi tistudja u twettaq bil-​ħeġġa kollha d-​direzzjoni mill-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, int turi li trid tkun il-​ħabib taʼ Jehovah u Ġesù. Għal dan l-​għan, għandek tattendi wkoll għal-​laqgħat Kristjani regolarment, fejn jingħata tagħrif dwar Alla Jehovah. Meta tagħti widen bis-​serjetà u bil-​fedeltà għal dak li jgħid Jehovah, int se ssir iktar qrib tiegħu u taʼ Ibnu.

Fil-laqgħat tistaʼ wkoll issir taf individwi li jħobbu lil Jehovah u jattwaw f’ħajjithom il-​frott taʼ l-​ispirtu—l-​imħabba, l-​hena, is-​sliem, is-​sabar, il-​ħniena, it-​tjieba, il-​fidi, il-​ħlewwa, u r-​rażan. (Galatin 5:​22, 23) Jekk trid bis-​serjetà ssib il-​ħbieb u twarrab is-​solitudni, attendi għal-​laqgħat Kristjani kull ġimgħa. Jekk tagħmel dan tkun qed tpoġġi lilek innifsek fil-​post u fil-​ħin xieraq biex trawwem ħbiberija dejjiema mal-​poplu mbierek t’Alla.

Ħbieb Għal Dejjem

Il-​ħbiberija vera hija rigal taʼ l-​għaġeb mingħand Alla Jehovah. Din toħroġ mill-​istess personalità u natura tiegħu. Minħabba l-​ispirtu ġeneruż u taʼ mħabba tiegħu, hu mela l-​art bi ħlejjaq intelliġenti li magħhom tistaʼ tiżviluppa ħbiberija. Assoċja maʼ Kristjani sħabek. Inkuraġġihom. Aħdem magħhom fil-​ministeru. Itlob magħhom u għalihom regolarment. Imbagħad tkun qed timita lil Jehovah u lil Ibnu, Ġesù Kristu.

Il-ħbiberija hija rigal li kulħadd kapaċi jagħtih u jirċivih. Fil-​futur qarib, se jkollok l-​opportunità li tkabbar iċ-​ċirku tiegħek taʼ ħbieb. Tistaʼ ssir ħabib taʼ miljuni li huma ħajjin issa, kif ukoll taʼ dawk minn ġenerazzjonijiet tal-​passat li huma reqdin fil-​mewt, jistennew l-​irxoxt meta “ma jkunx hemm iżjed mewt.” (Apokalissi 21:4; Ġwann 5:​28, 29) Agħmel ħiltek biex tinġieb m’oħrajn, u agħmel ħbieb maʼ dawk li jħobbu lil Jehovah. Żomm il-​ħbiberija m’Alla Jehovah u maʼ Ġesù Kristu billi tagħti widen għall-​Kelma ispirata t’Alla. Imbagħad, qatt ma se terġaʼ tħossok waħdek, għall-​eternità kollha.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 22, 23]

SITT PUNTI GĦAL ĦBIBERIJA DEJJIEMA

1. KUN ĦABIB. Abraham kien imsejjaħ il-“ħabib taʼ Alla” minħabba l-fidi soda tiegħu. (Ġakbu 2:23) Imma kien hemm raġuni oħra. Il-Bibbja tgħid li Abraham wera l-affezzjoni tiegħu għal Alla. (2 Kronaki 20:7) Ħa l-inizjattiva u esprima s-sentimenti tiegħu lil Jehovah. (Ġenesi 18:20-33) Iva, hemm bżonn taʼ l-inizjattiva biex tagħti prova tal-ħbiberija tiegħek. Ġesù qal: “Agħtu, u jingħatalkom.” (Luqa 6:38) Kelma taʼ inkuraġġiment jew daqqa t’id meta jkun hemm il-bżonn jistgħu jkunu ż-żerriegħa li minnha tinbet ħbiberija kbira. Il-kittieb Amerikan Ralph Waldo Emerson darba qal: “L-uniku mod biex issib ħabib hu li tkun ħabib inti stess.”

2. SIB IL-ĦIN BIEX TRAWWEM IL-ĦBIBERIJA. Ħafna nies jixtiequ l-benefiċċji tal-ħbiberija. Madankollu, huma mħabbtin wisq biex jinvestu l-ħin neċessarju. Rumani 12:15, 16 jinkuraġġina biex naqsmu fil-ferħ u s-suċċess, fin-niket u d-diżappunti, t’oħrajn. Jgħidilna: “Ifirħu maʼ min jifraħ, ibku maʼ min jibki. Aħsbu f’xulxin l-istess.” Ġesù Kristu, għalkemm kien imħabbat ħafna, dejjem sab il-ħin għal ħbiebu. (Mark 6:31-34) Ftakar, il-ħbiberija, bħal pjanta bil-f juri, trid is-saqqiha u tieħu ħsiebha biex tiffjorixxi-u dan jieħu l-ħin.

3. OQGĦOD ATTENT META JKELLMUK. Nies li joqogħdu jisimgħu bi-attenzjoni spiss isibuha faċli li jkollhom ħbieb. “Araw li kull bniedem ikun ħafif biex jismaʼ, tqil biex jitkellem,” jgħid id-dixxiplu Ġakbu. (Ġakbu 1:19) Meta titkellem m’oħrajn ħu interess persunali fl-emozzjonijiet tagħhom. Inkuraġġihom jitkellmu dwarhom infushom. Ħu l-inizjattiva f’li tonorahom. (Rumani 12:10) Imbagħad waħedhom se jfittxuk. Għal kuntrarju, jekk dejjem trid tgħid tiegħek, jew dejjem trid tkun iċ-ċentru taʼ l-attenzjoni, se jkun diffiċli li ssib lil xi ħadd li lest jisimgħek jew li jinteressah fl-emozzjonijiet u l-bżonnijiet tiegħek.

4. AĦFER. Ġesù darba qal lil Pietru biex ikun lest li jaħfer “sa sebgħa u sebgħin darba.” (Mattew 18:21, 22) Ħabib veru lest li jagħlaq għajnejh għan-nuqqasijiet żgħar. Biex inġibu eżempju: Hawn min ma jħobbux ir-rummien minħabba ż-żerriegħa. Madankollu, min iħobb din il-frotta ma ddejqux iż-żerriegħa. Ħbieb veri huma maħbubin għal kwalitajiet sbieħ li għandhom; in-nuqqasijiet żgħar tagħhom jiġu skużati. Pawlu ħeġġiġna: “Stabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnkom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, aħfru lil xulxin.” (Kolossin 3:13) Dawk li jitgħallmu jaħfru ma jitilfuhomx il-ħbieb.

5. IRRISPETTA L-ĦAJJA PRIVATA T’OĦRAJN. Kulħadd għandu dritt għall-ħajja privata tiegħu, anki ħbiebek. Proverbji 25:17 josserva b’mod għaqli: “Toqgħodx ġej u sejjer f’dar ġarek, għax iddejqu u jixbaʼ minnek.” Għaldaqstant, kun raġunevoli dwar kemm tmur spiss għand il-ħbieb u kemm iddum għandhom. Tkunx pussessiv, għax dan jistaʼ jwassal għall-għira. Uża l-għaqal meta tesprimi ruħek dwar gosti u opinjonijiet persunali. Dan iwassal għal ħbiberija pjaċevoli u milqugħa tajjeb.

6. KUN ĠENERUŻ. Il-ħbiberiji jitrawmu permezz tal-ġenerożità. Il-parir taʼ l-appostlu Pawlu hu li nkunu ʼġenerużi u naqsmu m’oħrajn.ʼ (1 Timotju 6:18) Per eżempju, aqsam kliem inkuraġġanti m’oħrajn. (Proverbji 11:25) Kun ħafif biex tagħti tifħir sinċier u tgħid kliem li jibni. Meta tieħu interess ġenwin fil-benesseri t’oħrajn, dawn jinġibdu lejk. Aħseb dwar x’tistaʼ tagħmel għalihom int minflok ma tiffoka fuq x’jistgħu jagħmlu għalik huma.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja