LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w01 1/1 pp. 4-7
  • Fejqan għall-Pjagi tal-Gwerra

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Fejqan għall-Pjagi tal-Gwerra
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • F’Nofs Gwerra Ċivili
  • Għedewwa Jsiru Ħbieb
  • Noqtol—Imbagħad Immut Martri
  • “Jekk Veru Teżisti, Għinni Jekk Jogħġbok!”
  • “Il-​Kelma taʼ Alla Hi Ħajja u Qawwija”
  • Ġeħova sejjaħlu “l-ħabib tiegħi”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2016
  • Alla Jgħaddi l-Fidi t’Abraham Minn Prova
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Prova tal-fidi
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Qed Tistenna Int “il-Belt li Għandha Sisien taʼ Veru”?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
w01 1/1 pp. 4-7

Fejqan għall-​Pjagi tal-​Gwerra

ABRAHAM dam 20 sena f’armata tal-​gwerilli.a Iżda issa hu m’għadux jiġġieled u qatt m’hu se jmur iktar għall-​gwerra. Fil-​fatt, xi wħud minn dawk li qabel kienu għedewwa tiegħu issa huma l-​aqwa ħbieb li għandu. X’kien li ġagħlu jinbidel? Kienet il-​Bibbja. Din lil Abraham tatu t-​tama u d-​dehen, billi għenitu jibda jqis l-​affarijiet tal-​bnedmin kif iqishom Alla. Il-​Bibbja neħħietlu kull xewqa li jiġġieled, u bdiet ittaffilu d-​dwejjaq, l-​uġigħ, il-​mibegħda, u r-​rabja li kellu. Hu sab li l-​Bibbja fiha mediċina li kapaċi tfejjaq is-​sentimenti profondi mweġġgħin tiegħu.

Il-Bibbja kif tgħinek tfiq meta tkun imweġġaʼ emozzjonalment? Ma setgħetx tbiddel dak li kien ġara lil Abraham. Xorta waħda, il-​qari u l-​meditazzjoni fuq il-​Kelma t’Alla għenuh ibiddel il-​mod kif jaħsibha u jġibu fi qbil mal-​mod kif jaħsibha l-​Ħallieq. Issa għandu tama għall-​futur, u l-​prijoritajiet tiegħu m’għadhomx l-​istess. L-​affarijiet li Alla jqishom importanti sar iqishom importanti hu wkoll. Meta beda jiġri dan, il-​pjagi li kellu f’qalbu bdew ifiqu. Kien b’hekk li Abraham ġie megħjun biex jinbidel.

F’Nofs Gwerra Ċivili

Abraham twieled fis-​snin 30 ġewwa l-​Afrika. Wara t-​tieni gwerra dinjija, pajjiżu kien maħkum minn pajjiż ġar tiegħu li kien b’saħħtu ħafna, imma ħafna miċ-​ċittadini taʼ pajjiż Abraham riedu l-​indipendenza. Fl-​1961, Abraham ngħaqad maʼ moviment tal-​libertà li kien jiġġieled permezz tal-​gwerilli kontra dan il-​pajjiż tant b’saħħtu li kien jaħkimhom.

“Huma kienu l-​għedewwa tagħna. Kienu qed jippjanaw li joqtluna, allura aħna bdejna naraw kif se noqtlu lilhom,” jispjega Abraham.

Minħabba li ħajjet Abraham kienet f’periklu kontinwu, fl-​1982, wara 20 sena taʼ ġlied bl-​armamenti, hu ħarab lejn l-​Ewropa. Issa kellu fuq l-​40 sew, u billi sab ruħu b’ħafna ħin liberu, kien joqgħod jikkontempla dwar ħajtu. X’kien sar minnu l-​ħolm li kellu qabel? X’kien hemm lest għalih fil-​futur? Abraham iltaqaʼ maʼ xi Xhieda taʼ Jehovah u beda jattendi l-​laqgħat tagħhom. Hu ftakar li xi snin qabel, meta kien fl-​Afrika, kien qara fuljett li tah wieħed Xhud. Il-​fuljett kien jiddeskrivi ġenna taʼ l-​art futura u gvern mis-​sema li kellu jaħkem fuq l-​umanità. Tgħid veru kien se jiġri dan?

Abraham jgħid: “Mill-​Bibbja tgħallimt li dawk is-​snin kollha li qattajt niġġieled kont ħlejthom. L-​uniku gvern li se jittratta lil kulħadd bil-​ġustizzja huwa s-​Saltna t’Alla.”

Ftit wara li Abraham tgħammed bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, wieħed raġel jismu Robert ħarab mill-​Afrika lejn dik il-​belt fl-​Ewropa fejn kien jgħix Abraham. Robert u Abraham kienu ġġieldu fl-​istess gwerra, imma kontra xulxin. Robert spiss kien iberren dwar x’inhu verament l-​iskop tal-​ħajja. Bħala bniedem reliġjuż li kien familjari mal-​Bibbja, hu kien jaf li isem Alla hu Jehovah. Meta x-​Xhieda mill-​kongregazzjoni t’Abraham offrew li jgħinu lil Robert biex jifhem iktar il-​Bibbja, hu mill-​ewwel aċċetta.

Robert jispjega: “Mill-​bidunett bqajt impressjonat bil-​mod kif ix-​Xhieda jużaw l-​ismijiet taʼ Jehovah u Ġesù, għaliex huma jagħrfu li dawn huma persuni differenti. Dan kien jaqbel maʼ dak li kont naf diġà mill-​Bibbja. Barra minn hekk, ix-​Xhieda jilbsu pulit u huma qalbhom tajba m’oħrajn, tkun xi tkun in-​nazzjonalità tagħhom. Affarijiet bħal dawn kellhom effett kbir fuqi.”

Għedewwa Jsiru Ħbieb

Robert u Abraham, li qabel kienu għedewwa, issa saru ħbieb tal-​qalb. Huma jaqdu bħala evanġelizzaturi full-time fl-​istess kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah. “Waqt il-​gwerra, taʼ spiss kont noqgħod naħseb kif setaʼ jkun li nies minn pajjiżi ġirien, minkejja li ħafna minnhom kienu taʼ l-​istess reliġjon, kienu jobogħdu lil xulxin,” jispjega Abraham. “Jien u Robert konna membri taʼ l-​istess knisja, imma xorta waħda morna niġġieldu fil-​gwerra kontra xulxin. Issa t-​tnejn li aħna Xhieda taʼ Jehovah, u l-​fidi tagħna għaqqditna.”

“Dik hi d-​differenza,” iżid Robert. “Issa aħna membri taʼ reliġjon li tagħmilna parti minn fratellanza ġenwina. Qatt m’aħna se mmorru għall-​gwerra iktar.” Il-​Bibbja kellha effett kbir fuq il-​qlub taʼ dawn l-​irġiel li qabel kienu għedewwa. Il-​mibegħda u r-​rabja bil-​mod il-​mod sparixxew u minflokhom issa daħlu l-​fiduċja u l-​ħbiberija.

Fl-istess żmien li Abraham u Robert kienu qed jiġġieldu fil-​gwerra, żewġ żgħażagħ oħra kienu qed jiġġieldu kontra xulxin fi gwerra oħra bejn żewġ pajjiżi ġirien. F’qasir żmien, il-​Bibbja serviet bħala mediċina li kienet kapaċi tfejjaq is-​sentimenti profondi mweġġgħin tagħhom ukoll. Kif?

Noqtol—Imbagħad Immut Martri

Gabriel, li trabba f’familja reliġjuża, kien ġie mgħallem li pajjiżu kien qed jiġġieled gwerra qaddisa. Għalhekk, meta kellu 19-il sena, hu minn jeddu daħal fis-​servizz militari, u talab biex jintbagħat fuq il-​front tal-​battalja. Dam 13-il xahar f’battalja mill-​eħrex, u xi drabi kien ikun xi kilometru u nofs biss ’il bogħod mill-​għadu. “Dak li ġara darba minnhom ma ninsieh qatt,” jgħid hu. “Il-​kmandant tagħna qalilna li l-​għadu kien se jattakkana dak il-​lejl. Tant bżajna li bqajna nisparaw il-​kanuni tagħna l-​lejl kollu.” Hu kien iqis lin-​nies tal-​pajjiż l-​ieħor bħala l-​għedewwa tiegħu, li kien ħaqqhom il-​mewt. “Ridt noqtol nies kemm stajt. Imbagħad, bħal ħafna minn ħbiebi, xtaqt immut martri.”

Madankollu, maż-​żmien Gabriel beda jħossu diżappuntat ħafna. Hu ħarab lejn il-​muntanji, qasam il-​fruntiera baxx baxx għal ġo pajjiż newtrali, u mar lejn l-​Ewropa. Kien dejjem jistaqsi lil Alla għala l-​ħajja kienet daqshekk diffiċli, u jekk il-​problemi kinux kastig mingħand Alla. Hu ġie f’kuntatt max-​Xhieda taʼ Jehovah, li wrewh mill-​Bibbja għala l-​ħajja tal-​lum hi tant mimlija problemi.—Mattew 24:​3-​14; 2 Timotju 3:​1-5.

Iktar ma Gabriel beda jitgħallem mill-​Bibbja, iktar beda jirrealizza li fiha hemm il-​verità. “Tgħallimt li nistgħu ngħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. Għax tgħid, meta kont tifel hekk kont nixtieq.” Il-​Bibbja farrġet lil Gabriel u serrħitu mill-​inkwiet li dejjem taqqallu qalbu. L-​iktar feriti emozzjonali fondi li kellu bdew ifiqu. Għalhekk, sakemm iltaqaʼ maʼ Daniel, li qabel kien għadu tiegħu, Gabriel ma kien baqaʼ jħoss ebda sentimenti taʼ mibegħda. Imma x’ġiegħel lil Daniel imur lejn l-​Ewropa?

“Jekk Veru Teżisti, Għinni Jekk Jogħġbok!”

Daniel trabba f’familja Kattolika, u meta kellu 18-il sena bagħtu għalih biex jidħol fil-​militar. Hu ntbagħat jiġġieled fl-​istess gwerra li kien qed jiġġieled fiha Gabriel, imma kien fuq in-​naħa l-​oħra. Darba Daniel kien riekeb ġo tank viċin il-​front tal-​battalja meta t-​tank li kien fih intlaqat. Ħbiebu mietu, u hu spiċċa ferut gravi u ttieħed priġunier. Dam xhur sħaħ l-​isptar u mbagħad ġo kamp, u wara ddeportawh lejn pajjiż newtrali. Sab ruħu waħdu u bla sold, u beda jaħsibha jagħmilx suwiċidju. Daniel talab lil Alla: “Jekk veru teżisti, għinni jekk jogħġbok!” L-​għada stess, marru għandu x-​Xhieda taʼ Jehovah u wiġbulu ħafna mill-​mistoqsijiet li kellu. Fl-​aħħar, hu mar lejn l-​Ewropa bħala refuġjat. Għal darb’oħra, Daniel issieħeb max-​Xhieda u studja l-​Bibbja magħhom. Dak li tgħallem taffielu l-​ansjetà u r-​rabja li kellu.

Gabriel u Daniel issa huma ħbieb kbar, u jinsabu magħqudin fi fratellanza spiritwali bħala Xhieda mgħammdin taʼ Jehovah. “L-​imħabba tiegħi għal Jehovah u l-​għarfien tal-​Bibbja għenuni biex nibda nara l-​affarijiet kif jarahom hu. Daniel m’għadux l-​għadu tiegħi. Snin ilu ma kontx naħsibha darbtejn biex noqtlu. Imma l-​Bibbja għallmitni propju l-​kontra taʼ dan, jiġifieri li għandi nkun lest li mmut għalih,” jgħid Gabriel.

“Rajt nies taʼ reliġjonijiet u nazzjonalitajiet differenti joqtlu lil xulxin,” jgħid Daniel. “Barra minn hekk, kien hemm nies taʼ l-​istess reliġjon jiġġieldu kontra xulxin u joqtlu lil xulxin fl-​istess gwerra. Meta kont nara dan, kont inħoss li kien tort t’Alla. Issa naf li huwa Satana li jaħti għall-​gwerer kollha. Jien u Gabriel issa aħwa spiritwali. Qatt m’aħna se mmorru iktar għall-​gwerra!”

“Il-​Kelma taʼ Alla Hi Ħajja u Qawwija”

Abraham, Robert, Gabriel, u Daniel għala nbidlu daqshekk? Kif irnexxielhom ineħħu l-​mibegħda u l-​uġigħ li tant kienu ilhom f’qalbhom?

Kull wieħed minn dawn l-​irġiel qara, immedita fuq, u tgħallem il-​verità mill-​Bibbja, li hi “ħajja u qawwija.” (Lhud 4:12) L-​Awtur tal-​Bibbja huwa l-​Ħallieq tal-​bniedem, li jaf kif jinfluwenza għat-​tajjeb il-​qalb taʼ xi ħadd li jkun lest li jagħti widen u jitgħallem. “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa.” Meta min jaqra jħalli lilu nnifsu jiġi gwidat mill-​Bibbja, hu jadotta valuri u prinċipji ġodda. Jibda jitgħallem kif Jehovah jħares lejn l-​affarijiet. Dan il-​proċess iġib ħafna benefiċċji, inkluż fejqan għall-​pjagi tal-​gwerra.—2 Timotju 3:16.

Il-Kelma t’Alla tispjega li ebda nazzjon, razza, jew grupp etniku m’hu aħjar jew agħar minn ieħor. “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-​biżaʼ tiegħu u jagħmel is-​sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” Min jaqra dan u jaċċettah jiġi megħjun bil-​mod il-​mod biex jegħleb sentimenti taʼ mibegħda razzjali jew nazzjonali.—Atti 10:​34, 35.

Il-profeziji tal-​Bibbja jindikaw li Alla dalwaqt se jġib is-​Saltna Messjanika tiegħu minflok is-​sistema preżenti taʼ gvern mill-​bniedem. Permezz taʼ dan il-​gvern, Alla se “jwaqqaf il-​gwerer sa truf l-​art.” L-​istituzzjonijiet li jħeġġu l-​gwerra u jinkuraġġixxu lin-​nies biex jiġġieldu fihom se jitneħħew. Il-​vittmi tal-​gwerra se jiġu rxoxtati u jingħataw iċ-​ċans li jgħixu fuq art magħmula ġenna. Ħadd ma se jkollu jaħrab minn xi ħadd li jattakkah jew minn xi ħakkiem kiefer.—Salm 46:10 [46:​9, NW]; Danjel 2:44; Atti 24:15.

Dwar il-​bnedmin li se jkunu jgħixu dak iż-​żmien, il-​Bibbja tgħid: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-​dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor . . . Ma jitħabtux għal xejn u ma jildux tfal biex jinqerdu ħesrem.” Ma jkun hemm ebda ferita jew ġerħa li ma tiġix imfejqa. Jekk wieħed ikollu fidi f’tama bħal din, bil-​mod il-​mod ineħħi kull traċċa taʼ wġigħ u dwejjaq minn ġo qalbu.—Isaija 65:​21-23.

Il-Bibbja hija mediċina li tassew kapaċi tfejjaq sentimenti profondi mweġġgħin. It-​tagħlim tagħha diġà qed ifejjaq il-​pjagi tal-​gwerra. Uħud li qabel kienu għedewwa qegħdin jingħaqdu fi fratellanza internazzjonali. Dan il-​proċess taʼ fejqan se jkompli fis-​sistema l-​ġdida t’Alla sakemm ma jkunx hemm iktar mibegħda u rabja, dwejjaq u wġigħ fil-​qlub tal-​bnedmin. Il-​Ħallieq iwiegħed li “ma jitfakkarx iżjed l-​imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.”—Isaija 65:17.

[Nota taʼ taħt]

a Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

[Kumment f’paġna 4]

“Mill-​Bibbja tgħallimt li dawk is-​snin kollha li qattajt niġġieled kont ħlejthom”

[Kumment f’paġna 5]

Il-​Bibbja jistaʼ jkollha influwenza qawwija fuq il-​qlub taʼ nies li qabel kienu għedewwa

[Kumment f’paġna 6]

Il-​mibegħda u r-​rabja bil-​mod il-​mod sparixxew u minflokhom issa daħlu l-​fiduċja u l-​ħbiberija

[Kumment f’paġna 6]

Meta min jaqra jħalli lilu nnifsu jiġi gwidat mill-​Bibbja, hu jadotta valuri u prinċipji ġodda

[Stampa f’paġna 7]

Uħud li qabel kienu għedewwa issa qegħdin jingħaqdu fi fratellanza internazzjonali

[Sors tal-​istampa f’paġna 4]

Kamp tar-​refuġjati: UN PHOTO 186811/J. Isaac

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja